Qatt Tabbanduna lil Sħabek fit-Twemmin
“GĦAL 10 snin konna ipnotizzati bid-dawl ilellex tad-dinja tan-negozju u gawdejna l-ġid li kellna. Għalkemm trabbejna fil-verità, konna tbegħedna żżejjed minn Ġeħova u ma kellniex saħħa spiritwali biex niġu lura,” jirrakkontaw Jarosław u martu Beata. a
Ħu ieħor li jismu Marek jiftakar: “Minħabba bidliet soċjali u politiċi fil-Polonja tlift impjieg wara l-ieħor. Ħassejtni rrabjat. Kont beżgħan li jkolli l-kumpanija tiegħi stess għax ma kontx maqtugħ għan-negozju. Fl-aħħar tħajjart biex niftaħ kumpanija, bil-ħsieb li din tistaʼ tgħinni nieħu ħsieb aħjar il-bżonnijiet materjali taʼ familti mingħajr ma ssofri l-ispiritwalità tiegħi. Maż-żmien sibt kemm mort żmerċ.”
F’dinja fejn l-għoli tal-ħajja dejjem tielaʼ u l-qgħad jiżdied b’mod kontinwu, xi wħud isiru ddisprati, u b’hekk jieħdu deċiżjonijiet mhux għaqlin. Numru t’aħwa ddeċidew li jaċċettaw jaħdmu bl-overtime, li jżidu max-xogħol li diġà għandhom, jew li jiftħu negozju tagħhom avolja m’għandhomx esperjenza. Huma jaħsbu li bid-dħul żejjed ikunu jistgħu jgħinu lill-familja filwaqt li ma jsofrux spiritwalment. Madankollu, ċirkustanzi mhux Ekk. 9:11, 12.
mistennijin u l-ekonomija li mhix stabbli jistgħu jħarbtu saħansitra pjanijiet b’intenzjoni tajba. B’hekk, xi wħud waqgħu fin-nasba tar-regħba u ħallew il-ġiri wara l-materjaliżmu jeffettwa s-servizz tagħhom lejn Ġeħova.—Xi aħwa tant intilfu fil-ġiri taʼ din id-dinja li m’għadx għandhom ħin għall-istudju persunali, għal-laqgħat, jew għall-ministeru. Jidher ċar li minħabba li ttraskuraw dawn l-affarijiet, huma kkaġunaw ħsara lill-ispiritwalità tagħhom u lir-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. Huma għandhom mnejn ukoll jabbandunaw relazzjoni oħra importanti—ir-rabta tagħhom maʼ dawk ‘li jiġu minnhom fil-fidi.’ (Gal. 6:10) Xi wħud bil-mod il-mod jitbiegħdu mill-fratellanza Kristjana. Aħseb bis-serjetà dwar xi jfisser dan.
L-Obbligu Tagħna Lejn Sħabna fit-Twemmin
Bħala aħwa għandna ħafna okkażjonijiet li fihom nuru mħabbitna lejn xulxin. (Rum. 13:8) Fil-kongregazzjoni tiegħek x’aktarx li rajt lil xi wħud ‘magħkusin li jgħajtu għall-għajnuna.’ (Ġob 29:12) Xi wħud jistgħu ma jkollhomx l-affarijiet bażiċi tal-ħajja. L-appostlu Ġwanni fakkarna fl-opportunità li hemm f’dil-ħaġa. “Kulmin għandu biex jgħix f’din id-dinja u jara lil ħuh fil-bżonn u ma jkunx irid juri ħniena miegħu, kif tistaʼ tibqaʼ fih l-imħabba t’Alla?”—1 Ġw. 3:17.
Int stajt urejt imħabbtek meta nqalgħu bżonnijiet bħal dawn u kont ġeneruż f’li tgħin lil oħrajn. Biss, l-interess tagħna f’ħutna mhux limitat għal għajnuna materjali. Hemm min jgħajjat għall-għajnuna għax iħossu waħdu jew skuraġġit. Dawn l-uħud għandhom mnejn ma jħossuhomx denji li jaqdu lil Ġeħova, jistaʼ jkun li qed ibatu b’xi marda serja, jew tilfu lil xi ħadd għażiż fil-mewt. Mod wieħed li bih nistgħu ninkuraġġuhom hu billi nagħtuhom widen u nitkellmu magħhom, u b’hekk inkunu sensittivi għall-bżonnijiet emozzjonali u spiritwali tagħhom. (1 Tess. 5:14) Spiss, dan ikompli jgħaqqad ir-rabta taʼ mħabba maʼ ħutna.
Rgħajja spiritwali jistgħu speċjalment ikunu lesti li jisimgħu b’empatija, juru li jifhmu, u jipprovdu pariri Skritturali bi mħabba. (Atti 20:28) B’dan il-mod, l-indokraturi jimitaw lill-appostlu Pawlu, li kellu “affezzjoni tenera” għal ħutu spiritwali.—1 Tess. 2:7, 8.
Madankollu, jekk Kristjan jitbiegħed mill-merħla x’se jiġri mill-obbligu tiegħu lejn sħabu fit-twemmin? Anki l-indokraturi jistgħu jaqgħu fit-tentazzjoni taʼ li jiġru wara miri materjalistiċi. Xi ngħidu kieku Kristjan kellu jċedi għal tentazzjoni bħal din?
Imtaqqlin bl-Ansjetajiet tal-Ħajja
Bħalma rajna, li naħdmu iebes biex nipprovdu għall-bżonnijiet fiżiċi bażiċi tal-familja tagħna spiss iġib ansjetajiet u jistaʼ jdgħajjef il-ħarsa tagħna lejn valuri spiritwali. (Mt. 13:22) Marek, li semmejnieh iktar kmieni, jispjega: “Meta n-negozju tiegħi falla ddeċidejt li nsib impjieg b’paga tajba barra minn pajjiżi. Tlaqt għal tliet xhur biss, imbagħad għal tliet xhur oħra, u bqajt sejjer hekk, u sadattant kont immur għal ftit żmien id-dar. Marti, li ma kinitx temmen bħali, batiet b’mod emozzjonali minħabba dan.”
Ma kinitx biss il-ħajja tal-familja li batiet. “Flimkien maʼ sigħat twal fuq ix-xogħol fi sħana tremenda,” ikompli jgħid Marek, “kont inkun maʼ nies psataż li kienu jipprovaw jieħdu vantaġġ minn ħaddieħor. Kienu jaġixxu bħal nies taʼ qattagħni. Ħassejtni dipress u dominat. Billi lanqas biss kelli ħin biex nieħu ħsieb tiegħi nnifsi, bdejt niddubita jekk kontx għadni nistaʼ naqdi lil oħrajn.”
Il-konsegwenzi taʼ niket tad-deċiżjoni li ħa Marek għandhom iqanqluna biex nieqfu u naħsbu. Anki jekk jidher li billi nsiefru biex insibu impjieg se nsolvu d-diffikultajiet finanzjarji, ma joħloqx dan problemi oħrajn? Pereżempju, x’jiġri mir-relazzjoni tal-familja tagħna maʼ Ġeħova u minn kif iħossuhom emozzjonalment? Twassal manuvra bħal din biex ninqatgħu minn mal-kongregazzjoni? Ma ċċaħħadniex din mill-privileġġ taʼ li naqdu lil sħabna fit-twemmin?—1 Tim. 3:2-5.
Iżda, bħalma forsi tirrealizza, wieħed m’għandux għalfejn jaħdem barra minn pajjiżu biex ikun medhi ħafna bix-xogħol sekulari. Ftakar f’Jarosław u Beata. Hu jgħid: “Kollox beda bla ħsieb taʼ xejn. Bħala miżżewġin ġodda ftaħna gabbana żgħira tal-hot-dogs f’post adattat. Qligħ sostanzjali inkuraġġiena nkabbru n-negozju tagħna. Imma kellna ftit ħin, u b’hekk tlifna l-laqgħat Kristjani. F’kemm ilna ngħidu, waqaft milli naqdi bħala pijunier u qaddej ministerjali. L-eċċitament minħabba l-qligħ li kien qed ikollna inkuraġġiena niftħu ħanut kbir, u mbagħad dħalna bi sħab maʼ xi ħadd li ma kienx tal-istess twemmin. F’qasir żmien kont qed insiefer biex niffirma kuntratti taʼ xogħol li kienu jiswew miljuni taʼ dollari. Rari kont issibni d-dar u r-rabta tal-familja li kelli maʼ marti u binti bdiet tinħall. Fl-aħħar, in-negozju li kien qed jirnexxi benninna f’raqda spiritwali. Maqtugħin mill-kongregazzjoni, lanqas ħsieb fuq ħutna m’għaddielna minn moħħna.”
X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan? Ix-xewqa biex Kristjan joħloq il-“ġenna tal-art” tiegħu stess tistaʼ twassal biex ikun sodisfatt bih innifsu—saħansitra anki bit-telfa taʼ ‘ħwejġu,’ l-identità Kristjana tiegħu. (Riv. 16:15) Dan jistaʼ jaqtagħna minn maʼ ħutna, dawk li qabel stajna ngħinu.
Agħmel Eżami Onest
Jistaʼ jkollna t-tendenza li ngħidu: ‘Jien mhux se jiġrili hekk.’ Madankollu, nagħmlu tajjeb li naħsbu bis-serjetà kemm affarijiet huma tassew neċessarji għall-ħajja. L-appostlu Pawlu kiteb: “Ma ġibna xejn magħna fid-dinja, u ma nistgħu nieħdu xejn. Għalhekk, la għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-affarijiet.” (1 Tim. 6:7, 8) Ngħiduha kif inhi, il-livell tal-għajxien ivarja minn pajjiż għal ieħor. Dak meqjus bħala li hu bilkemm biex tgħaddi bih f’pajjiż żviluppat jistaʼ jitqies bħala lussu f’ħafna iktar pajjiżi.
Hu x’inhu l-livell tal-ħajja fejn ngħixu, iżen il-kliem li mbagħad qal Pawlu: “Dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni u f’nassa u f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-ħsara u li jixħtu lill-bnedmin f’qerda u f’rovina.” (1 Tim. 6:9) Nassa tkun moħbija mill-priża. Tintgħamel biex taqbad il-vittma b’sorpriża. Kif nistgħu nevitaw li ninqabdu b’‘xewqat li jwasslu għall-ħsara’?
Il-fatt li nistabbilixxu l-prijoritajiet jistaʼ jqanqalna nsibu iżjed ħin għall-interessi tas-Saltna, inkluż l-istudju persunali. 2 Tim. 2:15; 3:17.
Studju bit-talb bħal dan jistaʼ jgħin Kristjan isir “kapaċi għalkollox, armat bis-sħiħ” biex jgħin lil oħrajn.—Matul il-ftit snin li għaddew wara, l-anzjani bi mħabba ħadmu biex isaħħu u jinkuraġġixxu lil Jarosław. Hu tqanqal biex jagħmel bidliet drastiċi. Hu jgħid: “F’konversazzjoni importanti minnhom, l-anzjani kkwotaw l-eżempju Skritturali taʼ żagħżugħ għani li ried jgħix għal dejjem imma li ma kienx lest li jitlaq l-affarijiet materjali. Imbagħad, bit-tattika staqsew jekk din l-informazzjoni tistax tapplika għalija. Dan veru fetaħli għajnejja!”—Prov. 11:28; Mk. 10:17-22.
Jarosław qies onestament is-sitwazzjoni tiegħu u ddeċieda li ma jinvolvix ruħu iktar f’negozju kbir. Fi żmien sentejn, hu u l-familja tiegħu reġgħu akkwistaw is-saħħa spiritwali tagħhom. Hu issa qed jaqdi lil ħutu bħala anzjan. Jarosław jgħid: “Meta l-aħwa jinvolvu ruħhom fin-negozju sal-punt li jittraskuraw l-ispiritwalità tagħhom, jien nuża l-eżempju tiegħi stess biex nurihom kemm mhuwiex għaqli li jintrabtu f’madmad mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux. Mhux faċli tirreżisti offerti li jħajruk u li żżomm ’il bogħod minn prattiki diżonesti.”—2 Kor. 6:14.
Marek ukoll tgħallem bil-qares. Għalkemm impjieg b’paga tajba barra l-pajjiż għen lil familtu finanzjarjament, ir-relazzjoni tiegħu m’Alla u maʼ ħutu batiet. Maż-żmien reġaʼ rranġa l-prijoritajiet tiegħu. “Dak iż-żmien, is-sitwazzjoni tiegħi kienet tixbah lil dik taʼ Baruk tal-qedem li ‘kien qed ifittex ħwejjeġ kbar għalih innifsu.’ Fl-aħħar ftaħt qalbi maʼ Ġeħova u għedtlu dwar dak li kien qed jinkwetani, u issa nħossni li ksibt il-bilanċ spiritwali lura.” (Ġer. 45:1-5) Marek issa qed jirsisti għal “xogħol tajjeb” t’indokratur fil-kongregazzjoni.—1 Tim. 3:1.
Marek jagħti din it-twissija lil dawk li għandhom mnejn qed jaħsbuha biex isiefru bil-ħsieb li jsibu impjieg b’iktar paga: “Meta tkun imsiefer ikun veru faċli li taqaʼ fin-nasbiet taʼ din id-dinja mill-agħar. Il-fatt li ma tkunx taf sew il-lingwa tal-pajjiż ifixkel il-komunikazzjoni m’oħrajn. Tistaʼ tmur lura d-dar bi bwietek mimlijin flus, imma jkollok ukoll feriti spiritwali li jistgħu jieħdu ħafna żmien biex ifiqu.”
Iż-żamma tal-bilanċ bejn xogħol sekulari u l-obbligu tagħna lejn ħutna se tgħinna nogħġbu lil Ġeħova. U aħna nistgħu nipprovdu għal oħrajn eżempju ħaj li jistaʼ jqanqalhom biex jieħdu deċiżjoni għaqlija. Dawk li huma mgħobbijin iżżejjed jeħtieġu l-appoġġ, il-mogħdrija, u l-eżempju tajjeb taʼ ħuthom. L-anzjani Kristjani u wħud maturi oħrajn jistgħu jgħinu lil sħabhom fit-twemmin iżommu l-bilanċ u jevitaw li jinfnew bl-ansjetajiet tal-ħajja.—Ebr. 13:7.
Iva, jalla qatt ma nabbandunaw lil sħabna fit-twemmin billi nsiru preokkupati bl-impjieg sekulari tagħna. (Flp. 1:10) Minflok, ejja nkunu ‘għonja m’Alla’ hekk kif inpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjitna.—Lq. 12:21.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Stampi f’paġna 21]
Ix-xogħol sekulari tiegħek itellfek milli tattendi l-laqgħat?
[Stampi f’paġna 23]
Tqishom taʼ valur l-opportunitajiet biex tgħin lil ħutek spiritwali?