Tobogħdu Int il-Ksur tal-Liġi?
“Int [Ġesù] . . . bgħadt il-ksur tal-liġi.”—EBR. 1:9.
1. Ġesù x’għallem dwar l-imħabba?
SABIEX jenfasizza l-importanza tal-imħabba, Ġesù Kristu qal lid-dixxipli tiegħu: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:34, 35) Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex juru mħabba bla egoiżmu lejn xulxin. Din l-imħabba kellha tkun il-marka li tidentifikahom. Ġesù ħeġġiġhom ukoll: “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.”—Mt. 5:44.
2. Is-segwaċi taʼ Kristu għandhom jiżviluppaw mibegħda għal xiex?
2 Iżda minbarra li għallem lid-dixxipli tiegħu dwar l-imħabba, Ġesù għallimhom x’kellhom jobogħdu. B’referenza għal Ġesù ngħad: “Int ħabbejt il-ġustizzja, u bgħadt il-ksur tal-liġi [il-ħażen].” (Ebr. 1:9; Salm 45:7) Dan juri li għandna niżviluppaw mhux biss imħabba għal dak li hu sewwa iżda wkoll mibegħda għad-dnub, jew il-ksur tal-liġi. Taʼ min jinnota li l-appostlu Ġwanni qal b’mod speċifiku: “Kulmin jipprattika d-dnub qed jipprattika wkoll il-ksur tal-liġi, u għalhekk id-dnub hu ksur tal-liġi.”—1 Ġw. 3:4.
3. Rigward il-mibegħda għall-ksur tal-liġi, liema aspetti tal-ħajja se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
3 Mela, bħala Kristjani nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Nobogħdu jien il-ksur tal-liġi?’ Ejja neżaminaw kif nistgħu nuru l-mibegħda tagħna għal dak li hu ħażin f’dawn l-erbaʼ aspetti tal-ħajja: (1) l-attitudni tagħna lejn l-abbuż tal-alkoħol, (2) il-ħarsa tagħna lejn l-okkult, (3) ir-reazzjoni tagħna għall-immoralità, u (4) il-ħarsa tagħna lejn dawk li jħobbu l-ksur tal-liġi.
Issirx Skjav tal-Alkoħol
4. Ġesù għala kellu l-libertà tal-kelma meta wissa dwar ix-xorb żejjed?
4 Kultant Ġesù kien jixrob inbid. Hu kien iżomm f’moħħu li l-inbid hu għotja minn Alla. (Salm 104:14, 15) Madankollu, hu qatt ma abbuża minn din l-għotja billi xorob iżżejjed. (Prov. 23:29-33) Ġesù b’hekk kellu l-libertà tal-kelma meta ta parir kontra dan il-vizzju. (Aqra Luqa 21:34.) L-użu ħażin tal-alkoħol jistaʼ jwassal għal dnubiet serji oħrajn. Għalhekk, l-appostlu Pawlu kiteb: “Tiskrux bl-inbid, li fih hemm il-ħajja bla rażan, imma ibqgħu mtlew bl-ispirtu.” (Efes. 5:18) Hu wissa wkoll lin-nisa mdaħħlin fiż-żmien tal-kongregazzjoni biex ma jkunux “ilsiera taʼ ħafna nbid.”—Titu 2:3.
5. Liema mistoqsijiet jistgħu jistaqsu lilhom infushom dawk li jagħżlu li jixorbu xorb alkoħoliku?
5 Jekk tagħżel li tixrob xorb alkoħoliku, tagħmel tajjeb li tistaqsi lilek innifsek: ‘Għandi jien l-istess attitudni li kellu Ġesù lejn ix-xorb żejjed? Jekk ikolli bżonn nagħti parir lil ħaddieħor dwar din il-kwistjoni, għandi jien il-libertà tal-kelma? Nixrob jien biex ninsa l-inkwiet jew biex intaffi l-istress? Kemm nixrob alkoħol kull ġimgħa? Kif nirreaġixxi meta xi ħadd jimplika li jistaʼ jkun li qed nixrob iżżejjed? Niddefendi jien lili nnifsi jew saħansitra nħossni offiż?’ Jekk inħallu lilna nfusna nsiru skjavi tax-xorb alkoħoliku tistaʼ tiġi effettwata l-abbiltà li nirraġunaw sewwa u li nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Is-segwaċi taʼ Kristu jistinkaw biex jipproteġu l-abbiltà tal-ħsib tagħhom.—Prov. 3:21, 22.
Evita l-Prattiki tal-Okkult
6, 7. (a) Ġesù kif ittratta lil Satana u lid-demonji? (b) Il-prattiki tal-okkult għala huma daqstant mifruxin illum?
6 Meta kien fuq l-art, Ġesù oppona b’mod sod lil Satana u lid-demonji. Hu kkumbatta kontra l-attakki diretti minn Satana fuq il-lealtà tiegħu. (Lq. 4:1-13) Ukoll, hu identifika u rreżista t-tentattivi li saru fin fin sabiex jinfluwenzaw il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu. (Mt. 16:21-23) Ġesù għen lil uħud li kien jistħoqqilhom ħalli jaħarbu l-ħakma krudila mid-demonji.—Mk. 5:2, 8, 12-15; 9:20, 25-27.
7 Wara l-ħatra tiegħu bħala Sultan fl-1914, Ġesù naddaf is-smewwiet mill-influwenza li tniġġes taʼ Satana u d-demonji. Huwa għalhekk li Satana—issa iktar minn qatt qabel—hu determinat li “jqarraq bl-art abitata kollha.” (Riv. 12:9, 10) Mela m’għandniex nistagħġbu li l-interess fl-okkult hu mifrux sew u qed jikber. Liema passi nistgħu nieħdu biex nipproteġu lilna nfusna?
8. Liema eżami tagħna nfusna għandna nagħmlu meta niġu biex nagħżlu d-divertiment tagħna?
8 Il-Bibbja twissi b’mod ċar dwar il-perikli marbutin mal-ispiritiżmu. (Aqra Dewteronomju 18:10-12.) Illum, Satana u d-demonji jinfluwenzaw il-ħsibijiet tan-nies permezz taʼ films, kotba, u logħob elettroniku li jippromwovu l-prattiki tal-okkult. Għalhekk, meta niġu biex nagħżlu d-divertiment, kull wieħed u waħda minna għandu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Matul dawn l-aħħar xhur, għażilt jien bħala divertiment films, programmi tat-televixin, logħob elettroniku, kotba, jew komiks li jippromwovu prattiki sopranaturali? Nifhem jien l-importanza li niċħad l-influwenzi tal-okkult? Jew inqis dawn il-perikli bħala li mhumiex serji? Qatt ikkunsidrajt jien kif jistaʼ jħossu Ġeħova dwar l-għażla tiegħi taʼ divertiment? Jekk jien ħallejt influwenzi sataniċi bħal dawn jeffettwawli ħajti, l-imħabba tiegħi għal Ġeħova u għall-prinċipji ġusti tiegħu se jqanqluni biex naġixxi b’mod deċiżiv u naħrab ’l bogħod minnhom?’—Atti 19:19, 20.
Agħti Kas it-Twissija taʼ Ġesù Dwar l-Immoralità
9. Individwu kif jistaʼ jiżviluppa mħabba għall-ksur tal-liġi?
9 Ġesù żamm mal-livelli taʼ Ġeħova dwar il-moralità sesswali. Hu qal: “Ma qrajtux li sa mill-bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mt. 19:4-6) Ġesù kien jaf li dak li naraw b’għajnejna jistaʼ jeffettwa lil qalbna. Għalhekk, fil-Prietka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, hu qal: “Smajtu li ntqal, ‘Tagħmilx adulterju.’ Imma jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mt. 5:27, 28) Dawk li jinjoraw it-twissija taʼ Ġesù fir-realtà jkunu qed jiżviluppaw l-imħabba għall-ksur tal-liġi.
10. Irrakkonta esperjenza li turi li individwu jistaʼ jirnexxilu jaqtaʼ għalkollox il-vizzju tal-pornografija.
10 Satana jippromwovi l-immoralità sesswali permezz tal-pornografija. Is-sistema dinjija taʼ llum hi miżgħuda biha. Dawk li jaraw il-pornografija jsibuha diffiċli li jħassru x-xeni immorali minn moħħhom, tant li saħansitra ma jgħaddux mingħajr ma jaraw il-pornografija. Ikkunsidra x’ġara lil wieħed Kristjan. Hu jgħid: “Jien kont nara l-pornografija bil-moħbi. Kont ħloqt dinja tal-fantasija li ħsibt li kienet maqtugħa għalkollox mid-dinja li fiha kont naqdi lil Ġeħova. Kont naf li din il-prattika hi ħażina, iżda kont ngħid lili nnifsi li s-servizz tiegħi lil Alla xorta kien aċċettabbli.” X’biddel l-attitudni taʼ dan il-ħu? Hu jgħid: “Għalkemm kienet l-iktar ħaġa diffiċli li qatt kelli nagħmel, iddeċidejt li ngħid lill-anzjani dwar il-problema tiegħi.” Dan il-ħu eventwalment qataʼ għalkollox dan il-vizzju degradanti. Hu jammetti u jgħid: “Wara li tnaddaft minn dan id-dnub, fl-aħħar ħassejt li kelli kuxjenza tassew nadifa.” Dawk li jobogħdu l-ksur tal-liġi għandhom jitgħallmu jobogħdu l-pornografija.
11, 12. Kif nistgħu nuru mibegħda għall-ksur tal-liġi meta niġu biex nagħżlu x’mużika se nisimgħu?
11 Il-mużika u l-lirika tad-diski jistgħu jinfluwenzaw bil-kbir l-emozzjonijiet tagħna, u għalhekk tiġi effettwata l-qalb figurattiva tagħna. Il-mużika hi għotja minn Alla u ilha tintuża għal ħafna żmien fil-qima vera. (Eżo. 15:20, 21; Efes. 5:19) Iżda d-dinja mill-agħar taʼ Satana tippromwovi mużika li tigglorifika l-immoralità. (1 Ġw. 5:19) Kif tistaʼ tgħid jekk il-mużika li tismaʼ hijiex tniġġsek moralment jew le?
12 Tistaʼ forsi tibda billi tistaqsi lilek innifsek: ‘Id-diski li nismaʼ jigglorifikaw il-qtil, l-adulterju, il-fornikazzjoni, u d-dagħa? Kieku kelli naqra l-lirika taʼ ċerti diski lil xi ħadd, se jieħu l-impressjoni li jien nobgħod il-ksur tal-liġi, jew il-lirika tindika li qalbi hi mħassra moralment?’ Ma nistgħux bil-kliem ngħidu li nobogħdu l-ksur tal-liġi filwaqt li nagħżlu li nisimgħu diski li jigglorifikaw il-ksur tal-liġi. Ġesù qal: “Dak li joħroġ mill-fomm jiġi mill-qalb, u dan hu li jniġġes lill-bniedem. Per eżempju, mill-qalb joħorġu rraġunar ħażin, qtil, adulterju, żína, serq, xiehda falza, u dagħa.”—Mt. 15:18, 19; qabbel Ġakbu 3:10, 11.
Adotta l-Ħarsa taʼ Ġesù Lejn Dawk li Jħobbu l-Ksur tal-Liġi
13. Ġesù kif ħares lejn dawk li webbsu qalbhom minħabba d-dnub?
13 Ġesù qal li hu ġie biex iħeġġeġ lill-midinbin, jew lill-uħud bla liġi, biex jindmu. (Lq. 5:30-32) Iżda hu kif kien iħares lejn dawk li webbsu qalbhom minħabba li qabdu t-triq tad-dnub? Ġesù ta twissijiet qawwijin biex wieħed ma jinfluwenzax ruħu minn uħud bħal dawn. (Mt. 23:15, 23-26) Hu qal b’mod ċar ukoll: “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet. Ħafna jgħiduli f’dak il-jum [li fih Alla se jagħmel ġudizzju], ‘Mulej, Mulej, mhux f’ismek ipprofetizzajna, u mhux f’ismek keċċejna d-demonji, u mhux f’ismek wettaqna ħafna għemejjel setgħanin?’” Madankollu, hu se jiċħad lil dawk li jipprattikaw il-ksur tal-liġi bla ma juru ndiema billi jgħidilhom: “Itilqu minn quddiemi.” (Mt. 7:21-23) Għala se jkollhom dan il-ġudizzju? Għax individwi bħal dawn jiddiżonoraw lil Alla u jikkaġunaw ħsara lil oħrajn minħabba l-prattiki taʼ ksur tal-liġi tagħhom.
14. Il-midinbin li ma jurux indiema għala jitneħħew mill-kongregazzjoni?
14 Il-Kelma t’Alla tagħti l-kmand li l-midinbin li ma jurux indiema għandhom jitneħħew mill-kongregazzjoni. (Aqra l-1 Korintin 5:9-13.) Dan hu meħtieġ għal minn tal-inqas tliet raġunijiet: (1) biex isem Ġeħova jinżamm ħieles mit-tmaqdir, (2) biex il-kongregazzjoni tkun protetta mit-tinġis, u (3) biex jekk ikun possibbli l-midneb jiġi megħjun jindem.
15. Jekk irridu nibqgħu leali lejn Ġeħova, liema mistoqsijiet importanti għandna nistaqsu lilna nfusna?
15 Għandna l-istess ħarsa taʼ Ġesù lejn dawk li ntelqu għal ħajja taʼ ksur tal-liġi? Jeħtieġ naħsbu bis-serjetà dwar dawn il-mistoqsijiet: ‘Nagħżel jien li nissieħeb regolarment maʼ xi ħadd li ġie maqtugħ mis-sħubija jew li ddiżassoċja ruħu mill-kongregazzjoni Kristjana? Xi ngħidu jekk dan l-individwu jkun membru tal-familja li m’għadux jgħix id-dar?’ Sitwazzjoni bħal din tistaʼ tkun tassew prova tal-imħabba tagħna għas-sewwa u tal-lealtà tagħna lejn Alla. a
16, 17. Omm Kristjana liema diffikultà ffaċċjat, u x’għenha żżomm mal-arranġament tal-qtugħ mis-sħubija taʼ dawk li jagħmlu l-ħażen u ma jurux indiema?
16 Ikkunsidra l-esperjenza taʼ oħt u binha li hu adult. Dan darba kellu mħabba għal Ġeħova imma iktar tard fil-ħajja għażel li jipprattika l-ksur tal-liġi bla ma wera ndiema. Għalhekk, hu ġie maqtugħ mis-sħubija tal-kongregazzjoni. Din l-oħt kienet tħobb lil Ġeħova, iżda kienet tħobb ukoll lil binha u sabitha diffiċli ferm li tapplika l-kmand Skritturali biex tevita li tassoċja miegħu.
17 Kieku int liema parir kont tagħtiha lil din l-oħt? Anzjan għenha tirrealizza li Ġeħova kien qed jifhem l-uġigħ li kienet qed tħoss. Il-ħu ħeġġiġha biex taħseb dwar l-uġigħ li ħass Ġeħova meta rribellaw xi wħud mill-ulied anġeliċi tiegħu. L-anzjan irraġuna magħha u qalilha li għalkemm Ġeħova jaf kemm tistaʼ tkun taʼ wġigħ sitwazzjoni bħal din, hu jirrikjedi li dawk li jidinbu u ma jurux indiema jiġu maqtugħin mis-sħubija. Hi ħadet dawn it-tfakkiriet bis-serjetà u b’lealtà żammet mal-arranġament tal-qtugħ mis-sħubija. b Lealtà bħal din tferraħ qalb Ġeħova.—Prov. 27:11.
18, 19. (a) Meta naqtgħu kull kuntatt maʼ xi ħadd li jipprattika l-ksur tal-liġi nkunu qed nuru l-mibegħda tagħna għal xiex? (b) X’jistaʼ jirriżulta meta nkunu leali lejn Alla u lejn l-arranġament tiegħu?
18 Jekk tiffaċċja sitwazzjoni simili, żomm f’moħħok li Ġeħova jagħdrek. Jekk taqtaʼ l-kuntatt għalkollox mal-wieħed maqtugħ mis-sħubija jew diżassoċjat, tkun qed turi li int tobgħod l-attitudnijiet u l-azzjonijiet li wasslu għal dan ir-riżultat. Madankollu, tkun qed turi wkoll lill-individwu li jkun għamel il-ħażen li tħobbu biżżejjed biex tagħmel dak li hu l-aħjar għalih. Il-lealtà tiegħek lejn Ġeħova tistaʼ żżid il-probabbiltà li l-wieħed li jkun ġie dixxiplinat jindem u jdur lura lejn Ġeħova.
19 Persuna li ġiet maqtugħa mis-sħubija u li iktar tard ġiet aċċettata lura kitbet: “Jien ferħana li Ġeħova jħobb lill-poplu tiegħu biżżejjed biex jara li l-organizzazzjoni tiegħu tinżamm nadifa. Dak li jistaʼ jidher bħala kattiverija għan-nies taʼ barra huwa neċessarju u tabilħaqq, att taʼ mħabba.” Taħseb li din il-persuna kienet se tiġi megħjuna tasal għal din il-konklużjoni kieku l-membri tal-kongregazzjoni, inkluż il-familja tagħha, żammew kuntatt regulari magħha waqt li kienet maqtugħa mis-sħubija? Jekk nappoġġaw l-arranġament Skritturali tal-qtugħ mis-sħubija nkunu qed nuru li aħna nħobbu s-sewwa u nirrikonoxxu d-dritt li għandu Ġeħova li jistabbilixxi l-livelli taʼ kondotta.
“Obogħdu Dak li Hu Ħażin”
20, 21. Għala hu importanti li nitgħallmu nobogħdu l-ksur tal-liġi?
20 L-appostlu Pietru wissa: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa.” Għala? Għax “l-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pt. 5:8) Dan ix-xi ħadd se jkun int? Jiddependi ħafna minn kemm titgħallem tobgħod il-ksur tal-liġi.
21 Mhuwiex faċli tiżviluppa mibegħda għal dak li hu ħażin. Aħna nitwieldu bid-dnub, u ngħixu f’dinja li tħajjarna naġixxu skont ix-xewqat tal-laħam. (1 Ġw. 2:15-17) Madankollu, jekk nimitaw lil Ġesù Kristu u niżviluppaw imħabba profonda għal Alla Ġeħova, jistaʼ jirnexxilna nikkultivaw mibegħda għall-ksur tal-liġi. Ejja nkunu determinati li ‘nobogħdu dak li hu ħażin,’ b’fiduċja sħiħa li Ġeħova “qed iħares . . . il-leali tiegħu; minn id dawk mill-agħar jeħlishom.”—Salm 97:10.
[Noti taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata dwar dan is-suġġett, ara l-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-15 taʼ Settembru, 1981, paġni 26-31.
b Ara wkoll il-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Jannar, 2007, paġni 17-20.
Int Kif Twieġeb?
• X’se jgħinna neżaminaw l-attitudni tagħna lejn ix-xorb alkoħoliku?
• Liema passi biex nipproteġu ruħna nistgħu nieħdu kontra l-prattiki tal-okkult?
• Il-pornografija għala hi taʼ periklu?
• Kif nistgħu nuru mibegħda għall-ksur tal-liġi meta xi ħadd li nħobbu jiġi maqtugħ mis-sħubija?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa fʼpȧgna 29]
Jekk tagħżel li tixrob xorb alkoħoliku, x’għandek tqis?
[Stampa fʼpȧgna 30]
Oqgħod attent mill-influwenza satanika fid-divertiment
[Stampa fʼpaġna 31]
Min jara l-pornografija jiżviluppa mħabba għal xiex?