Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħobb il-Ġustizzja b’Qalbek Kollha

Ħobb il-Ġustizzja b’Qalbek Kollha

“Int tħobb il-​ġustizzja.”—SALM 45:7.

1. X’se jgħinna nimxu “fil-​mogħdijiet tas-​sewwa”?

 ĠEĦOVA qed imexxi lill-​poplu tiegħu “fil-​mogħdijiet tas-​sewwa” permezz tal-​Kelma u tal-​ispirtu qaddis tiegħu. (Salm 23:3) Madankollu, peress li aħna imperfetti, għandna t-​tendenza li niżvijaw minn din il-​mogħdija. Sabiex induru lura u nagħmlu dak li hu sewwa jeħtieġ sforz persistenti. X’se jgħinna nirnexxu? Bħal Ġesù, irridu nħobbu nagħmlu dak li hu sewwa.Aqra Salm 45:7.

2. X’inhuma “l-​mogħdijiet tas-​sewwa”?

2 X’inhuma “l-​mogħdijiet tas-​sewwa”? Mogħdija hi trejqa jew passaġġ dejjaq. Dawn il-​“mogħdijiet” huma bbażati fuq il-​livell taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova. Bil-​lingwa Lhudija u bil-​lingwa Griega, il-​kelma “sewwa” tirreferi għal dak li hu “rett,” u timplika li wieħed iżomm b’mod strett mal-​prinċipji morali. Ladarba Ġeħova hu l-​wieħed li “fih jgħammar is-​sewwa,” l-​aduraturi tiegħu huma ferħanin li jduru lejh biex jaraw liema mogħdija retta moralment għandhom isegwu.—Ġer. 50:7.

3. Kif nistgħu nitgħallmu iktar dwar is-​sewwa t’Alla?

3 Huwa biss billi nistinkaw b’qalbna kollha biex nimxu fi qbil mal-​livelli ġusti t’Alla li se nogħġbuh bis-​sħiħ. (Dt. 32:4) L-​ewwel nett irridu nitgħallmu dak kollu li nistgħu dwar Alla Ġeħova mill-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Iktar ma nitgħallmu dwaru u nersqu eqreb lejh kuljum, iktar se nħobbu s-​sewwa tiegħu. (Ġak. 4:8) Irridu wkoll naċċettaw il-​gwida tal-​Kelma ispirata t’Alla meta jkun jeħtieġ li nieħdu xi deċiżjonijiet importanti fil-​ħajja.

Fittex is-​Sewwa t’Alla

4. X’jinvolvi li nfittxu s-​sewwa t’Alla?

4 Aqra Mattew 6:33. Li nfittxu s-​sewwa t’Alla jinvolvi iktar milli nqattgħu l-​ħin nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Sabiex is-​servizz sagru tagħna jkun aċċettabbli għal Ġeħova, il-​kondotta tagħna taʼ kuljum trid tkun fi qbil mal-​livelli għoljin tiegħu. X’għandhom jagħmlu dawk kollha li qed ifittxu s-​sewwa taʼ Ġeħova? Huma għandhom ‘jilbsu l-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja u l-​lealtà vera.’—Efes. 4:24.

5. X’se jgħinna negħlbu l-​iskuraġġiment?

5 Hekk kif nistinkaw biex ngħixu fi qbil mal-​livelli ġusti t’Alla, kultant forsi nħossuna skuraġġiti minħabba n-​nuqqasijiet tagħna. X’jistaʼ jgħinna negħlbu l-​iskuraġġiment li jdgħajjifna u nitgħallmu nħobbu u nipprattikaw is-​sewwa? (Prov. 24:10) Irridu nduru lejn Ġeħova bit-​talb regolarment “bi qlub sinċieri u b’fiduċja sħiħa u bil-​fidi.” (Ebr. 10:19-​22) Sew jekk aħna Kristjani midlukin u sew jekk għandna t-​tama għall-​art, aħna neżerċitaw il-​fidi fis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù Kristu u fis-​servizzi tiegħu bħala l-​aqwa Qassis il-​Kbir tagħna. (Rum. 5:8; Ebr. 4:14-​16) Proprju fl-​ewwel ħarġa taʼ din ir-​rivista bl-​Ingliż intwera kemm kien effettiv id-​demm imxerred taʼ Ġesù. (1 Ġw. 1:6, 7) L-​artiklu qal: “Huwa fatt magħruf li [meta] oġġett lewn l-​iskarlat jew il-​krimżi [jiġi] osservat minn ħġieġa ħamra fid-​dawl, l-​oġġett jidher abjad; għalhekk, għalkemm dnubietna jistgħu jkunu lewn l-​iskarlat jew il-​krimżi, meta nqisu dnubietna bil-​mod kif iqishom Alla permezz tal-​valur tad-​demm taʼ Kristu, dawn jitqiesu bħala bojod.” (Lulju 1879, p. 6) Xi provvediment meraviljuż għamel Ġeħova għalina permezz tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ibnu l-​għażiż!—Is. 1:18.

Iċċekkja l-​Armatura Spiritwali Tiegħek

6. Għala hu kruċjali li niċċekkjaw l-​armatura spiritwali tagħna?

6 F’kull ħin u f’kull mument jeħtieġ li nkunu lebsin “il-​kurazza tas-​sewwa” għax hija parti essenzjali mill-​armatura spiritwali mingħand Alla. (Efes. 6:11, 14) Sew jekk m’ilniex ħafna li ddedikajna lilna nfusna lil Ġeħova u sew jekk ilna naqduh għal għaxriet taʼ snin, huwa kruċjali li niċċekkjaw l-​armatura spiritwali tagħna kuljum. Għala? Għax ix-​Xitan u d-​demonji tiegħu twaddbu għal isfel lejn il-​viċinanzi tal-​art. (Riv. 12:7-​12) Satana hu rrabjat u jaf li ż-​żmien tiegħu hu limitat. B’hekk, hu qed jattakka lill-​poplu t’Alla iktar minn qatt qabel u b’iktar ħruxija. Napprezzaw aħna l-​importanza taʼ li nkunu lebsin “il-​kurazza tas-​sewwa”?

7. Kif se nġibu ruħna jekk napprezzaw il-​bżonn li jkollna “l-​kurazza tas-​sewwa”?

7 Il-​kurazza tipproteġi l-​qalb fiżika. Minħabba n-​natura imperfetta tagħna, il-​qalb figurattiva tagħna għandha t-​tendenza li tkun qarrieqa u ddisprata. (Ġer. 17:9) Minħabba li qalbna hi inklinata li tagħmel il-​ħażin, huwa vitali li tiġi mħarrġa u dixxiplinata. (Ġen. 8:21) Jekk napprezzaw il-​bżonn li jkollna “l-​kurazza tas-​sewwa,” mhux se ninżgħuha, lanqas għal ftit, billi nagħżlu divertiment li jobgħod Alla; lanqas mhu se noqogħdu noħolmu dwar li nagħmlu xi għemil ħażin. Mhux se naħlu ammont kbir taʼ ħin prezzjuż naraw it-​televixin. Minflok, se nkomplu nissieltu biex nagħmlu dak li jogħġob lil Ġeħova. Anki kieku kellna nitfixklu, billi għal mument inċedu għall-​ħsibijiet tal-​laħam li mhumiex sewwa, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova nerġgħu nqumu.Aqra Proverbji 24:16.

8. Għala għandna bżonn “it-​tarka kbira tal-​fidi”?

8 Fost il-​partijiet tal-​armatura spiritwali tagħna hemm “it-​tarka kbira tal-​fidi.” Din tgħinna ‘nitfu l-​vleġeġ tan-​nar kollha tal-​Ħażin.’ (Efes. 6:16) B’hekk, il-​fidi u l-​imħabba b’qalb sħiħa għal Ġeħova jgħinuna nipprattikaw is-​sewwa u nibqgħu fit-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem. Iktar ma nitgħallmu nħobbu lil Ġeħova, iktar se nqisu s-​sewwa tiegħu bħala li hu taʼ valur. Iżda xi ngħidu għall-​kuxjenza tagħna? Din kif tgħinna fl-​isforzi tagħna biex inħobbu s-​sewwa?

Żomm Kuxjenza Tajba

9. Kif nibbenefikaw meta nżommu kuxjenza tajba?

9 Fil-​magħmudija tagħna tlabna lil Ġeħova biex ikollna “kuxjenza tajba.” (1 Pt. 3:21) Minħabba li neżerċitaw fidi fil-​fidwa, id-​demm taʼ Ġesù jgħatti d-​dnubiet tagħna u b’hekk inkunu approvati quddiem Alla. Madankollu, sabiex jibqaʼ jkollna din l-​approvazzjoni, jeħtieġ li nżommu kuxjenza tajba. Jekk il-​kuxjenza tagħna kultant takkużana u twissina, għandna nkunu grati li qed taħdem tajjeb. Dan it-​tingiż tal-​kuxjenza tagħna jindika li din għadha sensittiva fejn jidħlu l-​mogħdijiet ġusti taʼ Ġeħova. (1 Tim. 4:2) Iżda l-​kuxjenza jistaʼ jkollha rwol ieħor għal dawk li jridu jħobbu s-​sewwa.

10, 11. (a) Irrakkonta esperjenza li turi għala għandna nisimgħu mill-​kuxjenza tagħna mħarrġa mill-​Bibbja. (b) L-​imħabba għas-​sewwa għala tistaʼ tferraħna bil-​kbir?

10 Meta nagħmlu l-​ħażin, il-​kuxjenza tagħna tistaʼ tikkundannana jew titturmentana. Żagħżugħ żvija mill-​“mogħdijiet tas-​sewwa.” Hu qabad il-​vizzju tal-​pornografija u beda jpejjep il-​marijuana. Kien iħossu ħati meta jmur il-​laqgħat u jħossu ipokrita meta jieħu sehem fis-​servizz tal-​għalqa, u għalhekk kien waqaf jieħu sehem f’dawn l-​attivitajiet Kristjani. Hu qal, “Imma ma bsartx li l-​kuxjenza tiegħi kienet se ġġegħelni nħossni responsabbli għall-​azzjonijiet tiegħi. Domt erbaʼ snin ngħix f’din il-​ħajja taʼ bluha.” Imbagħad beda jaħseb li jerġaʼ lura lejn it-​triq tal-​verità. Għalkemm ħaseb li Ġeħova ma kienx se jismaʼ t-​talba tiegħu, hu talab xorta waħda u talab maħfra. Inqas minn għaxar minuti wara, ommu marret iżżuru u inkuraġġietu biex jerġaʼ jibda jattendi l-​laqgħat. Hu mar is-​Sala tas-​Saltna u talab lil wieħed mill-​anzjani biex jistudja miegħu. Maż-​żmien tgħammed u jħossu grat lejn Ġeħova talli salvalu ħajtu.

11 Mhuwiex minnu li aħna wkoll jistaʼ jkollna ferħ kbir meta nagħmlu dak li hu sewwa? Hekk kif nitgħallmu nħobbu s-​sewwa u nipprattikawh iktar bis-​sħiħ, se nsibu iktar ferħ f’li nagħmlu dak li jogħġob lil Missierna tas-​sema. U aħseb ftit! Se jasal il-​jum li fih il-​bnedmin kollha se jesperjenzaw biss sentimenti pjaċevoli minħabba l-​kuxjenza tagħhom; huma se jirriflettu x-​xbieha t’Alla b’mod perfett. Għalhekk, ejja issa nnaqqxu mħabba għas-​sewwa fil-​fond taʼ qalbna u nferrħu lil Ġeħova.—Prov. 23:15, 16.

12, 13. Kif nistgħu nħarrġu l-​kuxjenza tagħna?

12 X’nistgħu nagħmlu sabiex inħarrġu l-​kuxjenza tagħna? Meta nistudjaw l-​Iskrittura u l-​pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-​Bibbja, importanti niftakru li “qalb il-​ġust timmedita sabiex twieġeb.” (Prov. 15:28) Ikkunsidra kif dan ikun taʼ benefiċċju meta niffaċċjaw kwistjonijiet taʼ impjieg. Jekk ikun ovvju li ċertu tip taʼ xogħol ikun f’konflitt mal-​ħtiġijiet Skritturali, ħafna minna malajr nobdu d-​direzzjoni provduta permezz tal-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli. Madankollu, meta ma jkunx ċar daqs il-​kristall jekk xi tip taʼ xogħol huwiex aċċettabbli jew le, għandna nsibu l-​prinċipji Bibliċi li jkunu japplikaw u naħsbu u nitolbu dwarhom. a Dan japplika għall-​prinċipji bħal, pereżempju, il-​bżonn li nevitaw li noffendu l-​kuxjenza taʼ ħaddieħor. (1 Kor. 10:31-​33) Għandna nkunu konċernati b’mod speċjali dwar il-​prinċipji involuti fir-​relazzjoni tagħna m’Alla. Jekk Ġeħova hu reali għalina, l-​ewwel nett se nistaqsu lilna nfusna, ‘Jekk nagħmel dan ix-​xogħol, Ġeħova se jħossu mweġġaʼ?’—Salm 78:40, 41.

13 Meta nippreparaw l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa jew l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni, irridu nżommu f’moħħna l-​bżonn li nimmeditaw fuq l-​informazzjoni li tkun qed tiġi preżentata. Insibu ruħna aħna dejjem nimmarkaw taʼ fuq fuq it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet fl-​istudju u ngħaddu għall-​paragrafu li jkun imiss? Sessjonijiet taʼ studju bħal dawn ma tantx se jqawwu l-​imħabba tagħna għas-​sewwa jew jiżviluppaw fina kuxjenza sensittiva. Sabiex inħobbu s-​sewwa, jeħtieġ inħabirku fl-​istudju tagħna u nimmeditaw fuq dak li naqraw fil-​Kelma miktuba t’Alla. Sabiex nitgħallmu nħobbu s-​sewwa b’qalbna kollha jeħtieġ sforz.

Ġuħ u Għatx għas-​Sewwa

14. Alla Ġeħova u Ġesù Kristu kif iridu li nħossuna dwar is-​servizz sagru tagħna?

14 Alla Ġeħova u Ġesù Kristu jriduna nkunu ferħanin hekk kif inwettqu s-​servizz sagru tagħna. X’se jgħinna nkunu ferħanin? L-​imħabba għas-​sewwa! Fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Henjin dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa, għax għad jimtlew.” (Mt. 5:6) Xi jfisser dan il-​kliem għal dawk li għandhom ix-​xewqa li jħobbu s-​sewwa?

15, 16. Il-​ġuħ u l-​għatx spiritwali b’liema modi jistgħu jiġu sodisfati?

15 Id-​dinja li qed ngħixu fiha hi maħkuma mill-​wieħed mill-​agħar. (1 Ġw. 5:19) Jekk naqbdu gazzetta fi kwalunkwe pajjiż, insibu rapporti taʼ krudeltà u vjolenza fuq skala li ma bħalha. Il-​krudeltà tan-​nies lejn xulxin hi inkwetanti għan-​nies li huma ġusti. (Ekk. 8:9) Bħala wħud li nħobbu lil Ġeħova, aħna nafu li hu biss jistaʼ jissodisfa l-​ġuħ u l-​għatx spiritwali taʼ individwi li jixtiequ jitgħallmu s-​sewwa. Dawk li huma mbegħdin minn Alla dalwaqt se jitneħħew, u dawk li jħobbu s-​sewwa mhux se jesperjenzaw iktar niket kaġunat minn nies li jisfidaw il-​liġi u mill-​għemejjel ħżiena tagħhom. (2 Pt. 2:7, 8) X’serħan se jkun dan!

16 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova u segwaċi taʼ Ġesù Kristu, aħna nirrealizzaw li dawk kollha li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa “għad jimtlew.” Se jiġu sodisfati bis-​sħiħ permezz tal-​arranġament t’Alla tas-​smewwiet ġodda u l-​art ġdida li fihom “tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pt. 3:13) Mela ħalli ma niskuraġġux ruħna jew nibqgħu skantati minħabba li l-​moħqrija u l-​vjolenza ġabu fix-​xejn is-​sewwa f’din id-​dinja satanika. (Ekk. 5:8) Ġeħova, l-​Iktar Għoli, jaf x’inhu jiġri u dalwaqt se jeħles lil dawk li jħobbu s-​sewwa.

Ħobb is-​Sewwa u Bbenefika

17. X’inhuma xi benefiċċji li jiġu meta wieħed iħobb is-​sewwa?

17 Salm 146:8 jenfasizza benefiċċju li jispikka li jiġi meta nsegwu l-​mogħdija tas-​sewwa. Is-​salmista kanta: “Ġeħova jħobb lill-​ġusti.” Immaġina ftit! Is-​Sovran tal-​univers iħobbna talli nħobbu s-​sewwa! Peress li Ġeħova jħobbna, aħna fiduċjużi li hu se jipprovdilna l-​bżonnijiet hekk kif inkomplu npoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna. (Aqra Salm 37:25; Proverbji 10:3.) Eventwalment, din il-​pjaneta kollha kemm hi se titgawda minn uħud li jħobbu s-​sewwa. (Prov. 13:22) Għall-​biċċa l-​kbira min-​nies t’Alla, il-​premju talli jpoġġu s-​sewwa fil-​prattika se jkun ferħ kbir immens u ħajja mingħajr tmiem f’ġenna tal-​art mill-​isbaħ. Anki issa, dawk li jħobbu s-​sewwa t’Alla jiġu premjati b’paċi ġewwinija li tgħin biex ikun hemm l-​għaqda fil-​familji u fil-​kongregazzjonijiet tagħhom.—Flp. 4:6, 7.

18. Liema affarijiet pożittivi nistgħu nagħmlu aħna u nistennew il-​jum taʼ Ġeħova?

18 Aħna u nistennew il-​wasla tal-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova, irridu nkomplu nfittxu s-​sewwa tiegħu. (Sof. 2:2, 3) Għalhekk, ejja nuru mħabba ġenwina għall-​mogħdijiet retti t’Alla Ġeħova. Dan jinkludi li nżommu “l-​kurazza tas-​sewwa” soda f’postha biex tipproteġi l-​qalb figurattiva tagħna. Jeħtieġ ukoll inżommu kuxjenza tajba—waħda li se tagħti pjaċir lilna u tferraħ qalb Alla tagħna.—Prov. 27:11.

19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu, u x’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

19 “Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) Kemm hu taʼ faraġ dan il-​kliem għalina hekk kif nagħmlu dak li hu sewwa minkejja li niffaċċjaw l-​instabbiltà, il-​vjolenza, u l-​ħażen f’din id-​dinja kollha inkwiet! Tabilħaqq, il-​mogħdijiet ġusti tagħna jistgħu jikkonfondu lil għadd kbir taʼ nies li huma mbegħdin minn Alla. Iżda aħna stess nibbenefikaw bil-​kbir jekk inżommu mas-​sewwa taʼ Ġeħova. (Is. 48:17; 1 Pt. 4:4) Mela għalhekk, ejja b’qalb sħiħa nkunu determinati li nkomplu nsibu għaxqa f’li nħobbu u nipprattikaw is-​sewwa b’qalbna kollha. Madankollu, li jkollna qalb sħiħa jinkludi wkoll li nobogħdu l-​ksur tal-​liġi. L-​artiklu li jmiss se jurina xi jfisser dan.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dwar il-​prinċipji Bibliċi relatati maʼ kwistjonijiet taʼ impjieg, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ April, 1999, paġni 28-​30.

Int Kif Twieġeb?

• L-​apprezzament għall-​fidwa għala hu neċessarju sabiex inħobbu s-​sewwa?

• Għala hu vitali li nilbsu “l-​kurazza tas-​sewwa”?

• Kif nistgħu nħarrġu l-​kuxjenza tagħna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 26]

Kuxjenza mħarrġa tgħinna nsolvu kwistjonijiet taʼ impjieg