Taʼ Min Jagħmel Sforz!
IL-QIMA TAL-FAMILJA u l-istudju tal-Bibbja huma essenzjali sabiex trabbi lit-tfal “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Iżda jekk int ġenitur taf li t-tfal malajr jiddejqu. Kif tistaʼ tgħinhom joqogħdu attenti? Ikkunsidra x’għamlu xi ġenituri.
“Meta t-tfal kienu iżgħar,” jgħid George, li jgħix Kalifornja, l-Istati Uniti, “jien u marti konna nipprovaw inżommu l-istudju tal-Bibbja tal-familja interessanti. Xi drabi lkoll kemm aħna konna nilbsu kostumi taʼ karattri Bibliċi u nirreċtaw xi rakkont aħna u naqraw mill-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja. Konna saħansitra nagħmlu oġġetti bħal xwabel, xettri, basktijiet, u affarijiet bħal dawn. Ukoll, konna nipprovaw naqtgħu l-identità taʼ xi karattru Bibliku. Ivvintajna logħba b’mistoqsijiet li ftit minnhom kienu faċli u oħrajn iktar diffiċli. Konna nagħmlu proġetti bħal, pereżempju, nibnu mudell tal-arka taʼ Noè, jew noħolqu kronoloġija taʼ ġrajjiet Bibliċi. Kultant konna nużaw il-ħin biex inpinġu karattri jew stejjer mill-Bibbja. Bħalissa qed nippjanaw proġett taʼ tpinġija tal-armatura spiritwali deskritta f’Efesin 6:11-17, li fih kull wieħed minna jispjega x’tirrappreżenta kull biċċa mill-armatura. Dawn il-metodi għenuna nieħdu pjaċir bl-istudju tal-familja tagħna.”
Debi, omm minn Michigan, l-Istati Uniti, tgħid: “Meta t-tifla tagħna kellha madwar tliet snin, jien u żewġi konna nsibuha diffiċli biex inġegħluha toqgħod attenta. Imbagħad, darba fost l-oħrajn, waqt li konna qed naqraw l-istorja taʼ Iżakk u Rebekka mill-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja, qbadt żewġ pupi u bdejt nużahom bħala pupazzi biex nirreċta l-istorja. Imbagħad bdiet toqgħod attenta ferm għal kull kelma! Fix-xhur taʼ wara, dawn iż-żewġ pupi rrappreżentaw ħafna karattri Bibliċi differenti. Wara li nkunu qrajna xi rakkont, it-tifla tagħna kienet tfittex mad-dar kollha xi ġugarelli jew affarijiet oħrajn li setgħu jintużaw biex tiġi reċtata l-istorja. Kien bħallikieku tfittxija għal teżor! Kaxxa taż-żraben u biċċa żigarella ħamra kienu taparsi d-dar taʼ Raħab b’qafla tal-iskarlat. Serp taċ-ċarruta twil metru u nofs u mdawwar maʼ lasta taʼ xkupa kien iservi bħala s-serp tar-ram aħmar li jissemma f’Numri 21:4-9. Konna nżommu dawn l-oġġetti f’basket kbir tal-kanvas. Konna nitgħaxxqu naraw lit-tifla tagħna li spiss kienet toqgħod bilqiegħda fis-salott tqalleb fil-‘basket tal-istejjer tal-Bibbja.’ Kemm konna nieħdu pjaċir narawha tirreċta l-istejjer kif taf hi!”
It-trobbija tat-tfal mhijiex faċli, u s-sessjonijiet taʼ kull ġimgħa mhumiex biżżejjed biex tnaqqax fihom ix-xewqa li jaqdu lil Ġeħova. Imma l-qima tal-familja u l-istudju tal-Bibbja jistgħu jkunu pedament għal tagħlim spiritwali ieħor. Mela m’hemm l-ebda dubju li hu taʼ min jagħmel sforz!