Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Naqdu lil Ġeħova bis-Serjetà Kollha

Naqdu lil Ġeħova bis-Serjetà Kollha

“Kulma hu serju, . . . fuq dawn l-​affarijiet komplu aħsbu.”—FLP. 4:8.

1, 2. X’ġiegħel lil ħafna f’din id-​dinja jkollhom ħarsa mhix serja lejn il-​ħajja, u dan iqanqal liema mistoqsijiet?

 AĦNA qed ngħixu f’dinja li għaddejja minn ftit mill-​iktar żminijiet diffiċli u traġiċi fl-​istorja tal-​bniedem. Għan-​nies li m’għandhomx relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova, jistaʼ jkun kważi impossibbli li jkampaw maʼ dawn iż-​“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Tim. 3:1-​5) Hija biss is-​saħħa tagħhom stess li tgħinhom ikampaw maʼ kull ġurnata—imma b’suċċess limitat. Fi sforz biex jevitaw li jieħdu l-​ħajja bis-​serjetà wisq, ħafna qegħdin dejjem jipprovaw isibu xi għamla ġdida taʼ divertiment biex tgħinhom jinsew kemm hi taʼ dwejjaq ħajjithom.

2 Sabiex ikampaw mal-​istress tal-​ħajja, in-​nies spiss ipoġġu fl-​ewwel post ix-​xewqa għall-​pjaċiri. Jekk ma joqogħdux b’sebaʼ għajnejn, il-​Kristjani jistgħu jinqabdu faċilment f’dan il-​mod taʼ ħajja. Kif nistgħu nevitawh dan? Jirrikjedi li nkunu serji l-​ħin kollu? Kif insibu l-​bilanċ bejn il-​pjaċiri u r-​responsabbiltajiet? Liema prinċipji Skritturali għandhom jiggwidawna, sabiex waqt li nieħdu l-​ħajja bis-​serjetà, ma nkunux serji żżejjed?

Inkunu Serji f’Dinja li Tħobb il-​Pjaċiri

3, 4. L-​Iskrittura kif tgħinna nqisu taʼ valur il-​bżonn li nkunu serji?

3 B’mod evidenti, din id-​dinja tpoġġi importanza żejda fuq ‘l-​imħabba għall-​pjaċiri.’ (2 Tim. 3:4) L-​enfasi tagħha fuq ix-​xalar tistaʼ tkun taʼ theddida għall-​ispiritwalità tagħna. (Prov. 21:17) B’hekk, mhux taʼ b’xejn li l-​ittri tal-​appostlu Pawlu lil Timotju u lil Titu jinkludu wkoll pariri rigward is-​suġġett tas-​serjetà. Il-​fatt li napplikaw dawn il-​pariri se jgħinna biex ma niġux influwenzati mill-​ħarsa mhix serja tad-​dinja lejn il-​ħajja.—Aqra l-1 Timotju 2:1, 2; Titu 2:2-​8.

4 Sekli qabel, Salamun kiteb dwar il-​valur taʼ li kultant niċċaħħdu mill-​pjaċiri sabiex nieħdu l-​ħajja bis-​serjetà. (Ekk. 3:4; 7:2-​4) Tabilħaqq, peress li l-​ħajja hi qasira, għandna bżonn ‘nistinkaw kemm nifilħu’ biex niksbu s-​salvazzjoni. (Lq. 13:24) Għal dan l-​għan, għandna bżonn inkomplu nikkunsidraw “kulma hu serju.” (Flp. 4:8, 9) Dan ifisser li noqogħdu attenti ferm għal kull aspett tal-​ħajja Kristjana.

5. Liema hu aspett wieħed tal-​ħajja li għandna niħduh bis-​serjetà?

5 Pereżempju, biex jimitaw lil Ġeħova u lil Ġesù, il-​Kristjani jieħdu bis-​serjetà r-​responsabbiltà tagħhom biex jaħdmu iebes. (Ġw. 5:17) Minħabba f’hekk, in-​nies spiss ifaħħru lill-​Kristjani veri talli huma ħaddiema ħabrieka li jistgħu jiġu fdati. Il-​kapijiet tal-​familji b’mod speċjali huma konċernati dwar li jaħdmu iebes biex imantnu lill-​familji tagħhom. Wara kollox, li wieħed ma jipprovdix materjalment għan-​nies taʼ daru hu daqslikieku ċaħad lil Ġeħova!—1 Tim. 5:8.

Ħarsa Serja Iżda Ferriħija Lejn il-​Qima Tagħna

6. Kif nafu li l-​qima tagħna lil Ġeħova għandna niħduha bis-​serjetà?

6 Ġeħova dejjem ħadha bis-​serjetà l-​qima vera. Bħala eżempju, taħt il-​Liġi Mosajka, l-​Iżraelin esperjenzaw konsegwenzi ħorox meta tbiegħdu mill-​qima tagħhom lil Ġeħova. (Ġoż. 23:12, 13) Fl-​ewwel seklu E.K., is-​segwaċi taʼ Kristu kellhom bżonn jistinkaw kemm jifilħu ħalli jżommu l-​qima vera ħielsa minn tagħlim u attitudnijiet korrotti. (2 Ġw. 7-​11; Riv. 2:14-​16) Illum, il-​Kristjani veri jkomplu jieħdu l-​qima tagħhom bis-​serjetà.—1 Tim. 6:20.

7. Pawlu kif ipprepara għall-​ministeru tiegħu?

7 Il-​ministeru tal-​għalqa tagħna jġibilna l-​ferħ. Madankollu, sabiex inżommu l-​ferħ fil-​ministeru, għandna naħsbu dwaru bis-​serjetà u nippreparaw għalih minn qabel. Pawlu spjega kif kien iżomm f’moħħu n-​nies li kien jgħallem. Hu kiteb: “Sirt kollox għal nies taʼ kull xorta, biex b’kull mezz insalva lil xi wħud. U nagħmel kollox minħabba l-​aħbar tajba, biex naqsam dan il-​messaġġ m’oħrajn.” (1 Kor. 9:22, 23) Pawlu kien il-​gost tiegħu li jgħin lin-​nies spiritwalment, u kien jaħseb bis-​serjetà dwar kif kien se jipprovdi għall-​ħtiġijiet speċifiċi tas-​semmiegħa tiegħu. B’hekk, hu setaʼ jagħtihom inkuraġġiment u inċentiv biex iqimu lil Ġeħova.

8. (a) X’għandha tkun l-​attitudni tagħna lejn in-​nies li ngħallmu fil-​ministeru tagħna? (b) Li nikkonduċu studju tal-​Bibbja kif jistaʼ jikkontribwixxi għal ministeru ferrieħi?

8 Pawlu kemm ħadu bis-​serjetà l-​ministeru tiegħu? Hu kien lest li ‘jitjassar’ kemm għal Ġeħova kif ukoll għal dawk li kienu se jagħtu widen għall-​messaġġ tal-​verità. (Rum. 12:11; 1 Kor. 9:19) Meta nerfgħu r-​responsabbiltà biex ngħallmu l-​Kelma t’Alla lin-​nies—jew matul studju tal-​Bibbja fid-​dar, jew f’laqgħa Kristjana, jew f’sessjoni tal-​Qima tal-​Familja—inkunu aħna konxji tar-​responsabbiltà tagħna lejn dawk li nkunu qed ngħallmu? Forsi nħossu illi li nikkonduċu studju tal-​Bibbja regulari hu wisq taʼ piż għalina. Veru, dan ġeneralment jirrikjedi li nieħdu mill-​ħin persunali tagħna u li niddedikaw dan il-​ħin biex ngħinu lil oħrajn. Imma mhuwiex dan f’armonija maʼ kliem Ġesù li “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi”? (Atti 20:35) Li ngħallmu personalment it-​triq għas-​salvazzjoni lil oħrajn iġibilna hena li ma jistaʼ jitqabbel m’ebda attività oħra.

9, 10. (a) Il-​fatt li nkunu serji jfisser li ma nistgħux nirrilassaw u nieħdu pjaċir inqattgħu xi ħin man-​nies? Spjega. (b) X’se jgħin lil anzjan biex ikun inkuraġġanti u avviċinabbli?

9 Il-​fatt li nkunu serji ma jfissirx li ma nistgħux inqattgħu xi ħin rilassanti u pjaċevoli man-​nies. Ġesù ħalla l-​eżempju perfett meta ħa l-​ħin mhux biss biex jgħallem imma wkoll biex jirrilassa u jiżviluppa relazzjonijiet sinifikanti m’oħrajn. (Lq. 5:27-​29; Ġw. 12:1, 2) Li nkunu serji lanqas ifisser li għandna dejjem nidhru li aħna riġidi. Kieku Ġesù kien persuna serja żżejjed, in-​nies żgur li ma kinux se jinġibdu lejh. Saħansitra t-​tfal kienu jħossuhom komdi miegħu. (Mk. 10:13-​16) Kif nistgħu nimitaw il-​manjiera bilanċjata taʼ Ġesù?

10 Meta rrefera għal anzjan, ħu qal: “Hu jistenna ħafna minnu nnifsu, imma qatt ma jistenna l-​perfezzjoni minn oħrajn.” Jistaʼ dan jingħad dwarek? Huwa xieraq li jkollok xi stennijiet raġunevoli minn oħrajn. Pereżempju, it-​tfal imorru tajjeb meta l-​ġenituri jagħmlulhom miri raġunevoli u jgħinu lil uliedhom jilħquhom. B’mod simili, l-​anzjani jistgħu jinkuraġġixxu lil xi individwi fil-​kongregazzjoni biex jikbru spiritwalment u joffrulhom suġġerimenti speċifiċi dwar kif għandhom jagħmlu dan. Barra minn hekk, meta anzjan ikollu ħarsa bilanċjata tiegħu nnifsu, hu jkun inkuraġġanti u faċli biex tavviċinah. (Rum. 12:3) Oħt qalet: “Ma rridx li anzjan jieħu kollox biċ-​ċajt. Imma jekk ikun serju l-​ħin kollu, ikun diffiċli biex navviċinah.” Oħt oħra qalet li tħoss li xi anzjani “jistgħu jintimidawk ħafna għaliex ikunu serji żżejjed.” L-​anzjani qatt ma jridu jnaqqsu l-​ħarsa ferriħija li dawk kollha li jemmnu għandu jkollhom lejn il-​qima tagħhom lil Ġeħova, “l-​Alla l-​hieni.”—1 Tim. 1:11.

Erfaʼ r-​Responsabbiltà fil-​Kongregazzjoni

11. Xi jfisser li wieħed “jirsisti” fil-​kongregazzjoni?

11 Meta Pawlu inkuraġġixxa lill-​irġiel fil-​kongregazzjoni biex jistinkaw ħalli jikkwalifikaw għal responsabbiltà akbar, l-​intenzjoni tiegħu ma kinitx biex jinkuraġġixxi lil xi ħadd jissodisfa l-​ambizzjoni persunali tiegħu. Minflok, hu kiteb: “Jekk raġel qed jirsisti għal kariga taʼ indokratur, ikun jixtieq xogħol tajjeb.” (1 Tim. 3:1, 4) Sabiex l-​irġiel Kristjani ‘jirsistu’ jeħtieġ li jiżviluppaw xewqa qawwija biex jaħdmu iebes ħalli jakkwistaw il-​kwalitajiet spiritwali meħtiġin sabiex jaqdu lil ħuthom. Jekk ħu jkun ilu mgħammed għall-​inqas sena u b’mod raġunevoli jilħaq il-​kwalifiki Skritturali għal qaddejja ministerjali miktubin fl-​1 Timotju 3:8-​13, hu jistaʼ jiġi rikkmandat għal ħatra. Innota li vers 8 jistqarr speċifikament: “Bl-​istess mod, il-​qaddejja ministerjali għandhom ikunu serji.”

12, 13. Iddeskrivi xi modi kif l-​aħwa ġuvintur jistgħu jirsistu għar-​responsabbiltà.

12 Int ħu mgħammed serju fl-​aħħar snin tal-​adoloxxenza tiegħek? Hemm diversi modi kif tistaʼ tirsisti. Wieħed minnhom hu billi ttejjeb is-​sehem persunali tiegħek fil-​ministeru tal-​għalqa. Int it-​tip li tieħu pjaċir taħdem maʼ aħwa taʼ kull età fis-​servizz tal-​għalqa? Qed tipprova ssib lil xi ħadd li tistaʼ tistudja l-​Bibbja miegħu? Meta tikkonduċi studju tal-​Bibbja skont is-​suġġerimenti mogħtijin fil-​laqgħat Kristjani, int se ttejjeb l-​abbiltà tiegħek li tgħallem. Iktar minn hekk, se titgħallem turi l-​empatija għal dak li jkun qed jitgħallem it-​triqat taʼ Ġeħova. Hekk kif l-​istudent tiegħek jibda jara l-​ħtieġa biex jagħmel xi bidliet, int se titgħallem—bil-​paċenzja u bit-​tattika—tgħinu japplika l-​prinċipji Bibliċi.

13 Intom l-​aħwa ġuvintur tistgħu tagħmlu lilkom infuskom disponibbli għal uħud akbar fil-​kongregazzjoni, billi toffru li tgħinuhom bi kwalunkwe mod possibbli. Tistgħu wkoll turu li għandkom interess fid-​dehra tas-​Sala tas-​Saltna, billi tagħtu daqqa t’id ħalli żżommuha nadifa u pulita. Meta toffru l-​għajnuna bi kwalunkwe mod li tistgħu, ir-​rieda tagħkom li tgħinu tagħti evidenza li intom serji dwar il-​ministeru tagħkom. Bħal Timotju, intom tistgħu titgħallmu tieħdu ħsieb ġenwinament il-​bżonnijiet tal-​kongregazzjoni.—Aqra Filippin 2:19-​22.

14. L-​aħwa ġuvintur kif jistgħu ‘jingħaddu minn prova’ biex juru “jekk jistħoqqilhomx” jaqdu fil-​kongregazzjoni?

14 Anzjani, ħudu ħsieb li tagħtu xi inkarigi lill-​aħwa ġuvintur li qed jagħmlu ħilithom biex ‘jaħarbu mix-​xewqat li jistaʼ jkollhom fiż-​żgħożija’ u li qed jiġru wara “s-​sewwa, il-​fidi, l-​imħabba, il-​paċi,” flimkien maʼ kwalitajiet serji oħrajn. (2 Tim. 2:22) Billi tagħtuhom x’jagħmlu fil-​kongregazzjoni, huma jistgħu ‘jingħaddu minn prova’ biex taraw “jekk jistħoqqilhomx” jerfgħu xi responsabbiltà, u b’hekk ‘kulħadd jara li qed javanzaw.’—1 Tim. 3:10; 4:15.

Kif Nuru s-​Serjetà fil-​Kongregazzjoni u fil-​Familja

15. Skont l-​1 Timotju 5:1, 2, kif nistgħu nuru s-​serjetà fil-​mod kif inqisu lil oħrajn?

15 Is-​serjetà tinkludi li nagħtu dinjità lil ħutna rġiel u nisa. Fil-​parir tiegħu lil Timotju, Pawlu indirizza l-​ħtieġa li nqisu lil oħrajn bir-​rispett. (Aqra l-1 Timotju 5:1, 2.) Dan hu importanti speċjalment meta nittrattaw maʼ dawk tas-​sess oppost. L-​eżempju taʼ Ġob fil-​mod kif qies lin-​nisa bid-​dinjità, speċjalment lil martu, hu taʼ min jimitah. Hu għamel sforz kuxjenzjuż biex ma jħarisx b’xenqa lejn mara oħra. (Ġob 31:1) Jekk nieħdu lil ħutna bis-​serjetà żgur li m’aħniex se nitkessħu magħhom jew nagħmlu xi ħaġa li biha ħu jew oħt tħossha skomda meta tkun ħdejna. Hu importanti speċjalment li tingħata dinjità meta tnejn min-​nies ikollhom relazzjoni romantika bil-​ħsieb li jiżżewġu. Kristjan serju qatt ma se jilgħab bl-​emozzjonijiet taʼ xi ħadd mis-​sess oppost.—Prov. 12:22.

16. Agħmel kuntrast bejn il-​ħarsa li għandhom xi wħud fid-​dinja lejn l-​irwol tar-​raġel u l-​missier u bejn kif il-​Bibbja tiddeskrivi l-​irwol tiegħu.

16 Irridu noqogħdu attenti wkoll biex inżommu ħarsa serja lejn l-​irwoli tagħna fil-​familja mogħtijin minn Alla. Id-​dinja taʼ Satana tirredikola l-​irwol tar-​raġel u l-​missier. L-​industrija tad-​divertiment tieħu pjaċir li lill-​irġiel u lill-​missirijiet tagħmilhom jidhru li jistħoqqilhom biss it-​twaqqigħ għaċ-​ċajt u d-​diżrispett. Madankollu, l-​Iskrittura tpoġġi responsabbiltà kbira fuq ir-​raġel, billi tinkarigah bħala “l-​kap taʼ martu.”—Efes. 5:23; 1 Kor. 11:3.

17. Spjega kif il-​parteċipazzjoni tagħna fil-​qima tal-​familja tistaʼ turi li aħna serji dwar ir-​responsabbiltajiet tagħna.

17 Raġel għandu mnejn jipprovdi materjalment għall-​familja tiegħu. Imma jekk ma jipprovdix direzzjoni spiritwali, ikun qed juri nuqqas taʼ għaqal u għerf. (Dt. 6:6, 7) B’hekk, l-​1 Timotju 3:4 jgħid li jekk int il-​kap taʼ familja u qed tirsisti għal privileġġi oħrajn fil-​kongregazzjoni, int trid tkun raġel li qed “jippresiedi fuq dawk taʼ daru bl-​aħjar mod u li għandu wliedu sottomessi bis-​serjetà kollha.” F’dan ir-​rigward, staqsi lilek innifsek, ‘Inwarrab ħin regolarment jien għall-​qima tal-​familja?’ Xi nisa Kristjani kważi jkollhom jittallbu biex żewġhom jieħu t-​tmexxija spiritwalment. Kull raġel għandu jikkunsidra bis-​serjetà l-​mod kif iqis din ir-​responsabbiltà. Naturalment, mara Kristjana għandha tkun qed tappoġġa l-​arranġament tal-​Qima tal-​Familja u tikkoopera maʼ żewġha biex dan l-​arranġament ikun taʼ suċċess.

18. It-​tfal kif jistgħu jitgħallmu jkunu serji?

18 It-​tfal ukoll jiġu inkuraġġiti biex il-​ħajja jiħduha bis-​serjetà. (Ekk. 12:1) M’hemm xejn ħażin jekk it-​tfal żgħar jitgħallmu jaħdmu iebes, billi jagħmlu xi faċendi fid-​dar li jkunu raġunevoli għall-​età u l-​abbiltajiet tagħhom. (Lam. 3:27) Meta s-​Sultan David kien għadu tifel, hu tgħallem ikun ragħaj mill-​aħjar. Tgħallem ukoll ikun mużiċist u kompożitur—abbiltajiet li wassluh biex jaqdi quddiem il-​ħakkiem taʼ Iżrael. (1 Sam. 16:11, 12, 18-​21) Bla dubju, bħala tfajjel, David kien jaf kif ikun ċajtier, imma tgħallem ukoll snajjaʼ taʼ valur li iktar tard użahom biex ifaħħar lil Ġeħova. Il-​kapaċitajiet tiegħu bħala ragħaj għenuh imexxi lill-​ġens taʼ Iżrael bil-​paċenzja. Intom iż-​żgħażagħ, kemm qed titgħallmu abbiltajiet utli—abbiltajiet li se jgħinukom taqdu lill-​Ħallieq tagħkom u jippreparawkom għal responsabbiltajiet fil-​futur?

Inżommu Ħarsa Bilanċjata

19, 20. Liema attitudni bilanċjata int determinat li żżomm lejk innifsek u lejn il-​qima tiegħek?

19 Aħna lkoll nistgħu nistinkaw biex inżommu ħarsa bilanċjata lejna nfusna—ma nkunux serji żżejjed. Ma rridux insiru ‘ġusti żżejjed.’ (Ekk. 7:16) Xi umoriżmu jistaʼ jkisser mumenti taʼ tensjoni, sew fid-​dar, sew fuq ix-​xogħol, u sew meta nittrattaw maʼ ħutna l-​Kristjani. Il-​membri tal-​familja jridu joqogħdu attenti biex ma jikkritikawx iżżejjed sabiex ma jeqirdux il-​kenn taʼ paċi li għandu jkun hemm fid-​dar. Fil-​kongregazzjoni, ilkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu nidħqu maʼ ħaddieħor u ngawdu l-​kumpanija taʼ oħrajn, billi nżommu l-​konversazzjonijiet u l-​mod taʼ tagħlim tagħna inkuraġġanti u pożittiv.—2 Kor. 13:10; Efes. 4:29.

20 Aħna ngħixu f’dinja li ma tiħux lil Ġeħova jew il-​liġijiet tiegħu bis-​serjetà. B’kuntrast, in-​nies taʼ Ġeħova huma konċernati ferm dwar l-​ubbidjenza u l-​lealtà tagħhom lejn Alla tagħhom. Xi pjaċir li tkun parti minn din is-​sħubija kbira ħafna taʼ nies li jqimu lil Ġeħova “bis-​serjetà kollha”! Jalla nkunu determinati li nżommu ħarsa serja lejn il-​ħajja u l-​qima tagħna.

Int Kif Twieġeb?

• Għala m’għandniex niġu influwenzati mill-​ħarsa mhix serja tad-​dinja lejn il-​ħajja?

• Kif nistgħu nkunu ferħanin, iżda serji, dwar il-​ministeru tagħna?

• Il-​ħarsa tagħna lejn li nerfgħu r-​responsabbiltà kif turi jekk aħniex serji jew le?

• Spjega għala hi kwistjoni serja li nagħtu dinjità lil ħutna u lill-​membri tal-​familja.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 12]

Raġel irid jipprovdi kemm materjalment u kemm spiritwalment għall-​familja tiegħu