Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Meta Ġesù Kristu bagħat lit-12-il appostlu biex jippritkaw, kellhom jieħdu magħhom bsaten u jilbsu sandli?
Xi wħud jisħqu li t-tliet rakkonti tal-Evanġelji li jitkellmu dwar kif Ġesù bagħat lill-appostli jippritkaw jikkontradixxu lil xulxin. Però, jekk inqabblu dawn ir-rakkonti nistgħu naslu għal konklużjoni interessanti. L-ewwel, qabbel dak li kitbu Marku u Luqa. Ir-rakkont taʼ Marku jgħid: “[Ġesù] ordnalhom biex għall-vjaġġ ma jieħdu xejn magħhom ħlief bastun, u la ħobż, la ħorġa taʼ l-ikel, u lanqas flus tar-ram aħmar fil-bwiet taʼ ħżiemhom, imma jilbsu sandli, u ma jilbsux żewġ ilbiesi.” (Mk. 6:7-9) Luqa kiteb: “Għall-vjaġġ tieħdu xejn, la bastun, la ħorġa taʼ l-ikel, la ħobż, la flus tal-fidda, u lanqas żewġ ilbiesi.” (Lq. 9:1-3) Hawnhekk naraw dak li jidher li hu kontradizzjoni. Skont Marku, l-appostli ntqalilhom biex iġorru bastun u jilbsu sandli, imma r-rakkont taʼ Luqa jgħid li ma kellhom iġorru xejn, lanqas bastun. Kuntrarju għal Marku, Luqa ma jsemmix is-sandli.
Sabiex nifhmu x’ried jgħid Ġesù f’din l-okkażjoni, innota l-espressjoni li tidher fit-tliet Evanġelji. Fir-rakkonti li għadhom kif issemmew, kif ukoll f’Mattew 10:5-10, l-appostli ntqalilhom biex ma jiħdux jew ma jilbsux “żewġ ilbiesi.” Wisq probabbli, kull appostlu kien liebes libsa. Għalhekk ma kellhomx imorru jġibu oħra għall-vjaġġ. Bl-istess mod, kienu lebsin is-sandli. Marku enfasizza l-bżonn li “jilbsu sandli,” jiġifieri s-sandli li kienu diġà lebsin. Xi ngħidu għall-bsaten? The Jewish Encyclopedia tgħid: “Jidher li kienet drawwa komuni fost il-Lhud tal-qedem li jġorru wkoll bastun.” (Ġen. 32:10) Marku qal li l-appostli ma kellhom “jieħdu xejn magħhom” ħlief il-bastun li diġà kellhom magħhom meta Ġesù tahom il-kmand. Għaldaqstant, il-kittieba tal-Evanġelji kienu qed jenfasizzaw l-istruzzjoni taʼ Ġesù biex ma joħorġux barra minn triqithom ħalli jġibu iktar provvisti għall-vjaġġ.
Dan il-punt jiġi enfasizzat iktar minn Mattew, li semaʼ l-kmand taʼ Ġesù f’din l-okkażjoni u niżżlu bil-miktub. Ġesù qal: “Tiħdux flus tad-deheb jew tal-fidda jew tar-ram aħmar fil-but taʼ ħżiemkom, jew ħorġa taʼ l-ikel għall-vjaġġ, jew żewġ ilbiesi, jew sandli jew bastun; għax il-ħaddiem jistħoqqlu ħobżu.” (Mt. 10:9, 10) Xi ngħidu għas-sandli li l-appostli kienu lebsin u l-bsaten li kellhom f’idhom? Kien qed jgħidilhom Ġesù biex jarmuhom? Le, sempliċement kien qed jgħid li ma kellhomx jaħlu ħin biex jakkwistaw dawn l-affarijiet. Għala ta dan il-kmand? Għax “il-ħaddiem jistħoqqlu ħobżu.” Dan kien il-ħsieb prinċipali tal-kmand taʼ Ġesù, u kien fi qbil maʼ dak li ħeġġiġhom fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja. Hemmhekk qalilhom li ma kellhomx ikunu ansjużi dwar x’se jieklu, jixorbu, jew jilbsu.—Mt. 6:25-32.
Għalkemm ir-rakkonti tal-Evanġelji għall-ewwel jistgħu jidhru li jikkontradixxu lil xulxin, kienu kollha qed ikopru l-istess punt. L-appostli kellhom imorru kif kienu u ma jiġux aljenati biex jiksbu provvisti żejda. Għala? Għax Ġeħova kien se jipprovdilhom.
Min kienu l-“ħafna nisa” li semma Salamun?—Ma nistgħux inkunu ċerti, imma possibbiltà waħda hi li kienu nisa prominenti li ltaqaʼ magħhom Salamun fil-palazz irjali tiegħu.
F’Ekkleżjasti kapitlu 2, Salamun semma diversi affarijiet li kien wettaq, inkluż il-proġetti estensivi taʼ bini. Hu żied jgħid: “Ġmajt ukoll għalija fidda u deheb, u proprjetà li jkollhom biss is-slaten u l-provinċji. Ksibt għannejja rġiel u nisa għalija nnifsi, u ħafna nisa—l-għaxqa taʼ wlied il-bnedmin.”—Ekk. 2:8.
Bosta kummentaturi jassumu li n-“nisa” li Salamun jirreferi għalihom kienu l-ħafna nisa u konkubini barranin li kellu meta kiber fl-età. Dawn in-nisa wassluh biex jinvolvi ruħu fil-qima falza. (1 Slat. 11:1-4) Madankollu, hemm il-problemi f’din l-ispjegazzjoni. Meta Salamun kiteb dan il-kliem, hu kien diġà jafhom lill-“ħafna nisa.” U f’dan il-perijodu taʼ ħajtu kien għad għandu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova għax Alla kien qed jispirah biex jikteb kotba tal-Bibbja. Dan żgur li ma jaqbilx mas-sitwazzjoni tiegħu iktar ’il quddiem meta kellu mijiet taʼ nisa u konkubini barranin u involva ruħu fil-qima falza.
Fil-ktieb tal-Ekkleżjasti, Salamun qal li kien ‘ipprova jsib kliem pjaċevoli u jikteb kliem korrett u veru.’ (Ekk. 12:10) Huwa ovvju li kien jaf il-kliem għal “mara,” “sultana,” u “konkubina,” għax uża dan il-kliem fil-kitbiet ispirati tiegħu. (Prov. 5:18; 12:4; 18:22; Ekk. 9:9; Għan. 6:8, 9) Imma f’Ekkleżjasti 2:8, dan il-kliem familjari ma jintużax.
Fil-kliem “ħafna nisa,” insibu l-unika darba meta l-Bibbja tuża kelma Ebrajka mhix familjari. Studjużi tal-Bibbja jammettu li mhumiex ċerti dwar xi tfisser il-kelma. Ħafna tradutturi tal-Bibbja jidhrilhom li l-frażi f’Ekkleżjasti 2:8 tirreferi għan-nisa fil-plural jew fis-superlattiv. Il-frażi “ħafna nisa” tagħti dak is-sens.
Salamun kien magħruf ħafna, tant li sultana mis-saltna għanja taʼ Xeba semgħet bih, żaritu, u baqgħet impressjonata. (1 Slat. 10:1, 2) Dan jippreżenta tifsira possibbli għall-frażi taʼ Salamun dwar “ħafna nisa.” Setaʼ kien qed jirreferi għan-nisa li spikkaw u li ltaqaʼ magħhom fil-palazz tiegħu matul il-ħafna snin li kien għad għandu l-approvazzjoni t’Alla.