Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tassew Tapprezzahom Int il-Barkiet li Għandek?

Tassew Tapprezzahom Int il-Barkiet li Għandek?

PERESS li kienu ġew meħlusin mirakolożament mill-​jasar fl-​Eġittu, ulied Iżrael għall-​bidu kienu ferħanin li setgħu jqimu lil Ġeħova bil-​libertà. (Eżo. 14:29–15:1, 20, 21) Madankollu, il-​ħarsa tagħhom ma damitx ma nbidlet. Huma bdew igergru dwar is-​sitwazzjoni li kienu jinsabu fiha. Għala? Minħabba li bdew jiffokaw iktar fuq id-​diffikultajiet li kellhom biex jgħixu fid-​deżert milli fuq dak li Ġeħova kien għamel magħhom. Huma qalu lil Mosè: “Għala tellajtuna mill-​Eġittu biex immutu fix-​xagħri? Għax la hawn ħobż u lanqas ilma, u ruħna xebgħet mill-​ħobż [manna] taʼ min jistmerru.”—Num. 21:5.

Sekli wara, is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem kanta: “Min-​naħa tiegħi, fil-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek fdajt; ħa tifraħ qalbi bis-​salvazzjoni tiegħek. Se nkanta lil Ġeħova, għax hu ppremjani.” (Salm 13:5, 6) David ma nesiex l-​atti taʼ qalb tajba bl-​imħabba li Ġeħova wera lejh. Anzi, hu spiss kien jimmedita fuqhom. (Salm 103:2) Ġeħova ppremja lilna wkoll, u nkunu għaqlin jekk ma niħdux ħafif ħafif dak kollu li għamel magħna. Mela ejja nikkunsidraw xi ftit mill-​barkiet li tana Alla u li qegħdin ingawdu llum.

“L-​Intimità maʼ Ġeħova”

Is-​salmista kanta: “L-​intimità maʼ Ġeħova hi taʼ dawk li jibżgħu minnu.” (Salm 25:14) Xi privileġġ għandhom il-​bnedmin imperfetti li jkollhom relazzjoni persunali u mill-​qrib maʼ Ġeħova! Madankollu, xi ngħidu jekk insiru tant inkwetati fuq l-​affarijiet taʼ kuljum li nispiċċaw inqattgħu inqas ħin nitolbu? Aħseb ftit dwar x’jiġri mbagħad mir-​relazzjoni tajba li jkollna maʼ Ġeħova. Bħala l-​Ħabib tagħna, Ġeħova jistenna li aħna nafdaw fih u niftħu qalbna miegħu fit-​talb billi nesprimu l-​beżgħat, ix-​xewqat, u l-​ansjetajiet tagħna miegħu. (Prov. 3:5, 6; Flp. 4:6, 7) Mela m’għandniex aħna nikkunsidraw il-​kwalità tat-​talb tagħna?

Meta xhud żagħżugħ jismu Paul qagħad jaħseb dwar it-​talb tiegħu, irrealizza li għandu bżonn jitjieb. a Hu qal, “Kont ħadt vizzju nirripeti l-​istess espressjonijiet fit-​talb tiegħi lil Ġeħova.” Meta Paul għamel riċerka fuq is-​suġġett mill-​Watch Tower Publications Index, hu tgħallem li hemm madwar 180 talba mniżżlin fil-​Bibbja. F’dan it-​talb, il-​qaddejja tal-​qedem taʼ Ġeħova esprimew is-​sentimenti profondi tagħhom. Paul qal: “Permezz tal-​meditazzjoni fuq eżempji Skritturali bħal dawn, tgħallimt inkun speċifiku fit-​talb tiegħi. Dan għenni niftaħ qalbi maʼ Ġeħova. Issa hi l-​għaxqa tiegħi li nersaq qrib tiegħu permezz tat-​talb.”

“L-​Ikel fiż-​Żmien Xieraq”

Barka oħra li rċivejna mingħand Ġeħova hi l-​għadd kbir taʼ veritajiet Skritturali li għandna. Hekk kif ingawdu l-​abbundanza taʼ ikel spiritwali bnin, għandna kull raġun ‘ngħajtu bil-​ferħ minħabba l-​kundizzjoni tajba taʼ qalbna.’ (Is. 65:13, 14) Madankollu, irridu noqogħdu għassa biex ma nħallux influwenzi ħżiena jġegħluna nitilfu l-​entużjażmu tagħna għall-​verità. Pereżempju, jekk nagħtu kas propaganda apostata jistaʼ jiċċajprilna l-​ħsieb tagħna u ma narawx il-​valur tal-​“ikel [spiritwali] fiż-​żmien xieraq” li Ġeħova jipprovdi permezz tal-​“l-​ilsir leali u għaqli.”—Mt. 24:45-​47.

André, li kien ilu jaqdi lil Ġeħova għal bosta snin, għadda minn esperjenza qarsa għax ġie żvijat minħabba l-​apostasija. Hu ħass li mbilli jagħti titwila taʼ malajr f’Websajt apostata ma kienx se jkun taʼ periklu. Hu jiftakar u jgħid: “Għal bidu kont miġbud lejn l-​hekk imsejħin veritajiet li l-​apostati tkellmu dwarhom. Iktar ma eżaminajt dak li qalu, iktar ġegħluni naħseb li għandi raġun nitlaq l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Imma mbagħad, meta għamilt xi riċerka dwar x’jgħidu l-​apostati kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova, indunajt kemm kienu makakki l-​għalliema foloz. L-​‘evidenza konkreta’ tagħhom kontrina kienet informazzjoni meħuda barra mill-​kuntest. Għalhekk, iddeċidejt li nerġaʼ nibda naqra l-​pubblikazzjonijiet tagħna u nattendi l-​laqgħat. Malajr irrealizzajt kemm kont tlift.” B’ferħ, André reġaʼ lura lejn il-​kongregazzjoni.

“Il-​Fratellanza Kollha”

Il-​fratellanza tagħna magħquda u kollha mħabba hi barka minn Ġeħova. (Salm 133:1) L-​appostlu Pietru kellu raġun jikteb: “Ħobbu l-​fratellanza kollha.” (1 Pt. 2:17) Peress li nagħmlu parti mill-​fratellanza Kristjana, aħna ngawdu l-​imħabba taʼ missirijiet, ommijiet, u aħwa rġiel u nisa spiritwali li jappoġġawna.—Mk. 10:29, 30.

Madankollu, diversi ċirkustanzi kultant jistgħu jikkaġunaw tensjoni fir-​relazzjoni tagħna maʼ ħutna. Pereżempju, huwa faċli li l-​imperfezzjonijiet taʼ xi wħud jirritawna u nibdew nikkritikawhom. Jekk jiġri dan, ikun taʼ għajnuna li niftakru li Ġeħova jħobb lill-​qaddejja tiegħu minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom. Iktar minn hekk, “Jekk ngħidu: ‘M’għandniex dnub,’ qed inqarrqu bina nfusna u l-​verità m’hijiex fina.” (1 Ġw. 1:8) Għandna nistinkaw biex ‘nissaportu lil xulxin u naħfru lil xulxin mill-​qalb.’—Kol. 3:13.

Żagħżugħa jisimha Ann kellha tgħaddi minn esperjenza xejn pjaċevoli biex titgħallem tapprezza l-​valur tas-​sħubija Kristjana. Minħabba li sa ċertu punt aġixxiet bħall-​iben il-​ħali tat-​tixbiha li ta Ġesù, hi tbiegħdet mill-​kongregazzjoni Kristjana. Wara ġiet f’sensiha u reġgħet lura fil-​verità. (Lq. 15:11-​24) Ann x’tgħallmet minn din l-​esperjenza? Hi tgħid: “Issa li rġajt lura fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, ngħożż lil kull ħu u oħt minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom. Qabel kont inkun pronta nikkritikahom. Imma issa determinata li ma nħalli xejn iċaħħadni mill-​barkiet li ngawdi fost sħabi fit-​twemmin. Mhux taʼ min inħallu xi ħaġa li toffri d-​dinja, tkun xi tkun, iġġegħelna nabbandunaw il-​ġenna spiritwali li ngawdu.”

Kun Dejjem Grat għall-​Barkiet li Għandek

It-​tama li għandna fis-​Saltna t’Alla bħala s-​soluzzjoni għall-​problemi kollha tal-​umanità hi teżor imprezzabbli. Meta sirna nafu b’din it-​tama qalbna mtliet bl-​apprezzament. Ħassejna li konna eżatt bħall-​merkant fil-​parabbola taʼ Ġesù li “biegħ kulma kellu” biex jixtri “perla waħda taʼ valur kbir.” (Mt. 13:45, 46) Ġesù ma qalx li dan il-​merkant ma baqax japprezzaha din il-​perla. Bl-​istess mod, ejja qatt ma nitilfu l-​apprezzament tagħna għat-​tama meraviljuża li għandna.—1 Tess. 5:8; Ebr. 6:19.

Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Jean, li ilha taqdi lil Ġeħova għal iktar minn 60 sena. Hi tgħid: “Dak li għenni nżomm is-​Saltna t’Alla f’moħħi hu li nitkellem dwarha maʼ oħrajn. Meta nara għajnejhom jixegħlu minħabba li jkunu fehmu x’inhi s-​Saltna, l-​effett fuqi jkun wieħed pożittiv. Meta nara d-​differenza li tagħmel il-​verità tas-​Saltna fil-​ħajja taʼ student tal-​Bibbja ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Kemm għandi veritajiet sbieħ x’naqsam maʼ ħaddieħor!’”

Għandna tassew għalfejn inkunu grati għall-​bosta barkiet spiritwali li ngawdu. Għalkemm forsi niffaċċjaw provi bħal pereżempju l-​oppożizzjoni, il-​mard, ix-​xjuħija, id-​dipressjoni, in-​niket minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd għażiż, u t-​tbatijiet ekonomiċi, aħna nafu li dawn huma temporanji. Taħt is-​Saltna t’Alla, se jkollna wkoll barkiet fiżiċi flimkien mal-​barkiet spiritwali. Kull tbatija li nissaportu issa se titneħħa fis-​sistema l-​ġdida.—Riv. 21:4.

Sadanittant, ejja nkunu grati għall-​barkiet spiritwali li għandna u nuru apprezzament bħalma wera s-​salmista li kanta: “Int għamilt ħafna affarijiet, iva, għemejjel taʼ l-​għaġeb, O Ġeħova Alla tiegħi, u ħsibijietek huma dwarna; ħadd ma jistaʼ jitqabbel miegħek. Kieku kelli ngħid u nitkellem dwarhom, kienu jkunu ferm iżjed milli nistaʼ nsemmi.”—Salm 40:5.

[Nota taʼ taħt]

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 18]

Aħna niġu mberkin bl-​appoġġ spiritwali meta ngħaddu minn xi prova