Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sibt Ħafna Affarijiet Tajbin

Sibt Ħafna Affarijiet Tajbin

Kif rakkontata minn Arthur Bonno

KIENET is-​sena 1951. Jien u marti, Edith, konna f’konvenzjoni distrettwali meta smajna l-​avviż li kienet se tinżamm laqgħa għal dawk li huma interessati fis-​servizz missjunarju.

“Ejja mmorru nisimgħu!” għedtilha jien.

“Arthur, dak mhux għalina!” wieġbet Edith.

“U ejja Edith, kemm nisimgħu biss.”

Wara l-​laqgħa, tqassmu formoli għall-​Iskola taʼ Gilegħad.

“Ejja nimlewhom,” ħeġġiġtha jien.

“Imma Arthur, xi ngħidu għall-​familji tagħna?”

Madwar sena u nofs wara dik il-​konvenzjoni, aħna attendejna l-​Iskola taʼ Gilegħad u ġejna inkarigati naqdu fl-​Ekwador, l-​Amerika t’Isfel.

Bħalma tistaʼ tobsor, mill-​konversazzjoni li kellna jien u marti f’dik il-​konvenzjoni, jien kelli karattru persważiv u dejjem ħsibt li stajna nagħmlu dak kollu li ridna. Madankollu, Edith kienet ġwejda u modesta. Waqt it-​trobbija tagħha fil-​belt żgħira taʼ Elizabeth, Pennsylvania, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, hi qatt m’ażżardat tmur ’il bogħod ħafna mid-​dar u qatt ma ltaqgħet maʼ xi barrani. Kien diffiċli għaliha li titlaq lill-​familja tagħha. Minkejja dan, hi b’qalb sħiħa aċċettat l-​inkarigu li taqdi f’art barranija. Fl-​1954 wasalna l-​Ekwador u ilna minn dakinhar naqdu bħala missjunarji f’dan il-​pajjiż. Matul is-​snin tagħna hawnhekk, sibna ħafna affarijiet tajbin. Tixtieq tismaʼ dwar ftit minnhom?

Memorji Sbieħ

L-​ewwel inkarigu tagħna kien fil-​belt kapitali, Quito, li qiegħda fil-​Muntanji Andes. Mill-​belt taʼ Guayaquil, li qiegħda mal-​kosta, domna jumejn biex wasalna hemmhekk b’ferrovija u bi trakk—vjaġġ li issa jsir fi 30 minuta b’ajruplan! Qdejna fi Quito għal erbaʼ snin memorabbli. Imbagħad fl-​1958 ġrat xi ħaġa tajba oħra: Ġejna mistidnin naqdu fix-​xogħol tas-​circuit.

F’dak iż-​żmien, kien hemm biss żewġ circuits żgħar fil-​pajjiż kollu. Għalhekk, minbarra li konna nżuru lill-​kongregazzjonijiet, qattajna ħafna ġimgħat matul is-​sena nippritkaw fi bliet żgħar Indjani fejn ma kienx hemm Xhieda jgħixu hemmhekk. L-​akkomodazzjonijiet f’dawn l-​irħula spiss kienu jikkonsistu minn kamra ċkejkna bla tieqa, li kien ikun fiha sodda u xejn iżjed. Konna nġorru magħna kaxxa tal-​injam li kien ikun fiha spiritiera tal-​pitrolju, borma, platti, friskatur, lożor, xibka tan-​nemus, ħwejjeġ, gazzetti qodma, u xi affarijiet oħrajn. Konna nużaw il-​gazzetti biex insoddu t-​toqob fil-​ħitan sabiex ikun ftit iktar diffiċli biex jidħlu ġrieden kbar.

Għalkemm dawn il-​kmamar kienu mdallmin u maħmuġin, aħna għandna memorji sbieħ tal-​konversazzjonijiet li kien ikollna filgħaxijiet waqt li konna noqogħdu bilqiegħda fuq is-​sodda nieklu ikla sempliċi msajra fuq l-​ispiritiera tal-​pitrolju tagħna. Minħabba li bil-​karattru impulsiv tiegħi spiss kont nitkellem qabel ma naħsibha, marti kultant kienet tuża dawn il-​mumenti kalmi biex bit-​tattika ssemmi xi modi li bihom stajt nesprimi ruħi aħjar mal-​aħwa li żorna. Jien smajt minnha, u ż-​żjajjar tiegħi saru iktar inkuraġġanti. Ukoll, meta b’nuqqas taʼ ħsieb ma kontx nitkellem tajjeb dwar xi ħadd, hi ma kinitx tkompli miegħi. B’hekk, tgħallimt inżomm ħarsa pożittiva lejn ħuti. Imma, il-​biċċa l-​kbira tal-​konversazzjonijiet tagħna filgħaxijiet kienu jkunu dwar punti li tgħallimna mill-​artikli fit-​Torri tal-​Għassa u dwar l-​esperjenzi li kellna fis-​servizz tal-​għalqa dakinhar. U x’esperjenzi eċċitanti kellna!

Kif Sibna lil Carlos

Fil-​belt taʼ Jipijapa, fil-​Punent tal-​Ekwador, ngħatajna isem taʼ persuna interessata—l-​isem biss, Carlos Mejía, iżda ebda indirizz. Meta dik l-​għodwa tlaqna mill-​kamra li krejna, ma konniex nafu minn fejn se nibdew infittxuh, u għalhekk sempliċement qbadna nimxu. Kellna niskansaw ħafna ħofor bit-​tajn f’toroq maħmuġin minħabba x-​xita bil-​qliel li kienet għamlet il-​lejl taʼ qabel. Jien kont qed nimxi quddiem marti meta, f’daqqa waħda, minn warajja smajt sejħa għall-​għajnuna, “Arthur”! Dort u nara lil Edith wieqfa f’tajn iswed sa rkopptejha. Ix-​xena tant kienet tad-​daħq illi li kieku mhux għax rajtha b’wiċċha mbikkem tgħidx kemm kont nidħaq.

Jien irnexxieli noħroġha minn dak iċ-​ċaflis, imma ż-​żarbun tagħha baqaʼ mwaħħal fit-​tajn. Kien hemm tifel u tifla qed jarawna, u għedtilhom, “Nagħtikom xi ħaġa tal-​flus jekk toħorġu dak iż-​żarbun mit-​tajn.” F’ħakka t’għajn, ġabulna ż-​żarbun; imma Edith kellha bżonn post fejn taħsel saqajha. Omm it-​tfal kienet qed tarana u stidnitna f’darha, fejn għenet lil marti taħsel saqajha filwaqt li t-​tfal naddfulha ż-​żarbun. Qabel tlaqna, ġrat xi ħaġa tajba. Staqsejt lill-​mara jekk kinitx taf fejn nistgħu nsibu raġel jismu Carlos Mejía. Imbellha qaltilna, “Dak żewġi.” Maż-​żmien inbeda studju tal-​Bibbja, u eventwalment il-​membri kollha taʼ din il-​familja tgħammdu. Snin wara, Carlos, martu, u tnejn minn uliedhom saru pijunieri speċjali.

Vjaġġi taʼ Sfida​—Ospitalità li Tferraħ il-​Qalb

L-​ivvjaġġar fix-​xogħol tas-​circuit kien iġib ħafna sfidi. Konna nużaw karozzi tal-​linja, ferroviji, trakkijiet, kenuri, u ajruplani żgħar. Darba minnhom, John McLenachan, li kien jaqdi bħala indokratur tad-​distrett, u martu, Dorothy, ġew magħna fuq vjaġġ taʼ ppritkar fi rħula tas-​sajd viċin il-​fruntiera Kolombjana. Ivvjaġġajna f’kenura mgħammra b’mutur. Eżatt maġenbna kien hemm jgħumu klieb il-​baħar kbar daqs il-​kenura tagħna! Saħansitra n-​navigatur bl-​esperjenza li kien hemm magħna inkwieta bil-​kobor tal-​klieb il-​baħar u malajr ressaq il-​kenura viċin ix-​xatt.

Però, il-​barkiet kienu jisbqu l-​isfidi li ltqajna magħhom fix-​xogħol tas-​circuit. Sirna nafu aħwa meraviljużi u ospitabbli. Ħafna drabi l-​familji li qgħadna magħhom kienu jinsistu li nieklu tliet ikliet kuljum, filwaqt li huma kienu jieklu waħda biss. Jew kienu jagħtuna l-​unika sodda li kien ikun hemm fid-​dar, filwaqt li huma kienu jorqdu fl-​art. Marti spiss qalet: “Dawn l-​aħwa għeżież jgħinuni nara kemm verament għandna bżonn ftit affarijiet biex ngħaddu.”

“Ma Rridux Inżommu Lura”

Fl-​1960, ġratilna xi ħaġa tajba oħra—ġejna mistidnin naqdu fl-​uffiċċju tal-​fergħa fi Guayaquil. Waqt li jien kont nagħmel xi xogħol amministrattiv, Edith qdiet fil-​ministeru f’kongregazzjoni viċin il-​fergħa. Qatt ma kkunsidrajt lili nnifsi bħala bniedem li nistaʼ naħdem f’uffiċċju u ħassejtni xi ftit inkapaċi, imma bħalma jindika Ebrej 13:21, Alla jarmana ‘b’kull ħaġa tajba biex nagħmlu r-​rieda tiegħu.’ Sentejn wara, ġejt mistieden nattendi kors t’għaxar xhur taʼ Gilegħad li kien se jinżamm fil-​Betel taʼ Brooklyn, New York. F’dak iż-​żmien, in-​nisa kienu mistennijin jibqgħu fl-​inkarigu tagħhom. Minn Brooklyn waslet ittra indirizzata lil marti. Ġiet mitluba tikkunsidra bir-​reqqa jekk kinitx lesta li taċċetta li tagħmel għaxar xhur mingħajr żewġha.

Bi tweġiba, Edith kitbet: “Jien ċerta li din mhix se tkun l-​iktar ħaġa faċli fid-​dinja, imma nafu li Ġeħova żgur se jgħinna f’kull diffikultà li tistaʼ tinqalaʼ. . . . Ma rridux inżommu lura minn kwalunkwe privileġġ li nistgħu ningħataw jew minn kwalunkwe opportunità biex inkunu kwalifikati aħjar f’li nwettqu r-​responsabbiltajiet tagħna.” Matul iż-​żmien li kont Brooklyn, irċivejt ittra mingħand marti kull ġimgħa.

Naqdu Spalla maʼ Spalla m’Aħwa Leali

Fl-​1966, minħabba problemi taʼ saħħa, jien u Edith morna lura fi Quito, fejn erġajna bdejna x-​xogħol missjunarju tagħna spalla maʼ spalla mal-​aħwa lokali. X’eżempju mill-​aħjar taʼ wħud li jżommu l-​integrità!

Waħda oħt leali kienet miżżewġa raġel mhux tal-​istess twemmin, li spiss kien isawwatha. Darba minnhom, fis-​sitta taʼ filgħodu, xi ħadd ġie jgħidilna li reġgħet ġiet imsawta. Jien mort niġri fid-​dar tal-​oħt. Meta rajtha, bilkemm stajt nemmen lil għajnejja. Kienet mimduda fuq is-​sodda, minfuħa u mimlija tbenġil. Żewġha kien sawwatha b’lasta taʼ xkupa sakemm inqasmet fi tnejn. Iktar tard dakinhar, sibtu d-​dar u għedtlu li kien aġixxa taʼ beżżiegħ. Hu talab ħafna apoloġiji.

Fil-​bidu tas-​snin 70, saħħti kienet marret għall-​aħjar u rġajna bdejna x-​xogħol tas-​circuit. Il-​belt taʼ Ibarra kienet parti mis-​circuit tagħna. Meta żorna din il-​belt fl-​aħħar tas-​snin 50, kien hemm biss żewġ Xhieda joqogħdu hemmhekk, missjunarju u ħu lokali. Għalhekk, kellna sebaʼ mitt sena biex niltaqgħu mal-​ħafna wħud ġodda li kienu żdiedu mal-​kongregazzjoni.

Fl-​ewwel laqgħa tagħna hemmhekk, Ħuna Rodrigo Vaca kien fuq il-​platform u kellu sehem li kien jinkludi l-​parteċipazzjoni tal-​udjenza. Kull meta kien jistaqsi mistoqsija, dawk fl-​udjenza kienu jgħajtu “Yo, yo!” (“Jien, jien!”) minflok ma jgħollu jdejhom. Jien u Edith ħarisna lejn xulxin iċċassati. Bejni u bejn ruħi għedt, ‘X’inhu jiġri hawnhekk?’ Iktar tard sirna nafu li Ħuna Vaca hu agħma imma jirrikonoxxi l-​ilħna tal-​membri tal-​kongregazzjoni hekk kif jgħajtulu. Hu ragħaj li tassew jaf lin-​nagħaġ tiegħu! Dan fakkarna fil-​kliem taʼ Ġesù li nsibu fi Ġwanni 10:3, 4, 14, dwar ir-​Ragħaj mill-​Aħjar u n-​nagħaġ li jafu sew lil xulxin. Illum, Ibarra għandha sitt kongregazzjonijiet tal-​lingwa Spanjola, kongregazzjoni tal-​lingwa Quichua, u kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali. Ħuna Vaca għadu jaqdi fedelment bħala anzjan u pijunier speċjali. a

Grati għat-​Tjubija taʼ Ġeħova

Fl-​1974, irċivejna espressjoni oħra tat-​tjubija taʼ Ġeħova meta ġejna mistidnin nirritornaw il-​Betel, fejn erġajt ġejt inkarigat nagħmel xogħol amministrattiv u iktar tard ġejt maħtur biex naqdi mal-​Kumitat tal-​Fergħa. Edith għall-​ewwel ħadmet fil-​kċina u iktar tard bdiet taħdem fl-​uffiċċju, fejn għadha taqdi sal-​lum bħala skrivana.

Matul is-​snin, kellna l-​pjaċir nilqgħu mijiet taʼ missjunarji li kienu mħarrġin f’Gilegħad, u dawn jieħdu maturità u żelu fil-​kongregazzjonijiet li jaqdu. Ġejna inkuraġġiti wkoll bl-​eluf t’aħwa li ġew minn iktar minn 30 pajjiż biex jaqdu f’din l-​art. Kemm jimpressjonana l-​ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali tagħhom! Xi wħud biegħu d-​djar u n-​negozji sabiex jiġu hawnhekk ħalli jaqdu fi nħawi fejn il-​bżonn għall-​predikaturi tas-​Saltna hu kbir. Xtraw vetturi biex jippritkaw f’reġjuni ’l bogħod miċ-​ċentru, stabbilew kongregazzjonijiet ġodda, u għenu fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna. Għadd kbir t’aħwa nisa mhux miżżewġin ġew minn barra biex jaqdu bħala pijunieri hawnhekk—u kemm huma ħaddiema żelużi u kapaċi!

Tabilħaqq, sibt ħafna affarijiet tajbin fis-​snin li qdejt lil Alla. L-​iktar importanti fost dawn hi r-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova. Ukoll, jien grat li Ġeħova pprovdieli “għajnuna.” (Ġen. 2:18) Meta nħares lura lejn id-​69 sena li qattajna flimkien bħala koppja miżżewġa, jiġini f’moħħi l-​kliem taʼ Proverbji 18:22, li jgħid: “Xi ħadd sab mara tajba? Sab ħaġa tajba.” Kien il-​pjaċir tiegħi li nkun fil-​kumpanija taʼ Edith. Hi għenitni b’ħafna modi. Uriet ukoll imħabba kbira lejn ommha. Minn meta wasalna l-​Ekwador, marti bagħtet ittra lil ommha kull ġimgħa sal-​1990, meta ommha mietet taʼ 97 sena.

Jien issa għandi 90 sena u Edith 89 sena. Aħna ngħożżu l-​ferħ li kellna f’li ngħinu lil xi 70 ruħ isiru jafu lil Ġeħova. Ċertament li aħna grati li mlejna dawk il-​formoli għall-​Iskola taʼ Gilegħad 60 sena ilu. Dik id-​deċiżjoni ġabitilna ħajja mimlija ħafna affarijiet tajbin.

[Nota taʼ taħt]

a Il-​bijografija taʼ Ħuna Vaca dehret fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż, tat-​8 taʼ Settembru, 1985.

[Stampa f’paġna 29]

F’Yankee Stadium taʼ New York maʼ missjunarji sħabna mill-​klassi tagħna taʼ Gilegħad, fl-​1958

[Stampa f’paġna 31]

Qed inżuru lil familja Xhieda waqt ix-​xogħol tas-​“circuit,” fl-​1959

[Stampa f’paġna 32]

Fil-​fergħa tal-​Ekwador, fl-​2002