Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mosè għala rrabja mal-​ulied subien t’Aron, Eligħeżer u Itamar, wara l-​mewt taʼ ħuthom is-​subien Nadab u Abiħu, u kif ittaffiet ir-​rabja tiegħu?—Lev. 10:16-​20.

Ftit wara l-​ħatra tas-​saċerdozju, Ġeħova qered lil ulied Aron, Nadab u Abiħu, għaliex kienu offrew nar projbit quddiemu. (Lev. 10:1, 2) Mosè ordna lill-​ulied subien t’Aron li kienu għadhom ħajjin biex ma jitnikktux dwar ħuthom. Ftit wara dan, Mosè rrabja m’Eligħeżer u Itamar għax ma kinux kielu l-​bodbod tal-​offerta għad-​dnub. (Lev. 9:3) Mosè għala rreaġixxa b’dan il-​mod?

Il-​liġijiet li Ġeħova kien ta lil Mosè speċifikaw li l-​qassis li kien joffri offerta għad-​dnubiet kellu jiekol parti minnha fil-​bitħa tat-​tinda tal-​laqgħa. Dan kien kunsidrat bħala li jagħti kont għad-​dnubiet taʼ dawk li jagħmlu s-​sagrifiċċju. Madankollu, jekk ftit mid-​demm tas-​sagrifiċċju kien jittieħed fil-​Post Qaddis, l-​ewwel taqsima tas-​santwarju, l-​offerta ma kellhiex tittiekel. Minflok, kellha tiġi maħruqa.—Lev. 6:24-​26, 30.

Jidher li wara l-​ġrajjiet taʼ niket li seħħew dakinhar, Mosè ra li kien hemm bżonn jaċċerta ruħu li l-​kmandamenti kollha taʼ Ġeħova jkunu ġew obduti. Meta skopra li l-​bodbod tal-​offerta għad-​dnub kien ġie maħruq, hu b’rabja staqsa lil Eligħeżer u lil Itamar għala ma kinux kiluh skont id-​direzzjoni li ngħatat, minħabba li demmu ma kienx ġie preżentat quddiem Ġeħova fil-​Post Qaddis.—Lev. 10:17, 18.

Aron wieġeb il-​mistoqsija taʼ Mosè, ladarba l-​qassisin li kienu għadhom ħajjin b’mod ċar aġixxew b’dan il-​mod bl-​approvazzjoni tiegħu. Minħabba li kienu għadhom kif ġew meqrudin tnejn minn uliedu, Aron forsi ħaseb dwar jekk dakinhar kwalunkwe wieħed mill-​qassisin setax jiekol mill-​offerta għad-​dnub b’kuxjenza nadifa. Forsi ħass li Ġeħova ma kienx se jieħu gost jekk jieklu minnha, avolja ma kellhom ebda responsabbiltà diretta għall-​iżball li għamlu Nadab u Abiħu.—Lev. 10:19.

Hemm ċans kbir li Aron setaʼ rraġuna li dakinhar li membri tal-​familja tiegħu wettqu d-​dmirijiet saċerdotali tagħhom għall-​ewwel darba, huma kellhom joqogħdu attenti ħafna biex jogħġbu lil Alla saħansitra fl-​iċken dettall. Madankollu, isem Ġeħova kien ġie mkażbar minn Nadab u Abiħu, u r-​rabja t’Alla kienet xegħlet kontrihom. Għalhekk, Aron setaʼ ħaseb li l-​membri tal-​familja saċerdotali li fiha nstab dnub bħal dan ma kellhomx jieklu minn offerta qaddisa.

Milli jidher Mosè aċċetta t-​tweġiba taʼ ħuh, għax is-​silta tikkonkludi bil-​kliem: “Meta Mosè semaʼ hekk, dan intgħoġob f’għajnejh.” (Lev. 10:20) Jidher ukoll li anki Ġeħova kien sodisfatt bit-​tweġiba t’Aron.