Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Li Tobdi Hu Aħjar Minn Xi Sagrifiċċju”

“Li Tobdi Hu Aħjar Minn Xi Sagrifiċċju”

L-​EWWEL sultan taʼ Iżrael tal-​qedem kien Sawl. Għalkemm kien magħżul mill-​Alla l-​veru, Sawl eventwalment sar diżubbidjent.

Sawl liema affarijiet ħżiena għamel? Setaʼ hu jevitahom? Kif nistgħu nibbenefikaw meta nikkunsidraw l-​eżempju tiegħu?

Ġeħova Jgħarraf Liema Sultan Għażel

Qabel ma Sawl sar sultan, il-​profeta Samwel kien qed jaqdi bħala r-​rappreżentant t’Alla f’Iżrael. Issa Samwel kien imdaħħal fiż-​żmien, u wliedu subien ma kinux leali. Fl-​istess ħin, il-​ġens kien qed jiġi mhedded mill-​għedewwa tiegħu. Meta l-​irġiel ixjeħ taʼ Iżrael talbu lil Samwel jaħtrilhom sultan li setaʼ jwettaq ġudizzju fuqhom u jmexxihom fil-​battalji, Ġeħova dderieġa lill-​profeta biex jidlek lil Sawl bħala mexxej u qal: “Hu jsalva lill-​poplu tiegħi minn id il-​Filistin.”—1 Sam. 8:4-​7, 20; 9:16.

Sawl kien “żagħżugħ u sabiħ.” Iżda Sawl kellu karatteristiki oħrajn minbarra d-​dehra sabiħa tiegħu. Hu kien ukoll umli. Pereżempju, Sawl staqsa lil Samwel: “M’iniex jien Benjamini minn wieħed mill-​iżgħar tribujiet taʼ Israel, u m’hijiex il-​familja tiegħi l-​iktar insinifikanti mill-​familji kollha tat-​tribù taʼ Benjamin? Għalhekk, għala għedtli ħaġa bħal din?” Sawl kien modest fil-​mod kif kien iħares lejh innifsu u lejn il-​familja tiegħu, avolja missieru, Kis, kien “għani ħafna.”—1 Sam. 9:1, 2, 21.

Ikkunsidra wkoll it-​tweġiba taʼ Sawl meta Samwel għarraf pubblikament liema sultan kien għażel Ġeħova għal Iżrael. Samwel l-​ewwel dilek lil Sawl privatament u qallu: “Agħmel dak li jkun possibbli għal idejk, għaliex l-​Alla l-​veru jkun miegħek.” Imbagħad, wara dan, il-​profeta ġabar lin-​nies flimkien biex jgħarrafhom pubblikament dwar l-​għażla taʼ Ġeħova. Iżda meta ġie identifikat Sawl, dan ma setax jinstab. Sawl kien mistoħbi għax kien qed jistħi. Ġeħova indika fejn kien jinstab, u Sawl ġie proklamat sultan.—1 Sam. 10:7, 20-​24.

Fil-​Kamp tal-​Battalja

Sawl malajr wera kemm kienu żbaljati dawk kollha li forsi kellhom xi dubju dwar il-​kwalifiki tiegħu. Meta l-​Għammonin heddu belt f’Iżrael, “l-​ispirtu t’Alla beda jaħdem fuq Sawl.” B’awtorità, hu ġabar il-​gwerriera tal-​ġens, organizzahom, u wassalhom għar-​rebħa. Iżda Sawl ta l-​krettu tar-​rebħa lil Alla billi qal: “Illum Ġeħova wettaq is-​salvazzjoni f’Israel.”—1 Sam. 11:1-​13.

Sawl kellu kwalitajiet tajbin u kellu l-​barka t’Alla. Hu rrikonoxxa wkoll il-​qawwa taʼ Ġeħova. Madankollu, is-​suċċess kontinwu tal-​Iżraelin u tas-​sultan tagħhom kien jiddependi fuq fattur importanti ħafna. Samwel qal lill-​poplu taʼ Iżrael: “Jekk tibżgħu minn Ġeħova u taqduh u tisimgħu minn leħnu, u ma tirribellawx kontra l-​ordni taʼ Ġeħova, kemm intom kif ukoll is-​sultan li għad isaltan fuqkom turu li intom segwaċi taʼ Ġeħova Alla tagħkom.” Jekk jibqgħu leali lejn Alla, l-​Iżraelin minn xiex setgħu jkunu ċerti? Samwel qal: “Ġeħova ma jabbandunax lill-​poplu tiegħu minħabba ismu l-​kbir, għaliex Ġeħova għoġbu jagħmilkom il-​poplu tiegħu.”—1 Sam. 12:14, 22.

L-​ubbidjenza kienet l-​iktar fattur importanti sabiex tinkiseb l-​approvazzjoni t’Alla, u hekk għadha llum. Meta l-​qaddejja taʼ Ġeħova jobdu l-​kmandi tiegħu, hu jberikhom. Iżda xi ngħidu jekk ma jobdux lil Ġeħova?

Int “Tbellaht”

L-​azzjoni li kien imiss min-​naħa taʼ Sawl kontra l-​Filistin qanqlet reazzjoni qawwija min-​naħa tagħhom. Armata kotrana “bħar-​ramel li hemm f’xatt il-​baħar” qamet kontra Sawl. “L-​irġiel taʼ Israel raw li kienu f’sitwazzjoni mwiegħra, għaliex in-​nies kienu mrassin mill-​għadu; u n-​nies marru jistaħbew fl-​għerien, fil-​ħofor, fl-​irdumijiet, fil-​kantini, u fil-​bjar.” (1 Sam. 13:5, 6) Sawl x’setaʼ jagħmel?

Samwel kien qal lil Sawl biex jiltaqaʼ miegħu f’Gilgal, il-​post fejn il-​profeta kellu joffri s-​sagrifiċċji. Sawl stenna, iżda Samwel wasal tard u l-​armata taʼ Sawl kienet qed tinfirex. Għalhekk, Sawl qabad u offra s-​sagrifiċċji hu stess. Malli għamel dan, wasal Samwel. Wara li semaʼ b’dak li kien għamel Sawl, Samwel qallu: “Tbellaht. Ma ħaristx il-​kmandament li kkmandak Ġeħova Alla tiegħek, għaliex, kieku ħaristu, kieku Ġeħova kien jissoda saltnatek fuq Israel għal żmien indefinit. U issa saltnatek ma tibqax. Ġeħova żgur li jsib għalih raġel għal qalbu; u Ġeħova jinkarigah bħala mexxej fuq il-​poplu tiegħu, għaliex int ma ħaristx dak li kkmandak Ġeħova.”—1 Sam. 10:8; 13:8, 13, 14.

Peress li ma weriex fidi, Sawl b’mod prużuntuż għażel li ma jobdix il-​kmand t’Alla biex jistenna lil Samwel jiġi ħalli joffri s-​sagrifiċċju hu. Kemm kien differenti l-​aġir taʼ Sawl minn dak taʼ Gidegħon, li qabel kien kmandant tal-​armati Iżraelin! Ġeħova dderieġa lil Gidegħon biex inaqqas l-​armata minn 32,000 għal 300, u Gidegħon obda. Għala? Għax hu kellu fidi f’Ġeħova. Bl-​għajnuna t’Alla, hu għeleb 135,000 ruħ li kienu qed jinvadu l-​art. (Mħ. 7:1-​7, 17-​22; 8:10) Kieku Ġeħova kien jgħin lil Sawl ukoll. Madankollu, minħabba d-​diżubbidjenza taʼ Sawl, il-​Filistin għamlu ħerba mill-​art taʼ Iżrael.—1 Sam. 13:17, 18.

Meta niffaċċjaw diffikultajiet, kif niħduhom id-​deċiżjonijiet? Mill-​ħarsa taʼ dawk li m’għandhomx fidi, jistaʼ jidher prattiku li jinjoraw il-​prinċipji divini. Fl-​assenza taʼ Samwel, Sawl setaʼ ħaseb li dak li għamel kien għaqli. Iżda, għal dawk li huma determinati li jkollhom l-​approvazzjoni t’Alla, l-​aħjar ħaġa li jagħmlu hi li jsegwu l-​prinċipji Skritturali li japplikaw għall-​kwistjoni konċernata.

Ġeħova Jiċħad lil Sawl

Matul kampanja kontra l-​Għamalekin, Sawl kien ħati taʼ dnub serju ieħor. Alla kien ikkundanna lin-​nies taʼ Għamalek minħabba l-​attakk, li ma kienx provokat, li għamlu fuq l-​Iżraelin wara l-​Eżodu mill-​Eġittu. (Eżo. 17:8; Dt. 25:17, 18) Iktar minn hekk, l-​Għamalekin ngħaqdu m’oħrajn f’attakk kontra l-​poplu magħżul t’Alla għal darb’oħra matul iż-​żminijiet tal-​Imħallfin. (Mħ. 3:12, 13; 6:1-​3, 33) Għalhekk, Ġeħova talab kont mill-​Għamalekin u kkmanda lil Sawl iwettaq ġudizzju fuqhom.—1 Sam. 15:1-​3.

Minflok ma obda l-​kmand taʼ Ġeħova biex jeqred lill-​Għamalekin ostili u jfarrak kulma kellhom, Sawl qabad lis-​sultan tagħhom u żamm l-​aħjar annimali li kellhom. X’ġara meta Samwel ikkonfronta lil Sawl f’dan ir-​rigward? Sawl ipprova jitfaʼ l-​balla fuq ħaddieħor billi qal: “In-​nies ġiethom ħasra mill-​aħjar nagħaġ u baqar li kien hemm sabiex joffruhom bħala sagrifiċċju lil Ġeħova.” Kemm jekk Sawl tassew kellu l-​intenzjoni li jissagrifika l-​annimali u kemm jekk le, hu kien diżubbidjent. Sawl ma kienx għadu daqshekk ‘ċkejken f’għajnejh stess.’ Għalhekk, il-​profeta t’Alla qal li Sawl ma kienx obda lil Alla. Samwel imbagħad qal: “Jitgħaxxaq Ġeħova bl-​offerti tal-​ħruq u bis-​sagrifiċċji daqskemm jitgħaxxaq b’wieħed li jismaʼ minn leħen Ġeħova? Ara! Li tobdi hu aħjar minn xi sagrifiċċju . . . Ladarba int ċħadt il-​kelma taʼ Ġeħova, hu jiċħad lilek milli tkun sultan.”—1 Sam. 15:15, 17, 22, 23.

Meta Ġeħova neħħa l-​ispirtu qaddis u l-​barka tiegħu minn fuq Sawl, “spirtu ħażin” beda jaħkem lill-​ewwel sultan taʼ Iżrael. Sawl beda jissuspetta f’David u jgħir għalih. Iktar tard Ġeħova kien se jaħtar lil David bħala sultan. Sawl ipprova joqtol lil David iktar minn darba. Meta ra li “Ġeħova kien maʼ David,” tgħid il-​Bibbja, “Sawl baqaʼ dejjem għadu taʼ David.” Sawl ipprova jfittxu biex joqtlu u saħansitra ordna li jinqatlu 85 qassis u xi oħrajn. Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova abbanduna lil Sawl!—1 Sam. 16:14; 18:11, 25, 28, 29; 19:10, 11; 20:32, 33; 22:16-​19.

Meta l-​Filistin reġgħu attakkaw lil Iżrael, Sawl dar għall-​ispiritiżmu biex jipprova jfittex għajnuna li ma tatx frott. L-​għada ġie ferut gravi fil-​gwerra u kkommetta suwiċidju. (1 Sam. 28:4-​8; 31:3, 4) Rigward l-​ewwel sultan diżubbidjent taʼ Iżrael, l-​Iskrittura tgħid: “Sawl miet minħabba l-​infedeltà tiegħu għaliex aġixxa bla fidi kontra Ġeħova peress li ma żammx il-​kelma taʼ Ġeħova u wkoll minħabba li staqsa lil medjum taʼ l-​ispirti sabiex jistħarreġ il-​mejtin. U ma staqsiex lil Ġeħova.”—1 Kron. 10:13, 14.

L-​eżempju ħażin taʼ Sawl b’mod ċar jindika li l-​ubbidjenza lejn Ġeħova hi aħjar minn kwalunkwe sagrifiċċju li jistaʼ jiġi offrut lilu. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġw. 5:3) Jalla qatt ma ninjoraw din il-​verità fundamentali: Ħbiberija dejjiema m’Alla tiddependi mill-​ubbidjenza tagħna lejh.

[Stampa f’paġna 21]

Fil-​bidu, Sawl kien mexxej umli

[Stampa f’paġna 23]

Samwel għala qal lil Sawl illi “li tobdi hu aħjar minn xi sagrifiċċju”?