Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandek Raġuni għall-Hena

Għandek Raġuni għall-Hena

MILL-​IĊKEN ċellula ħajja sal-​galassji enormi fi gruppi kbar u oħrajn ġganteski, naraw li l-​ħolqien fih l-​ordni. Dan żgur li ma jissorprendiniex, għax il-​Ħallieq “m’huwiex Alla tad-​diżordni.” (1 Kor. 14:33) L-​arranġament t’Alla għall-​qima huwa impressjonanti wkoll. Ikkunsidra dak li Ġeħova għamel. Hu għaqqad f’organizzazzjoni universali waħda mijiet taʼ miljuni taʼ ħlejjaq intelliġenti, kemm fuq l-​art kif ukoll fis-​sema, li għandhom rieda ħielsa u li huma magħqudin fil-​qima pura. X’meravilja!

F’Iżrael tal-​qedem, il-​parti tal-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art kienet simbolizzata minn Ġerusalemm, fejn kien hemm it-​tempju taʼ Ġeħova u s-​sultan midluk minnu. Priġunier Iżraeli f’Babilonja esprima s-​sentimenti tiegħu għall-​belt qaddisa b’dan il-​mod: “Ħa jeħilli lsieni mas-​saqaf taʼ ħalqi, jekk ma niftakarx fik, jekk Ġerusalemm ma tkunx għalija l-​akbar raġuni għall-​hena.”—Salm 137:6.

Int hekk tħossok dwar l-​organizzazzjoni t’Alla llum? Iġġiblek iktar hena minn kwalunkwe ħaġa oħra? Jifhmu wliedek l-​istorja u l-​funzjoni tal-​parti tal-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art? Jifhmu li huma parti minn fratellanza globali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova u jqisuh taʼ valur dan? (1 Pt. 2:17) Għala ma tużax is-​suġġerimenti li ġejjin fil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja tiegħek sabiex issaħħaħ l-​apprezzament tal-​familja tiegħek għall-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

Irrakkonta Dwar “Żmien il-​Qedem”

Kull sena, familji Iżraelin kienu jiltaqgħu biex jiċċelebraw il-​Qbiż. Meta twaqqfet din il-​festa, Mosè istruwixxa lill-​poplu: “Fil-​każ li ibnek jistaqsik iktar tard u jgħidlek, ‘Dan xi jfisser?’ int trid tgħidlu, ‘Bis-​saħħa taʼ idu Ġeħova ħariġna mill-​Eġittu, minn dar l-​ilsiera.’” (Eżo. 13:14) Dak li Ġeħova għamel mal-​Iżraelin ma kellux jintesa. Żgur li ħafna missirijiet Iżraelin segwew il-​kmand taʼ Mosè. Ġenerazzjonijiet wara, Iżraeli talab: “O Alla, smajna b’widnejna, missirijietna rrakkontawlna dak li għamilt fi żmienhom, fi żmien il-​qedem.”—Salm 44:1.

Għal xi ħadd żgħir illum, l-​istorja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova matul, bejn wieħed u ieħor, l-​aħħar 100 sena wkoll tistaʼ tidher bħal “żmien il-​qedem.” Kif tistaʼ tagħti l-​ħajja lil dawn il-​ġrajjiet għal uliedek? Sabiex jagħmlu dan, xi ġenituri jużaw il-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, il-​Yearbook, bijografiji li ġew pubblikati fir-​rivisti tagħna, u rapporti oħrajn tal-​istorja teokratika, inkluż id-​DVD ġdid tagħna dwar il-​poplu t’Alla fi żminijiet moderni. Vidjos dwar il-​persekuzzjoni taʼ ħutna f’dik li qabel kienet l-​Unjoni Sovjetika u fil-​Ġermanja Nazista jgħallmu lill-​familji biex jistrieħu fuq Ġeħova matul il-​provi. Inkludi materjal bħal dan fil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja tiegħek. Dan se jkabbar il-​fidi taʼ wliedek għal meta jiffaċċjaw xi sfidi tal-​integrità tagħhom.

Madankollu, prietka dwar l-​istorja tistaʼ malajr iddejjaq liż-​żgħażagħ. Għalhekk, involvi lil uliedek. Pereżempju, tistaʼ tistaqsi lil ibnek biex jagħżel pajjiż li jinteressah, jagħmel riċerka dwar l-​istorja teokratika tal-​pajjiż, u jippreżenta ftit minn dak li tgħallem lill-​familja. Fil-​kongregazzjoni tiegħek jistaʼ jkun hemm Kristjani li ilhom ħafna jaqdu f’servizz leali u li tistaʼ tistieden biex jingħaqdu magħkom lejla minnhom għall-​qima tal-​familja. Forsi bintek tistaʼ tintervistahom u tinkuraġġihom jitkellmu dwar l-​esperjenzi tagħhom. Jew tistaʼ tgħid lil uliedek biex ipinġu stampi taʼ ġrajjiet sinifikanti teokratiċi, bħal pereżempju, il-​kostruzzjoni taʼ xi fergħa, xi konvenzjoni internazzjonali, jew l-​użu tal-​fonografu fil-​ministeru minn dar għal dar.

Tgħallem Kif “Kull Parti Tagħmel Xogħolha”

L-​appostlu Pawlu qabbel lill-​kongregazzjoni Kristjana maʼ “ġisem sħiħ, magħqud u miżmum flimkien permezz taʼ kull ligament, li jikber u jinbena bl-​imħabba, hekk kif kull parti tagħmel xogħolha.” (Efes. 4:16, New International Version) L-​apprezzament u r-​rispett tagħna lejn il-​Ħallieq tagħna jikbru hekk kif nitgħallmu dwar kif jaħdem il-​ġisem uman. B’mod simili, meta neżaminaw kif taħdem il-​kongregazzjoni globali, aħna nistagħġbu bl-​“għerf t’Alla li jintwera b’ħafna modi differenti.”—Efes. 3:10.

Ġeħova jiddeskrivi kif l-​organizzazzjoni tiegħu, inkluż il-​parti fis-​sema, taħdem. Pereżempju, hu jgħidilna li hu l-​ewwel ta rivelazzjoni lil Ġesù Kristu, li mbagħad “bagħat lill-​anġlu tiegħu, u permezz taʼ dan l-​anġlu ppreżentaha b’sinjali lill-​ilsir tiegħu Ġwanni, li xehed.” (Riv. 1:1, 2) Jekk Alla jirrivela kif taħdem il-​parti inviżibbli tal-​organizzazzjoni tiegħu, ma taħsibx li jixtieqna nifhmu kif “kull parti tagħmel xogħolha” fuq l-​art?

Pereżempju, jekk l-​indokratur tas-​circuit dalwaqt se jżur lill-​kongregazzjoni tiegħek, għala ma tikkunsidrax flimkien mal-​familja tiegħek id-​dmirijiet u l-​privileġġi t’indokraturi li jivvjaġġaw? Kif jgħinu lil kull wieħed u waħda minna? Mistoqsijiet oħrajn li jistgħu jiġu kunsidrati huma: Għala huwa importanti li nirrapportaw is-​servizz tal-​għalqa? L-​ispejjeż tal-​organizzazzjoni t’Alla minn fejn jitħallsu? Il-​Ġemgħa li Tiggverna kif inhi organizzata, u kif tipprovdi l-​ikel spiritwali?

Meta nifhmu kif il-​poplu taʼ Ġeħova hu organizzat, aħna nibbenefikaw mill-​inqas bi tliet modi: L-​apprezzament tagħna għal dawk li jaħdmu iebes għalina jikber. (1 Tess. 5:12, 13) Ukoll, niġu mqanqlin nappoġġaw l-​arranġamenti teokratiċi. (Atti 16:4, 5) Fl-​aħħar, il-​fiduċja tagħna f’dawk li jieħdu t-​tmexxija tissaħħaħ hekk kif naraw il-​bażi Skritturali għad-​deċiżjonijiet li jittieħdu u l-​arranġamenti li jsiru.—Ebr. 13:7.

‘Iflilha t-​Torrijiet Mgħammrin Tagħha’

“Immarċjaw madwar Sijon, u duru magħha, għoddu t-​torrijiet tagħha. Ħarsu sew lejn il-​ħitan b’saħħithom tagħha. Iflulha t-​torrijiet mgħammrin tagħha, sabiex tkunu tistgħu tirrakkontaw dan lill-​ġenerazzjoni tal-​futur.” (Salm 48:12, 13) Is-​salmista hawnhekk ħeġġeġ lill-​Iżraelin biex jaraw lil Ġerusalemm mill-​viċin. Tistaʼ timmaġina l-​memorji prezzjużi li kellhom il-​familji Iżraelin li kienu vvjaġġaw lejn il-​belt qaddisa għall-​festi taʼ kull sena u li kienu raw it-​tempju meraviljuż tagħha? Żgur li ġew imqanqlin biex ‘jirrakkontaw dan lill-​ġenerazzjoni tal-​futur.’

Aħseb dwar is-​sultana taʼ Xeba li għall-​ewwel kienet dubjuża dwar ir-​rapporti li semgħet rigward il-​ħakma mill-​aħjar taʼ Salamun u l-​għerf kbir tiegħu. Xi kkonvinċieha li l-​affarijiet li semgħet kienu minnhom? Hi qalet: “M’emmintx il-​kliem li qalu sakemm ġejt u rajt b’għajnejja.” (2 Kron. 9:6) Iva, dak li naraw ‘b’għajnejna’ stess jistaʼ jeffettwana profondament.

Kif tistaʼ tgħin lil uliedek jaraw l-​għeġubijiet tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova ‘b’għajnejhom’ stess? Jekk hemm uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova viċin fejn tgħixu, agħmel sforz biex tmorru żżuruh. Pereżempju, Mandy u Bethany trabbew xi 1,500 kilometru ’l bogħod mid-​dar Betel f’pajjiżhom. Madankollu, il-​ġenituri taʼ sikwit irranġaw biex iżuru u jaraw il-​faċilitajiet tagħha, speċjalment hekk kif kienu qed jikbru wliedhom. “Qabel żorna l-​Betel, aħna ħsibna li kien post serju ħafna u għan-​nies xjuħ biss,” jispjegaw il-​bniet. “Imma ltqajna maʼ żgħażagħ li kienu qed jaħdmu iebes għal Ġeħova u li kienu qed jieħu gost jagħmlu dan! Rajna li l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova kienet akbar minn sempliċement l-​inħawi żgħar fejn konna ngħixu aħna, u kull żjara f’Betel tatna doża żgħira t’enerġija spiritwali.” Il-​fatt li raw l-​organizzazzjoni t’Alla mill-​viċin qanqal lil Mandy u Bethany biex jibdew jaqdu bħala pijunieri, u saħansitra ġew mistidnin jaqdu f’Betel bħala volontieri temporanji.

Għandna mod ieħor kif nistgħu ‘naraw’ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, mod li ma kienx disponibbli għal Iżrael tal-​qedem. Fis-​snin reċenti, il-​poplu t’Alla rċieva vidjos u DVDs li jiddiskutu diversi aspetti tal-​organizzazzjoni t’Alla, bħal: Jehovah’s Witnesses—Organized to Share the Good News, Our Whole Association of Brothers, To the Ends of the Earth, u United by Divine Teaching. Meta int u l-​familja tiegħek taraw ix-​xogħol iebes li jagħmlu l-​Beteliti, l-​uħud li jipprovdu għajnuna, il-​missjunarji, u l-​aħwa li jippreparaw u jorganizzaw il-​konvenzjonijiet, żgur li l-​apprezzament għall-​fratellanza globali se jikber fi qlubkom.

Kull kongregazzjoni tal-​poplu t’Alla għandha parti importanti f’li tipprietka l-​aħbar tajba u tappoġġa l-​Kristjani fl-​inħawi tagħha. Madankollu, ħu l-​ħin mal-​familja tiegħek biex tiftakar “fil-​fratellanza kollha fid-​dinja.” Dan se jgħin lilek u lil uliedek tibqgħu “sodi fil-​fidi,” għax tagħrfu li għandkom raġuni għall-​hena.—1 Pt. 5:9.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 18]

L-​Organizzazzjoni t’Alla​—Suġġett taʼ Min Jistudjah!

Aħna għandna abbundanza taʼ provvedimenti li jgħinuna nitgħallmu iktar dwar l-​istorja tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u dwar kif taħdem. Il-​mistoqsijiet li ġejjin jistgħu jgħinuk tibda:

Kif inbeda x-​xogħol tal-​indokraturi li jivvjaġġaw tal-​lum?It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Diċembru, 1996, paġni 8-​13.

X’kien sinifikanti dwar “Il-​Ġurnata tat-​Tfal” li kien hemm fl-​Assemblea Teokratika fl-​1941?It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju, 2001, paġna 8.

Il-​Ġemgħa li Tiggverna kif tieħu d-​deċiżjonijiet?Nagħtu Xhieda bir-​Reqqa Dwar is-​Saltna t’Alla, paġni 108-​114.