‘Stkenn fl-Isem taʼ Ġeħova’
“Se nħalli . . . poplu umli u ġwejjed, u huma se jistkennu fl-isem taʼ Ġeħova.”—SOF. 3:12.
1, 2. Liema maltempata figurattiva se tolqot lill-umanità dalwaqt?
ĠIELI kellek tistkenn minn maltempata bix-xita jew bis-silġ billi ssib kenn, bħal taħt xi pont? Pont kapaċi jipprovdilek il-kenn meħtieġ għal waqt maltempata bix-xita jew bis-silġ, imma probabbilment ma tantx se jipprovdi protezzjoni minn xi riefnu jew uragan.
2 Tip differenti taʼ maltempata tinsab riesqa—waħda li thedded l-istess eżistenza tal-umanità. Dan hu “jum taʼ maltempata” figurattiv. Dan “il-jum il-kbir taʼ Ġeħova” se jeffettwa lill-umanità kollha. Madankollu, nistgħu nsibu l-kenn li neħtieġu. (Aqra Sofonija 1:14-18.) Kif nistgħu nagħmlu dan matul “jum il-qilla taʼ Ġeħova” li se jibda dalwaqt?
Żmien taʼ Maltemp fi Żminijiet Bibliċi
3. Liema “maltempata bir-ragħad” ġiet fuq is-saltna t’Iżrael b’għaxar tribujiet?
3 Il-jum taʼ Ġeħova se jfaqqaʼ bil-qerda tar-reliġjon falza kollha fuq l-art. Biex inkunu nafu kif insibu kenn, nistgħu nfittxu għat-tweġiba fl-istorja tal-poplu t’Alla tal-qedem. Isaija, li kien jgħix fit-tmien seklu Q.E.K., xebbah il-ġudizzju taʼ Ġeħova fuq is-saltna apostata t’Iżrael b’għaxar tribujiet maʼ “maltempata bir-ragħad” li n-nies ma setgħux iwaqqfuha. (Aqra Isaija 28:1, 2.) Din il-profezija kellha l-ewwel twettiq tagħha fis-sena 740 Q.E.K., meta l-Assirja invadiet l-art taʼ dawn it-tribujiet, u Efrajm kien l-iktar tribù prominenti minnhom kollha.
4. ‘Jum kbir taʼ Ġeħova’ kif laqat lil Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K.?
4 Il-ġudizzju kontra Iżrael li ma kienx leali ġie segwit minn ‘jum kbir taʼ Ġeħova’ kontra Ġerusalemm u s-saltna taʼ Ġuda fis-sena 607 Q.E.K. Din il-ġrajja seħħet minħabba li l-poplu taʼ Ġuda wkoll kien sar apostata. Il-Babiloniżi taħt Nebukadnessar heddew lil Ġuda u l-kapitali tagħha Ġerusalemm. In-nies taʼ Ġuda fittxew l-għajnuna mingħand “il-kenn tal-gidba,” jiġifieri, mingħand l-alleanza politika tagħhom mal-Eġittu. Minkejja dan, bħal maltempata qerrieda, il-Babiloniżi kaxkru ’l hemm lil dan il-“kenn.”—Is. 28:14, 17.
5. X’se jiġrilu l-poplu t’Alla bħala grupp matul il-qerda tar-reliġjon falza kollha kemm hi?
5 Il-jum il-kbir taʼ Ġeħova li laqat lil Ġerusalemm kien juri bil-quddiem il-ġudizzju li ġej fuq il-Kristjaneżmu apostata fi żmienna. Barra minn hekk, il-bqija taʼ “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, se tinqered. Wara dan, dak li jibqaʼ mis-sistema mill-agħar taʼ Satana se jinqered. Imma l-poplu t’Alla bħala grupp se jsalva minħabba li qed jistkenn f’Ġeħova.—Riv. 7:14; 18:2, 8; 19:19-21.
Kenn Spiritwali u Fiżiku
6. Il-poplu taʼ Ġeħova kif jistaʼ jsib kenn?
6 Il-poplu t’Alla kif jistaʼ jsib kenn anki issa f’dan iż-żmien tat-tmiem? Aħna nsibu kenn spiritwali billi bit-talb ‘naħsbu fuq isem Alla’ u billi naqduh biż-żelu. (Aqra Malakija 3:16-18.) Imma hemm bżonn nifhmu li rridu nagħmlu iktar milli sempliċement naħsbu fuq ismu. Naqraw: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jiġi salvat.” (Rum. 10:13) Hemm rabta bejn li nsejħu isem Ġeħova u s-salvazzjoni minnu li tirriżulta minn dan. U ħafna nies taʼ qalb onesta jistgħu jaraw id-differenza bejn il-Kristjani veri, li b’devozzjoni qed “jaħsbu fuq ismu” u jaqdu bħala Xhieda tiegħu, u dawk mill-bnedmin li mhumiex jaqduh.
7, 8. Il-Kristjani tal-ewwel seklu b’liema mod esperjenzaw salvazzjoni fiżika, u liema xebh hemm fi żmienna?
7 Minkejja dan, is-salvazzjoni disponibbli għalina mhijiex biss kenn spiritwali. Alla jwiegħed salvazzjoni fiżika lill-poplu tiegħu. Naraw dan minn dak li seħħ fis-sena 66 E.K. wara li armata Rumana taħt Ċestju Gallu attakkat lil Ġerusalemm. Ġesù kien bassar li l-jiem taʼ din it-tribulazzjoni kellhom ‘jitqassru.’ (Mt. 24:15, 16, 21, 22) Dan seħħ meta l-forzi Rumani abbandunaw l-assedju tal-belt bla mistenni, u dan ippermetta li xi ‘bnedmin,’ jiġifieri l-Kristjani veri, setgħu ‘jiġu salvati.’ Huma setgħu jaħarbu mill-belt u mill-inħawi taʼ madwarha. Xi wħud qasmu l-Ġordan u sabu kenn fil-muntanji fin-naħa tal-Lvant taʼ din ix-xmara.
8 Nistgħu nagħmlu xebh bejn dawk il-Kristjani u l-poplu t’Alla llum. Fil-passat, il-Kristjani tal-ewwel seklu fittxew kenn, u l-qaddejja t’Alla llum se jagħmlu l-istess. Però, din id-darba mhux se jinvolvi li jaħarbu lejn post speċifiku, għaliex il-Kristjani veri jinsabu madwar id-dinja kollha. Xorta waħda, bħala poplu, “il-magħżulin” u l-imseħbin leali tagħhom se jsalvaw fiżikament mit-tmiem tal-Kristjaneżmu apostata billi jistkennu f’Ġeħova u fl-organizzazzjoni tiegħu li qisha muntanja.
9. Min ipprova jnissi l-isem taʼ Ġeħova? Agħti eżempju.
9 Mill-banda l-oħra, il-Kristjaneżmu jistħoqqlu l-qerda li ġejja talli l-mexxejja tiegħu m’għallmux il-verità dwar Alla u l-prinċipji tiegħu lin-nies li jmorru l-knisja u talli wera mibegħda lejn isem Alla. Fil-Medju Evu, l-isem persunali t’Alla kien magħruf sew fl-Ewropa. Dan l-isem, rappreżentat minn erbaʼ ittri Ebrajċi li jissejħu t-Tetragrammaton u normalment tradotti letteralment bħala JĦWH, kont issibu fuq il-muniti, il-faċċati tad-djar, f’ħafna kotba u Bibbji, u anki f’xi knejjes Kattoliċi u Protestanti. Però, dan l-aħħar daħlet id-drawwa li l-isem t’Alla jitneħħa minn traduzzjonijiet Bibliċi u minn affarijiet oħrajn. Indikazzjoni waħda taʼ dan hi l-Ittra lill-Konferenzi tal-Isqfijiet dwar ‘l-Isem t’Alla,’ bid-data tad-29 taʼ Ġunju, 2008, maħruġa mill-Kongregazzjoni għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti. Fiha, il-Knisja Kattolika Rumana tat il-parir li minflok it-Tetragrammaton bit-traduzzjonijiet diversi tagħha għandha titpoġġa l-kelma “Mulej.” Il-Vatikan ta l-istruzzjoni li l-isem persunali t’Alla la għandu jiġi użat u lanqas pronunzjat fl-attivitajiet, l-għanjiet, u t-talb reliġjuż Kattoliku. U l-mexxejja taʼ reliġjonijiet oħrajn fil-Kristjaneżmu u reliġjonijiet oħrajn ukoll ħbew l-identità tal-Alla l-veru mill-ħafna miljuni t’aduraturi.
Protezzjoni Għal Dawk li Jqaddsu l-Isem t’Alla
10. Isem Alla kif qed jingħata unur illum?
10 B’differenza li tassew tispikka għal dak li jagħmlu reliġjonijiet oħrajn, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jonoraw u jigglorifikaw l-isem divin. Huma jqaddsuh billi jużawh b’mod li juri rispett. Ġeħova jieħu pjaċir b’dawk li jafdaw fih, u hu jsir kulma hu meħtieġ biex ibierek u jipproteġi l-poplu tiegħu. Hu “jaf b’dawk li jfittxu l-kenn fih.”—Naħ. 1:7; Atti 15:14.
11, 12. Min appoġġa l-isem taʼ Ġeħova f’Ġuda tal-qedem, u min għamel dan fiż-żmien tal-lum?
11 Għalkemm il-maġġuranza min-nies tal-ġens taʼ Ġuda tal-qedem kienu saru apostati, kien hemm xi wħud li ‘stkennew fl-isem taʼ Ġeħova.’ (Aqra Sofonija 3:12, 13.) Iva, meta Alla kkastiga l-art taʼ Ġuda li kienet bla fidi billi ħalla l-Babiloniżi jirbħulha u jieħdu l-poplu tagħha fil-jasar, xi individwi bħal Ġeremija, Baruk, u Għebed-melek, ġew meħlusin. Huma għexu ‘f’nofs’ ġens apostata. Oħrajn baqgħu leali meta kienu fil-jasar. Fis-sena 539 Q.E.K., il-Medi u l-Persjani taħt Ċiru rebħu lil Babilonja. Ċiru ma damx ma ħareġ digriet li ppermetta li fdal tal-Lhud imur lura pajjiżu.
12 Dwar dawk li kienu se jgawdu dan it-tiġdid tal-qima vera, Sofonija bassar li Ġeħova kien se jsalvahom u jifraħ bihom. (Aqra Sofonija 3:14-17.) Dan seħħ fi żmienna wkoll. Wara li s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-sema, Ġeħova ħeles lill-fdal leali tal-midlukin minn jasar spiritwali f’Babilonja l-Kbira. U hu għadu jifraħ bih sal-lum.
13. Liema ħelsien qed jesperjenzaw in-nies tal-ġnus kollha?
13 Dawk li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-art ukoll ħarġu minn Babilonja l-Kbira u jgawdu ħelsien spiritwali minn tagħlim reliġjuż falz. (Riv. 18:4) Għalhekk, Sofonija 2:3 għandu l-akbar twettiq fi żmienna: “Fittxu lil Ġeħova, intom il-ġwejdin kollha taʼ l-art.” Il-ġwejdin tal-ġnus kollha, kemm jekk għandhom it-tama għas-sema u kemm jekk għall-art, issa qed jistkennu fl-isem taʼ Ġeħova.
L-Isem t’Alla Mhuwiex Xi Taliżman
14, 15. (a) Xi wħud x’qiesu u użaw bħala taliżmani? (b) X’m’għandux jintuża bħala oġġett li jġib il-fortuna?
14 Xi Iżraelin kienu jqisu t-tempju bħala taliżman, jew oġġett li jġib ir-risq, li kien se jipproteġihom mill-għedewwa. (Ġer. 7:1-4) Iktar kmieni, l-Iżraelin kienu jqisu l-arka tal-patt bħala oġġett li jġib il-fortuna u li kien se jipproteġihom fil-gwerer. (1 Sam. 4:3, 10, 11) Kostantinu l-Kbir pinġa l-ittri Griegi ki u ro, l-ewwel żewġ ittri tat-titlu “Kristu” bil-Grieg, fuq it-tarki tas-suldati tiegħu bit-tama li jipproteġihom matul il-battalja. U huwa maħsub li s-Sultan Gustavu Adolfu II tal-Isvezja, li ġġieled fil-Gwerra taʼ Tletin Sena, libes l-armatura murija f’paġna 7. Tistaʼ tara li l-isem “Iehova” tpoġġa fejn jispikka fuq din il-biċċa armatura.
15 Xi wħud min-nies t’Alla li ġew attakkati mid-demonji sabu kenn f’Ġeħova billi għajtulu b’leħen għoli. Xorta waħda, oġġett li jkollu l-isem t’Alla m’għandux jitqies bħala taliżman jew jintuża bħala oġġett li jġib il-fortuna fil-ħajja taʼ kuljum bħallikieku kellu xi qawwa maġika taʼ protezzjoni. Li nistkennu f’isem Ġeħova ma jfissirx dan.
Kif Nistkennu Llum
16. Kif nistgħu nistkennu spiritwalment illum?
16 Illum insibu kenn fis-sigurtà spiritwali li jgawdi l-poplu taʼ Ġeħova kollu kemm hu. (Salm 91:1) Permezz tal-“ilsir leali u għaqli” u l-anzjani fil-kongregazzjoni aħna niġu mwissijin dwar tendenzi tad-dinja li jistgħu jipperikolaw din is-sigurtà. (Mt. 24:45-47; Is. 32:1, 2) Aħseb dwar kemm-il darba ġejna mwissijin dwar il-materjaliżmu u aħseb dwar kif dawn it-twissijiet ipproteġewna mill-gwaj spiritwali. U xi ngħidu għall-periklu li niżviluppaw attitudni indifferenti li tistaʼ twassal biex aħna nsiru inattivi fis-servizz taʼ Ġeħova? Il-Kelma t’Alla tgħid: “L-indifferenza taʼ l-istupidi teqridhom. Imma min jismaʼ minni jgħammar fis-sigurtà u ma jinkwetax mill-biżaʼ taʼ xi gwaj.” (Prov. 1:32, 33) Aħna niġu megħjunin ukoll biex inżommu s-sigurtà spiritwali tagħna jekk nistinkaw biex nibqgħu nodfa moralment.
17, 18. X’inhu jgħin lil miljuni taʼ wħud jistkennu f’isem Ġeħova llum?
17 Aħseb ukoll dwar l-inkuraġġiment mill-ilsir leali biex insegwu l-kmand taʼ Ġesù biex nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna fl-art abitata kollha. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Sofonija semma bidla li kienet se tgħin lin-nies isibu kenn fl-isem t’Alla. Naqraw: “Għax f’dak iż-żmien se nagħti lill-popli l-bidla għal lingwa pura, biex ilkoll isejħu isem Ġeħova, biex jaqduh spalla maʼ spalla.”—Sof. 3:9.
18 X’inhi din il-lingwa pura? Il-lingwa pura hi l-verità dwar Alla Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu kif insibuhom fil-Kelma ispirata tiegħu. Int f’ċertu sens tkun qed tuża din il-lingwa meta taqsam m’oħrajn il-fehma eżatta dwar is-Saltna t’Alla u kif se tqaddes ismu, meta tenfasizza d-dritt t’Alla li jkun is-Sovran, u meta b’ferħ titkellem dwar il-barkiet dejjiema li se jgawdu l-bnedmin leali. Minħabba li hawn tant uħud li qed jitkellmu din il-lingwa figurattiva, għadd li dejjem jikber qed “isejħu isem Ġeħova” u “jaqduh spalla maʼ spalla.” Iva, miljuni madwar id-dinja issa qed isibu kenn f’Ġeħova.—Salm 1:1, 3.
19, 20. Fi żminijiet Bibliċi, dawk li wrew fiduċja fil-“kenn tal-gidba” kif ġew diżappuntati?
19 In-nies fid-dinja jkollhom ikampaw maʼ problemi li mill-ħarsa tagħhom ma jistgħux jegħlbuhom. Iddisprati biex isolvu l-problemi tagħhom, ħafna jfittxu l-għajnuna taʼ bnedmin imperfetti. Jew jittamaw għal soluzzjonijiet minn organizzazzjonijiet politiċi, sewwasew bħalma Iżrael tal-qedem kultant kien ifittex l-appoġġ tal-ġnus taʼ madwaru, u kien jagħmel alleanza magħhom. Madankollu, int taf li Iżrael ma ġiex megħjun meta għamel dan. U ebda stat politiku llum mhu se jsolvi għalkollox il-problemi tal-umanità, lanqas l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda. Allura, għala għandu individwu jħares lejn l-organizzazzjonijiet politiċi u l-alleanza maʼ ġnus oħrajn bħala kenn? B’mod profetiku, il-Bibbja ssejħilhom “kenn tal-gidba.” Tagħmel sew tħares lejhom b’dan il-mod għaliex kull min jittama fihom se jkun diżappuntat għall-aħħar.—Aqra Isaija 28:15, 17.
20 Dalwaqt il-maltempata bis-silġ figurattiva tal-jum taʼ Ġeħova se tolqot id-dinja. L-iskemi tal-bnedmin mhux se jkunu jistgħu jipprovdu protezzjoni; lanqas il-postijiet li joffru protezzjoni mill-attakki nukleari jew l-għana mhu se jagħmel dan. Isaija 28:17 jgħid: “Is-silġ irid jiknes il-kenn tal-gidba, u l-ilmijiet se jgħarrqu l-moħba.”
21. Liema benefiċċji nistgħu ngawdu jekk insegwu l-parir tal-iskrittura għas-sena 2011?
21 Kemm issa u kemm matul dan l-iżvilupp fil-futur, il-poplu t’Alla se jsib sigurtà vera fl-Alla tagħhom, Ġeħova. Isem Sofonija, li jfisser “Ġeħova Ħeba,” jurina li dan hu s-sors veru fejn nistgħu nsibu kenn. Huwa xieraq li għandna l-parir għaqli, ‘stkenn fl-isem taʼ Ġeħova’ bħala l-iskrittura għas-sena 2011. (Sof. 3:12) Anki issa, nistgħu nsibu kenn f’isem Ġeħova billi nafdaw fih għalkollox, u hekk għandna nagħmlu. (Salm 9:10) Ejja kuljum inżommu f’moħħna din l-assiguranza ispirata: “Isem Ġeħova hu torri b’saħħtu. Fih jidħol jiġri l-ġust u jingħata l-protezzjoni.”—Prov. 18:10.
Tiftakar Int?
• Kif nistgħu nsibu kenn f’isem Ġeħova minn issa?
• Għala m’għandniex nafdaw fil-“kenn tal-gidba”?
• Minn liema kenn aħna żgurati fil-futur?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kumment f’paġna 6]
L-iskrittura għas-sena 2011 hi: ‘Stkenn fl-isem taʼ Ġeħova.’ —Sofonija 3:12.
[Sors tal-istampa f’paġna 7]
Thüringer Landesmuseum Heidecksburg Rudolstadt, Waffensammlung “Schwarzburger Zeughaus”