Tagħraf Int l-Evidenza tal-Gwida t’Alla?
LA L-IŻRAELIN u lanqas l-Eġizzjani ma kienu raw xi ħaġa bħalha qabel. Hekk kif l-Iżraelin għamlu l-Eżodu tagħhom mill-Eġittu, kolonna tas-sħab ittajret qribhom u baqgħet magħhom jum wara l-ieħor. Billejl saret kolonna tan-nar. Min jaf kemm qanqlet stagħġib! Imma minn fejn ġiet? X’kien l-iskop tagħha? U issa, xi 3,500 sena wara, aħna x’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Iżrael qies “il-kolonna tan-nar u s-sħab”?—Eżo. 14:24.
Il-Kelma t’Alla tirrivela s-sors u l-iskop tal-kolonna, billi tgħid: “Ġeħova għadda quddiemhom bi nhar f’kolonna tas-sħab sabiex imexxihom fit-triq, u bil-lejl f’kolonna tan-nar ħalli jagħtihom id-dawl biex jimxu bi nhar u bil-lejl.” (Eżo. 13:21, 22) Alla Ġeħova uża l-kolonna tan-nar u s-sħab biex jiggwida lill-poplu tiegħu ’l barra mill-Eġittu u fix-xagħri. Kellhom ikunu lesti li jiċċaqalqu sabiex isegwuha. Meta l-forzi Eġizzjani li kienu qed jiġru warajhom kienu kważi se jattakkaw lill-poplu t’Alla, il-kolonna resqet bejn iż-żewġ gruppi, u b’hekk ipproteġiet lill-Iżraelin. (Eżo. 14:19, 20) Għalkemm il-kolonna ma indikatx l-iktar rotta diretta, l-uniku mod biex Iżrael jasal fl-Art Imwiegħda kien billi jsegwi t-tmexxija tagħha.
Il-preżenza tal-kolonna assigurat lill-poplu t’Alla li Ġeħova kien magħhom. Kienet tirrappreżenta lil Ġeħova, u kultant tkellem minn ġo fiha. (Num. 14:14; Salm 99:7) Iktar minn hekk, is-sħaba identifikat lil Mosè bħala l-wieħed maħtur minn Ġeħova biex imexxi lill-ġens. (Eżo. 33:9) Bl-istess mod, l-aħħar dehra dokumentata tas-sħaba kkonfermat il-fatt li Ġeħova ħatar lil Ġożwè bħala s-suċċessur taʼ Mosè. (Dt. 31:14, 15) Tabilħaqq, is-suċċess tal-Eżodu ddependa milli l-Iżraelin jagħrfu l-evidenza tal-gwida t’Alla u mbagħad isegwuha.
Ma Baqgħux Jaraw l-Evidenza
Meta l-Iżraelin raw dik il-kolonna għall-ewwel darba, min jaf kif baqgħu miblugħin. Però, b’dispjaċir, il-miraklu li l-ħin kollu setgħu jaraw ma baqax jimpressjona lill-Iżraelin biżżejjed biex ikollhom fiduċja dejjiema f’Ġeħova. Huma sfidaw il-gwida t’Alla diversi drabi. Meta l-armata Eġizzjana ġriet warajhom, ma wrew ebda fiduċja fil-qawwa li ssalva taʼ Ġeħova. Minflok, huma akkużaw lil Mosè, il-qaddej t’Alla, li kien mexxiehom lejn mewthom. (Eżo. 14:10-12) Wara l-ħelsien tagħhom mill-Baħar l-Aħmar, huma gergru kontra Mosè, Aron, u Ġeħova għal dak li huma ħasbu li kien nuqqas t’ikel u ilma. (Eżo. 15:22-24; 16:1-3; 17:1-3, 7) U xi ġimgħat wara dan, għamlu pressjoni fuq Aron biex jagħmel għoġol tad-deheb. Immaġina ftit! F’naħa waħda tal-kamp tagħhom, l-Iżraelin raw il-kolonna tan-nar u s-sħab—l-evidenza maestuża tal-Wieħed li kien ħariġhom mill-Eġittu—u mhux ’il bogħod minn hemmhekk, huma bdew iqimu idolu bla ħajja, billi qalu: “Dan hu Alla tiegħek, O Israel, li tellgħek mill-art taʼ l-Eġittu.” X’“atti kbar taʼ nuqqas taʼ rispett”!—Eżo. 32:4; Neħ. 9:18.
L-atti ribellużi taʼ Iżrael urew diżrispett kbir lejn il-gwida taʼ Ġeħova. Il-problema ma kinitx fil-vista fiżika tagħhom, imma fil-ħarsa spiritwali tagħhom. Huma rawha l-kolonna, imma ma baqgħux japprezzaw Salm 78:40-42, 52-54; Neħ. 9:19.
is-sinifikat tagħha. Għalkemm l-azzjonijiet tagħhom “weġġgħu lill-Qaddis taʼ Israel,” Ġeħova bi ħniena kompla jipprovdi gwida permezz tal-kolonna sakemm Iżrael wasal fl-Art Imwiegħda.—Ara l-Evidenza tal-Gwida Divina Llum
B’mod simili, fi żmienna, Ġeħova qatt ma ħalla lill-poplu tiegħu mingħajr gwida ċara. Sewwasew bħalma ma stenniex li l-Iżraelin isibu t-triq tagħhom waħedhom, illum aħna ma ġejniex mitlubin insibu t-triq għal ġod-dinja l-ġdida mwiegħda waħedna. Ġesù Kristu hu l-Mexxej inkarigat tal-kongregazzjoni. (Mt. 23:10; Efes. 5:23) Hu ta xi awtorità lil klassi taʼ ilsir leali, magħmula minn Kristjani leali midlukin bl-ispirtu. Din il-klassi tal-ilsir, min-naħa tagħha, taħtar indokraturi fil-kongregazzjoni Kristjana.—Mt. 24:45-47; Titu 1:5-9.
Kif nistgħu nkunu żguri mill-identità taʼ din il-klassi tal-ilsir, jew prokuratur, leali? Innota kif jiddeskriviha Ġesù stess: “Min hu tassew il-prokuratur leali, l-għaqli, li sidu jaħtru fuq il-ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu biex jibqaʼ jagħtihom is-sehem tagħhom taʼ l-ikel fiż-żmien xieraq? Hieni dak l-ilsir li sidu, meta jasal, isibu jagħmel hekk!”—Lq. 12:42, 43.
Għaldaqstant, il-klassi tal-prokuratur hi “leali,” billi qatt ma tittradixxi jew tabbanduna lil Ġeħova, lil Ġesù, il-veritajiet Bibliċi, jew lill-poplu t’Alla. Peress li hi ‘għaqlija,’ il-klassi tal-prokuratur turi l-għaqal f’li tidderieġi x-xogħol importanti ferm tal-ippritkar tal-“aħbar tajba tas-saltna” u f’li tagħmel “dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.” (Mt. 24:14; 28:19, 20) “Fiż-żmien xieraq,” il-klassi tal-prokuratur b’ubbidjenza tqassam l-ikel spiritwali li hu sustanzjuż u nutrittiv. L-approvazzjoni taʼ Ġeħova tidher minn kemm ibierek lill-poplu tiegħu b’żieda, bi gwida f’deċiżjonijiet importanti, b’fehma aħjar tal-veritajiet tal-Bibbja, bi protezzjoni milli jinqerdu għalkollox mill-għedewwa tagħhom, u b’paċi tal-moħħ u tal-qalb.—Is. 54:17; Flp. 4:7.
Wieġeb għall-Gwida t’Alla
Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-gwida t’Alla? L-appostlu Pawlu qal: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom.” (Ebr. 13:17) Li nagħmlu dan mhux dejjem ikun faċli. Biex nagħtu eżempju: Poġġi lilek innifsek minflok Iżraeli fi żmien Mosè. Immaġina li wara li tkun ilek miexi għal xi żmien, il-kolonna tieqaf. Kemm se ddum wieqfa hemmhekk? Jum? Ġimgħa? Diversi xhur? Għandek mnejn taħseb, ‘Jaqbilli noħroġ l-affarijiet kollha tiegħi?’ Għall-ewwel, forsi toħroġ biss l-affarijiet l-iktar neċessarji. Madankollu, wara ftit jiem, billi int frustrat int u tfittex fl-affarijiet tiegħek, tibda toħroġ kollox. Imma mbagħad, eżatt kif kważi spiċċajt toħroġ kollox, tara l-kolonna tielgħa—u trid terġaʼ tibda tippakkja mill-ġdid! Dan ma jkunx daqstant faċli jew konvenjenti. Però, l-Iżraelin kellhom “jitilqu minnufih.”—Num. 9:17-22.
Allura, kif nirreaġixxu meta ningħataw direzzjoni divina? Nipprovaw napplikawha “minnufih”? Jew inkomplu nagħmlu l-affarijiet kif imdorrijin nagħmluhom? Familjari aħna mad-direzzjonijiet aġġornati, bħal dawk li għandhom x’jaqsmu maʼ kif nikkonduċu studji tal-Bibbja fid-djar, nippritkaw lil nies li jitkellmu b’lingwa barranija, nieħdu sehem regolarment fil-qima tal-familja, nikkooperaw mal-Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet, u nġibu ruħna kif jixraq f’konvenzjonijiet? Aħna nuru wkoll l-apprezzament tagħna għall-gwida t’Alla billi naċċettaw il-pariri. Meta niffaċċjaw deċiżjonijiet importanti, ma nafdawx fl-għerf tagħna stess, imma nduru lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu għall-gwida. U sewwasew bħalma tifel ifittex il-protezzjoni tal-ġenituri tiegħu meta
tfaqqaʼ xi tempesta, aħna nfittxu l-protezzjoni fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova meta, bħal maltempata, nintlaqtu mill-problemi taʼ din id-dinja.Naturalment, dawk li jieħdu t-tmexxija fl-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art mhumiex perfetti—imma lanqas Mosè ma kien perfett. Minkejja dan, il-kolonna l-ħin kollu pprovdiet evidenza tal-ħatra divina tiegħu u tal-approvazzjoni t’Alla. Innota wkoll li mhux kull Iżraeli kellu jiddetermina meta jibdew jiċċaqalqu. Minflok, in-nies aġixxew “bl-ordni taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè.” (Num. 9:23) B’hekk, Mosè, il-mezz taʼ direzzjoni t’Alla, x’aktarx li ta s-sinjal biex jiċċaqalqu.
Illum, il-klassi tal-prokuratur taʼ Ġeħova tagħti sinjal ċar kull meta jkun il-waqt biex naġixxu. Il-prokuratur kif jagħmlu dan? Permezz t’artikli fit-Torri tal-Għassa u Il-Ministeru tas-Saltna, permezz taʼ pubblikazzjonijiet ġodda, u taʼ taħditiet f’assembleat u konvenzjonijiet. L-istruzzjonijiet jingħataw ukoll lill-kongregazzjonijiet permezz taʼ indokraturi li jivvjaġġaw jew permezz taʼ ittri jew sessjonijiet taʼ taħriġ li jattendu għalihom aħwa rġiel li għandhom responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni.
Tagħraf int b’mod ċar l-evidenza tal-gwida divina? Ġeħova juża l-organizzazzjoni tiegħu biex jiggwida lilna, il-poplu tiegħu, “fix-xagħri” matul dawn l-aħħar jiem tad-dinja mill-agħar taʼ Satana. Minħabba f’hekk, aħna ngawdu l-unità, l-imħabba, u s-sigurtà.
Meta Iżrael wasal fl-Art Imwiegħda, Ġożwè qal: “Intom tafu sew b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li lanqas kelma waħda mill-kliem tajjeb kollu li Ġeħova Alla tagħkom qalilkom ma naqset. Kollu seħħ għalikom.” (Ġoż. 23:14) Bl-istess mod, in-nies t’Alla llum żgur li se jidħlu fid-dinja l-ġdida mwiegħda. Madankollu, jekk hux se nkunu hemmhekk personalment jiddependi ħafna minn kemm aħna lesti li nsegwu d-direzzjoni t’Alla b’umiltà. Għalhekk, jalla lkoll inkomplu nagħrfu l-evidenza tal-gwida taʼ Ġeħova!
[Stampi f’paġna 5]
Illum, qed niġu gwidati mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova
Pubblikazzjonijiet ġodda f’konvenzjoni
Taħriġ teokratiku
Taħriġ fil-laqgħat għas-servizz