Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tibqaʼ Onest f’Dinja Diżonesta

Kif Tibqaʼ Onest f’Dinja Diżonesta

BĦALL-​ARJA, id-​diżonestà hi kullimkien. In-​nies jigdbu, jitolbu flus iktar milli suppost, jisirqu, ma jħallsux id-​dejn, u jiftaħru bi prattiki makakki taʼ negozju. Minħabba li ngħixu f’dan l-​ambjent, spiss niffaċċjaw sitwazzjonijiet li jġarrbu d-​determinazzjoni tagħna biex inkunu onesti. Kif nistgħu nkomplu nirreżistu t-​tendenza lejn id-​diżonestà? Ejja nikkunsidraw tliet fatturi ewlenin li se jgħinuna nagħmlu dan. Dawn huma biżaʼ taʼ Ġeħova, kuxjenza tajba, u sens taʼ kuntentizza.

Biżaʼ Bnin taʼ Ġeħova

Il-​profeta Isaija kiteb: “Ġeħova hu l-​Imħallef tagħna, Ġeħova hu Dak li jagħtina l-​istatuti, Ġeħova hu s-​Sultan tagħna.” (Is. 33:22) Il-​fatt li nirrikonoxxu l-​pożizzjoni t’awtorità taʼ Ġeħova jirriżulta f’biżaʼ t’Alla—forza li timmotiva d-​determinazzjoni tagħna biex nirreżistu l-​ispirtu taʼ diżonestà. Proverbji 16:6 jgħid: “Bil-​biżaʼ taʼ Ġeħova wieħed jitbiegħed mill-​ħażen.” Dan il-​biżaʼ mhuwiex tkexkix esaġerat minn Alla vendikattiv, imma tħassib xieraq dwar li ma nogħġbux lil Missierna tas-​sema, li hu interessat ferm fil-​benesseri tagħna.—1 Pt. 3:12.

Esperjenza vera turi l-​effett pożittiv taʼ dan it-​tħassib xieraq, jew biżaʼ bnin. Ricardo u martu, Fernanda, ġibdu l-​ekwivalenti għal ħames mitt ewro mill-​kont bankarju tagħhom. a Fernanda tefgħet il-​mazz tal-​flus fil-​portmoni tagħha mingħajr ma qagħdet tgħoddu. Meta waslu d-​dar wara li kienu ħallsu xi kontijiet, baqgħu sorpriżi meta fil-​portmoni taʼ Fernanda sabu kważi l-​istess ammont li kienu ġibdu. “Il-​kaxxiera tal-​bank bilfors li tatna żżejjed,” ikkonkludew. Għall-​ewwel, kienu mħajrin iżommu l-​flus, ladarba kellhom ħafna iktar kontijiet xi jħallsu. Ricardo jispjega: “Tlabna lil Ġeħova biex jagħtina s-​saħħa nirritornaw il-​flus. Ix-​xewqa tagħna biex nogħġbuh bi tweġiba għall-​appell tiegħu fi Proverbji 27:11 ġegħlitna nirritornaw il-​flus.”

Kuxjenza Mħarrġa fuq il-​Bibbja

Nistgħu niżviluppaw kuxjenza sensittiva billi nistudjaw il-​Bibbja u nistinkaw biex nipprattikaw dak li nitgħallmu. B’hekk, ‘il-​kelma t’Alla, li hi ħajja u qawwija,’ mhux biss tilħaq lil moħħna imma wkoll lil qalbna. Dan se jqanqalna “nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.”—Ebr. 4:12; 13:18.

Ikkunsidra l-​każ taʼ João. Hu spiċċa b’dejn kbir, ekwivalenti għal tlett elef u sitt mitt ewro. Imbagħad, mingħajr ma ħallas id-​dejn tiegħu, mar jgħix f’belt oħra. Tmien snin wara, João tgħallem il-​verità, u l-​kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-​Bibbja qanqlitu jikkuntattja lill-​kreditur tiegħu u jħallas dak id-​dejn! Peress li João jrid imantni lil martu u lil erbat itfal b’paga żgħira, il-​kreditur ħallieh iħallas lura l-​ammont b’pagamenti taʼ kull xahar.

Sens taʼ Kuntentizza

L-​appostlu Pawlu kiteb: “Hi mezz taʼ qligħ kbir din id-​devozzjoni lejn Alla flimkien maʼ li wieħed ikun kuntent b’dak li għandu. . . . La għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-​affarijiet.” (1 Tim. 6:6-​8) Li nieħdu dan il-​parir bis-​serjetà se jgħinna nevitaw li naqgħu fin-​nassa taʼ prattiki taʼ negozju rgħiba u diżonesti jew taʼ skemi mhux realistiċi biex insiru sinjuri malajr. (Prov. 28:20) Jekk insegwu l-​parir taʼ Pawlu se niġu megħjunin ukoll biex inpoġġu s-​Saltna t’Alla l-​ewwel, fiduċjużi li l-​bżonnijiet bażiċi tagħna se jiġu provduti.—Mt. 6:25-​34.

Madankollu, minħabba “l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi,” qatt m’għandna nċekknu l-​periklu li nċedu għar-​regħba u għax-​xenqa b’għira. (Mt. 13:22) Ftakar fil-​każ tar-​raġel jismu Għakan. Hu kien fost l-​Iżraelin li qasmu x-​Xmara Ġordan b’miraklu. Minkejja dan, megħlub mir-​regħba, hu ċeda għax-​xewqa li jisraq xi fidda u deheb u libsa li tiswa ħafna mill-​priża tal-​belt taʼ Ġeriko. Din l-​azzjoni swietlu ħajtu. (Ġoż. 7:1, 20-​26) Mhux taʼ b’xejn li sekli wara, Ġesù wissa: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xenqa b’għira.”—Lq. 12:15.

Kun Onest fuq il-​Post tax-​Xogħol

Issa ejja nikkunsidraw xi ċirkustanzi li jistgħu jġarrbu d-​determinazzjoni tagħna biex nibqgħu onesti f’kollox. Li tkun onest fuq il-​post tax-​xogħol jinkludi li ‘ma tisraqx’—anki jekk dan jidher li hu xi ħaġa normali. (Titu 2:9, 10) Jurandir, li jaħdem f’aġenzija tal-​gvern, kien ikun onest meta kien jirrapporta l-​ispejjeż tal-​ivvjaġġar tiegħu. Iżda sħabu kienu jitolbu iktar milli jkunu nefqu. Dan setgħu jagħmluh għax il-​kap tad-​dipartiment kien jgħattilhom lill-​ħaddiema diżonesti. Fil-​fatt, l-​istess individwu ċanfar lil Jurandir talli kien onest u ma baqax jibagħtu fuq vjaġġi għax-​xogħol. Madankollu, maż-​żmien, saret reviżjoni tal-​kontijiet tal-​aġenzija, u Jurandir kien imfaħħar għall-​onestà tiegħu. Ngħata wkoll promozzjoni.

André, li hu bejjiegħ, intqallu mill-​imgħallem tiegħu biex lill-​konsumaturi jżommilhom l-​istess ħlas darbtejn fil-​kont tagħhom. Ħuna talab lil Ġeħova għall-​kuraġġ biex jobdi l-​prinċipji tal-​Bibbja. (Salm 145:18-​20) Hu wkoll ipprova jispjega lill-​imgħallem tiegħu għala ma setax isegwi l-​istruzzjonijiet tiegħu—imma għal xejn. Għalhekk, André ddeċieda li jitlaq minn dan ix-​xogħol fejn kien jitħallas tajjeb. Madankollu, madwar sena wara, l-​imgħallem li kellu qabel talbu jmur lura għax-​xogħol, u aċċertah li l-​konsumaturi m’għadhomx jintalbu iktar flus milli suppost. André ġie mlaħħaq maniġer.

Ħallas Lura d-​Dejn

L-​appostlu Pawlu ta dan il-​parir lill-​Kristjani: “Ħa ma jkollkom tagħtu xejn lil ħadd.” (Rum. 13:8) Aħna forsi nipprovaw niġġustifikaw għala ma nħallsux xi dejn, billi nassumu li l-​kreditur hu tat-​tajjeb u m’għandux bżonn il-​flus. Madankollu, il-​Bibbja twissina: “Il-​ħażin jissellef u ma jħallasx lura.”—Salm 37:21.

Imma, xi ngħidu jekk xi ‘ġrajja mhix mistennija’ żżommna lura milli nħallsu dak li għandna nagħtu? (Ekk. 9:11) Francisco ddejjen l-​ekwivalenti għal ħamest elef ewro mingħand Alfredo biex iħallas is-​self fuq proprjetà tiegħu. Imma minħabba xi problemi fin-​negozju, Francisco ma setax iħallas id-​dejn tiegħu fil-​jum li ftiehmu dwaru. Hu ħa l-​inizjattiva biex javviċina lil Alfredo ħalli jiddiskuti l-​kwistjoni miegħu, u Alfredo aċċetta li jitħallas bin-​nifs.

Evita li Tagħti Impressjoni Ħażina

Ftakar fl-​eżempju ħażin t’Ananija u Safira, koppja fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​ewwel seklu. Meta biegħu għalqa, huma ġabu biss parti mid-​dħul lill-​appostli u sostnew li kien l-​ammont kollu. Riedu jimpressjonaw lil oħrajn bil-​ġenerożità esaġerata tagħhom. Madankollu, l-​appostlu Pietru, taħt l-​ispirazzjoni tal-​ispirtu qaddis t’Alla, kixef il-​qerq tagħhom, u nqatlu minn Ġeħova.—Atti 5:1-​11.

B’kuntrast m’Ananija u Safira li kienu diżonesti, il-​kittieba tal-​Bibbja kienu sinċieri u onesti. Mosè b’onestà kiteb dwar meta tilef it-​tempra, u b’hekk ma tħalliex jidħol fl-​Art Imwiegħda. (Num. 20:7-​13) B’mod simili, Ġona m’għattiex id-​dgħufijiet li wera qabel u wara li pprietka lin-​Ninwin. Minflok, hu niżżilhom bil-​miktub.—Ġona 1:1-​3; 4:1-​3.

Ċertament li għandek bżonn il-​kuraġġ biex tgħid il-​verità, anki jekk dan jirriżulta f’konsegwenzi xejn sbieħ, bħalma jidher f’dak li ġara fl-​iskola lil Nathalia, li għandha 14-​il sena. Hi għamlet reviżjoni t’eżami bil-​kitba li kienet għamlet u nnotat li waħda mit-​tweġibiet li l-​għalliem tagħha mmarkaha tajba kienet, fil-​fatt, ħażina. Għalkemm kienet taf li dan kien se jeffettwa l-​marki tagħha b’mod negattiv, Nathalia ma żammitx lura milli tgħid lill-​għalliem tagħha. “Il-​ġenituri tiegħi dejjem għallmuni li sabiex nogħġob lil Ġeħova, irrid inkun onesta. Il-​kuxjenza tiegħi kienet tniggiżni li kieku ma informajtx lill-​għalliem tiegħi,” qalet hi. L-​għalliem apprezza l-​onestà taʼ Nathalia.

L-​Onestà—Kwalità li Tonora lil Ġeħova

Giselle, tfajla taʼ 17-​il sena, sabet kartiera b’dokumenti u bl-​ekwivalenti għal 25 ewro. Hi għamlet arranġamenti permezz tal-​awtoritajiet tal-​iskola biex tirritorna l-​kartiera lil sidha. Xahar wara, l-​assistent tas-​surmast tal-​iskola qara ittra lill-​klassi kollha li fiha Giselle ġiet imfaħħra għall-​onestà tagħha u l-​familja tagħha ġiet imfaħħra għat-​taħriġ tajjeb u għat-​trobbija reliġjuża tagħha. “L-​għemejjel tajbin” tagħha gglorifikaw lil Ġeħova.—Mt. 5:14-​16.

Irridu nagħmlu sforz biex inkunu onesti waqt li ngħixu fost nies li ‘jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, huma minfuħin bihom infushom, suppervi, u żleali.’ (2 Tim. 3:2) Minkejja dan, biżaʼ bnin taʼ Ġeħova, kuxjenza mħarrġa fuq il-​Bibbja, u sens taʼ kuntentizza jgħinuna nibqgħu onesti f’dinja diżonesta. Aħna nikkultivaw ukoll ħbiberija dejjem iktar qrib lejn Ġeħova, li ‘huwa ġust u jħobb atti ġusti.’—Salm 11:7.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Stampi f’paġna 7]

Biżaʼ bnin taʼ Ġeħova jsaħħaħ id-​determinazzjoni tagħna biex inkunu onesti

[Stampa f’paġna 8]

L-​imġiba onesta tagħna tigglorifika lil Ġeħova