Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tqarraqx Bik Innifsek bi Rraġunar Falz

Tqarraqx Bik Innifsek bi Rraġunar Falz

“X’GĦAMILT?” staqsa Alla lil Eva wara li kielet mis-​siġra projbita. Hi wieġbet: “Is-​serp—qarraq bija u kilt.” (Ġen. 3:13) Satana, is-​serp li jilħaqlu u li wassalha biex ma tobdix lil Alla, iktar tard ġie msejjaħ “is-​serp oriġinali, . . . li qed iqarraq bl-​art abitata kollha.”—Riv. 12:9.

Dan ir-​rakkont fil-​Ġenesi jpinġi lil Satana bħala xi ħadd makakk, xi ħadd li jivvinta l-​gideb bil-​ħsieb li jqarraq b’dawk li ma jkunux attenti. M’għandniex xi ngħidu, Eva waqgħet għall-​qerq tiegħu. Madankollu, m’għandniex naħsbu li Satana hu l-​uniku wieħed li jistaʼ jiżvijana. Il-​Bibbja twissina wkoll dwar il-​periklu taʼ li ‘nqarrqu bina nfusna bi rraġunar falz.’—Ġak. 1:22.

Jistaʼ jidher li ma tantx hu probabbli, jew li saħansitra hu impossibbli, li nqarrqu bina nfusna. Madankollu, it-​twissija divina żgur li qiegħda hemm għal skop. Għalhekk, nagħmlu tajjeb jekk nikkunsidraw kif nistgħu nqarrqu bina nfusna u x’tip taʼ rraġunar falz jistaʼ jiżvijana. Eżempju Skritturali jistaʼ jgħinna.

Xi Wħud li Qarrqu Bihom Infushom

Madwar is-​sena 537 Q.E.K., Ċiru l-​Kbir tal-​Persja ħareġ digriet biex il-​Lhud eżiljati f’Babilonja jirritornaw Ġerusalemm u jerġgħu jibnu t-​tempju. (Esd. 1:1, 2) Is-​sena taʼ wara, fi qbil mal-​iskop taʼ Ġeħova, in-​nies poġġew il-​pedamenti għal tempju ġdid. Dawk li kienu rritornaw ferħu u faħħru lil Ġeħova talli bierek il-​bidu taʼ dan il-​proġett importanti. (Esd. 3:8, 10, 11) Imma malajr qamet oppożizzjoni għall-​bini mill-​ġdid tagħhom u n-​nies qatgħu qalbhom. (Esd. 4:4) Xi 15-​il sena wara li rritornaw, l-​awtoritajiet Persjani għamlu projbizzjoni fuq ix-​xogħol taʼ kostruzzjoni kollu f’Ġerusalemm. Biex ikunu ċerti li tinżamm il-​projbizzjoni, uffiċjali tar-​reġjun marru Ġerusalemm u ‘waqqfu lil-​Lhud bil-​forza.’—Esd. 4:21-​24.

Meta ġew wiċċ imb wiċċ maʼ dan l-​ostaklu serju, il-​Lhud qarrqu bihom infushom bi rraġunar falz. Huma qalu bejnhom u bejn ruħhom: “Iż-​żmien għadu ma wasalx, iż-​żmien biex tinbena d-​dar taʼ Ġeħova.” (Ħag. 1:2) Waslu għall-​konklużjoni li Alla ma riedx li t-​tempju jinbena mill-​ewwel. Minflok ma pprovaw isibu mod kif jagħmlu r-​rieda tiegħu, huma abbandunaw l-​inkarigu sagru tagħhom u saru medhijin f’li jtejbu d-​djar tagħhom stess. Il-​profeta t’Alla, Ħaggaj, bla tlaqliq staqsiehom: “Huwa issa ż-​żmien għalikom li tgħammru fid-​djar tagħkom miksijin bl-​injam, waqt li din id-​dar [it-​tempju taʼ Ġeħova] hija mitluqa?”—Ħag. 1:4.

Qed tara tagħlima f’dan l-​eżempju? Ħarsa żbaljata lejn iż-​żmien xieraq tal-​iskop divin tistaʼ twassal biex nittraskuraw l-​attivitajiet spiritwali u niġu aljenati bl-​interessi persunali. Biex nagħtu eżempju, immaġina li qed tistenna xi mistidnin. Il-​fatt li tkun qed tistenniehom iżuruk jistaʼ jwassal għal ħafna attività hekk kif tieħu ħsieb kwalunkwe faċenda tad-​dar konnessa maż-​żjara tagħhom. Madankollu, imbagħad issir taf li l-​mistidnin tiegħek se jittardjaw ftit. Se tieqaf tipprepara?

Ftakar li fil-​każ tal-​Lhud, Ħaggaj u Żakkarija għenuhom jifhmu li Ġeħova kien għadu jrid li t-​tempju jerġaʼ jinbena mingħajr dewmien. Ħaggaj ħeġġeġ: “Agħmlu l-​ħila, intom in-​nies kollha tal-​pajjiż, . . . u aħdmu.” (Ħag. 2:4) Kellhom bżonn ikomplu bix-​xogħol u jkunu fiduċjużi li l-​ispirtu t’Alla kien se jappoġġahom. (Żak. 4:6, 7) Jistaʼ dan l-​eżempju jgħinna nevitaw li naslu għal konklużjoni ħażina dwar jum Ġeħova?—1 Kor. 10:11.

Inbiddlu Rraġunar Falz maʼ Rraġunar f’Loku

Fit-​tieni ittra tiegħu, l-​appostlu Pietru kkunsidra l-​iskeda taʼ Ġeħova biex iwaqqaf “smewwiet ġodda u art ġdida.” (2 Pt. 3:13) Hu nnota li xi nies li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt qajmu dubji dwar jekk Alla qattx se jintervieni fl-​attivitajiet umani. Saħqu b’mod żbaljat li ma kien se jiġri xejn, li “kollox [kien] għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.” (2 Pt. 3:4) Pietru ried iġib fix-​xejn dan l-​irraġunar falz. Hu kiteb: “Permezz taʼ tfakkira qed inqajjem il-​fakultà tagħkom biex taħsbu ċar.” Hu fakkar lill-​Kristjani sħabu li n-​nies li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt kienu żbaljati. Alla kien interviena qabel fl-​attivitajiet tal-​bnedmin u ġab dilluvju globali katastrofiku.—2 Pt. 3:1, 5-​7.

Ħaggaj ħeġġeġ lil-​Lhud li qatgħu qalbhom u li kienu inattivi b’mod simili fis-​sena 520 Q.E.K. Hu ħeġġiġhom: “Ħallu lil qalbkom tikkunsidra triqatkom.” (Ħag. 1:5) Biex iqajjem l-​abbiltajiet tal-​ħsib tagħhom hu fakkar lill-​aduraturi sħabu dwar l-​iskopijiet u l-​wegħdi t’Alla li jinvolvu n-​nies Tiegħu. (Ħag. 1:8; 2:4, 5) Ftit wara dan l-​inkuraġġiment, ix-​xogħol taʼ kostruzzjoni reġaʼ nbeda—minkejja l-​projbizzjoni uffiċjali. Għal darba oħra, l-​għedewwa pprovaw iwaqqfu l-​proġett tal-​bini, imma ma rnexxilhomx. Il-​projbizzjoni ġiet kanċellata, u fi żmien ħames snin it-​tempju tlesta.—Esd. 6:14, 15; Ħag. 1:14, 15.

Inħallu lil Qalbna Tikkunsidra Triqatna

Taħseb li bħal-​Lhud fi żmien Ħaggaj aħna nistgħu naqtgħu qalbna meta jinqalgħu d-​diffikultajiet? Kieku kellu jiġri dan, forsi nsibuha diffiċli li nżommu ż-​żelu tagħna għall-​ippritkar tal-​aħbar tajba. Imma x’jistaʼ jġegħelna naqtgħu qalbna? Forsi nsibu ruħna nsofru minħabba l-​inġustizzja taʼ din is-​sistema. Aħseb dwar Ħabakkuk li staqsa: “Kemm se ndum insejjaħlek għall-​għajnuna qabel ma tagħti widen, qabel ma ssalvana mill-​vjolenza?” (Ħab. 1:2, Today’s English Version) Minħabba dak li xi wħud iħarsu lejh bħala dewmien, Kristjan jistaʼ jitlef is-​sens t’urġenza tiegħu u minflok jagħti prijorità għal li jkollu ħajja komda. Taħseb li dan jistaʼ jiġri lilek? Jekk nirraġunaw b’dan il-​mod, inkunu qed inqarrqu bina nfusna. Kemm hu vitali li nagħtu kas il-​parir Skritturali li ‘nħallu lil qalbna tikkunsidra triqatna’ u ‘nqajmu l-​fakultà tagħna biex naħsbu ċar’! Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Għandi niskanta li din is-​sistema mill-​agħar damet iktar milli stennejt?’

Perijodu Mbassar fil-​Bibbja

Ieqaf ftit u kkunsidra l-​kliem taʼ Ġesù dwar il-​konklużjoni taʼ din is-​sistema. Ir-​rakkont taʼ Marku dwar il-​profezija taʼ Ġesù dwar l-​aħħar jiem juri li darba wara l-​oħra Ġesù wissiena biex nibqgħu għassa. (Mk. 13:33-​37) Insibu twissija simili f’nofs id-​deskrizzjoni profetika dwar il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova f’Armageddon. (Riv. 16:14-​16) Għala ġew ripetuti dawn it-​twissijiet? Twissijiet bħal dawn huma meħtiġin peress li xi wħud jinsabu fir-​riskju li jitilfu s-​sens t’urġenza tagħhom minħabba li ilhom jistennew għal dak li jidher li hu żmien imtawwal.

Ġesù ta tixbiha dwar il-​bżonn li nibqgħu għassa l-​ħin kollu hekk kif nistennew it-​tmiem tas-​sistema. Hu semma raġel li daru ġiet misruqa. Kif setaʼ jevita li jiġi misruq? Billi jibqaʼ mqajjem matul il-​lejl kollu. Ġesù kkonkluda din it-​tixbiha billi tana l-​parir: “Uru li intom lesti wkoll, għax f’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-​bniedem.”—Mt. 24:43, 44.

Din it-​tixbiha turi l-​bżonn li nkunu lesti nistennew, anki għal ammont twil taʼ ħin. Le, m’għandniex insiru konċernati żżejjed li din is-​sistema mill-​agħar forsi damet iktar milli stennejna. M’għandniex inqarrqu bina nfusna billi b’mod falz nirraġunaw li ‘ż-​żmien taʼ Ġeħova għadu ma wasalx.’ Ħsieb bħal dan kieku jdgħajjef ix-​xewqa tagħna li nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna.—Rum. 12:11.

Naqilgħu ’l Barra l-​Irraġunar Falz

Il-​prinċipju f’Galatin 6:7 japplika fejn jidħol l-​irraġunar falz. Hemm jgħid: “Titqarrqux . . . Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.” Jekk biċċa art bil-​ħamrija titħalla mingħajr żerriegħa, faċli timtela bil-​ħaxix ħażin. Bl-​istess mod, jekk ma nqajmux il-​fakultà tagħna biex naħsbu ċar, l-​irraġunar falz jistaʼ jrabbi l-​għeruq fl-​imħuħ tagħna. Pereżempju, forsi ngħidu bejnna u bejn ruħna, ‘Jum Ġeħova żgur ġej—imma mhux għalissa.’ Bidla bħal din fl-​istennijiet tagħna tistaʼ twassal biex nieħdu l-​attivitajiet teokratiċi tagħna ħafif ħafif. Maż-​żmien, nistgħu nibdew nittraskuraw ir-​rutina spiritwali tagħna. Imbagħad, il-​jum taʼ Ġeħova jistaʼ jaqbadna fuq sieq waħda.—2 Pt. 3:10.

Però, l-​irraġunar falz mhux se jqabbad l-​għeruq fi mħuħna jekk b’mod konsistenti nagħtu prova lilna nfusna “dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rum. 12:2) Il-​qari regulari mill-​Kelma t’Alla hu wieħed mill-​iktar affarijiet li jistaʼ jgħinna f’dan ir-​rigward. L-​Iskrittura tistaʼ ssaħħaħ il-​konvinzjoni tagħna li Ġeħova dejjem jaġixxi eżatt fil-​ħin.—Ħab. 2:3.

L-​istudju, it-​talb, l-​attendenza b’mod leali għal-​laqgħat, u l-​ippritkar, flimkien m’atti taʼ mħabba u qalb tajba, se jagħmluha possibbli għalina li ‘nżommu dejjem f’moħħna l-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova.’ (2 Pt. 3:11, 12) Ġeħova se jinnota li aħna konsistenti fil-​qima tagħna. L-​appostlu Pawlu jfakkarna: “Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-​żmien naħsdu jekk ma negħjewx.”—Gal. 6:9.

Issa żgur li mhuwiex iż-​żmien li nħallu l-​irraġunar falz iqarraq bina u jġegħelna naħsbu li jum Ġeħova ġie pospost. Minflok, huwa ż-​żmien li nissodaw lil qlubna għax jum Ġeħova qorob.

[Stampa f’paġna 4]

Ħaggaj u Żakkarija ħeġġew lil-​Lhud jibnu

[Stampa f’paġna 5]

X’kien jiġri kieku r-​raġel kien jaf li ġej il-​ħalliel?