Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Familji Kristjani —‘Ibqgħu Mqajmin’

Familji Kristjani —‘Ibqgħu Mqajmin’

“Ħa nibqgħu mqajmin u f’sensina.”—1 TESS. 5:6.

1, 2. X’inhu meħtieġ biex familja jirnexxilha tibqaʼ mqajma spiritwalment?

 META l-​appostlu Pawlu rrefera għall-​“jum il-​kbir taʼ Ġeħova, jum li jqanqal il-​biżaʼ,” lill-​Kristjani f’Tessalonika kitbilhom: “Aħwa, m’intomx fid-​dlam, biex dak il-​jum jiġi fuqkom bħalma jagħmel lill-​ħallelin, għax intom ilkoll ulied id-​dawl u wlied il-​jum. Aħna la aħna tal-​lejl u lanqas tad-​dlam.” Pawlu żied jgħid: “Għalhekk, mela, ħa ma nibqgħux reqdin bħalma jagħmlu l-​oħrajn, imma ħa nibqgħu mqajmin u f’sensina.”—Ġoel 2:31; 1 Tess. 5:4-​6.

2 Il-​parir li Pawlu ta lit-​Tessalonikin japplika b’mod speċjali għall-​Kristjani li jgħixu fi “żmien it-​tmiem.” (Dan. 12:4) Hekk kif qed joqrob it-​tmiem tas-​sistema mill-​agħar tiegħu, Satana hu determinat li jwaqqaf lil kemm jiflaħ aduraturi veri milli jaqdu lil Alla. Għalhekk, aħna nkunu għaqlin jekk nieħdu bis-​serjetà t-​twissija taʼ Pawlu biex nibqgħu għassa spiritwalment. Sabiex familja Kristjana jirnexxilha tibqaʼ mqajma huwa importanti li kull membru jerfaʼ r-​responsabbiltà Skritturali tiegħu. Mela, liema rwol għandhom l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin u t-​tfal f’li jgħinu lill-​familji tagħhom ‘jibqgħu mqajmin’?

Irġiel Miżżewġin—Imitaw lir-​“Ragħaj mill-​Aħjar”

3. Skont l-​1 Timotju 5:8, x’tinkludi r-​responsabbiltà tar-​raġel bħala l-​kap tal-​familja?

3 “Il-​kap tal-​mara hu r-​raġel,” tgħid il-​Bibbja. (1 Kor. 11:3) X’tinvolvi r-​responsabbiltà tar-​raġel bħala l-​kap tal-​familja? L-​Iskrittura turi aspett wieħed tal-​istat taʼ kap billi tgħid: “Jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-​membri taʼ daru, ikun ċaħad il-​fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Tim. 5:8) Tabilħaqq, raġel irid jipprovdi materjalment għall-​familja tiegħu. Iżda biex jgħin lill-​membri tal-​familja tiegħu jibqgħu mqajmin irid ikun iktar minn sempliċi wieħed li jaqlaʼ l-​ħobża taʼ kuljum. Jeħtieġ li jibni lil taʼ daru spiritwalment billi jgħin lil kull membru fil-​familja biex isaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħu m’Alla. (Prov. 24:3, 4) Kif jistaʼ jagħmel dan?

4. X’jistaʼ jgħin lil raġel jirnexxi f’li jibni lil taʼ daru spiritwalment?

4 Ladarba “r-​raġel hu l-​kap taʼ martu bħalma l-​Kristu wkoll hu l-​kap tal-​kongregazzjoni,” raġel miżżewweġ għandu jeżamina u jimita l-​mod kif Ġesù jaġixxi bħala kap tal-​kongregazzjoni. (Efes. 5:23) Ikkunsidra kif Ġesù ddeskriva r-​relazzjoni li kellu mas-​segwaċi tiegħu. (Aqra Ġwanni 10:14, 15.) Raġel li jkun irid jibni lil taʼ daru spiritwalment kif jistaʼ jkollu suċċess? X’inhu s-​sigriet? Li jistudja dak li qal u għamel Ġesù bħala “r-​ragħaj mill-​aħjar,” u ‘jimxi mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.’—1 Pt. 2:21.

5. Ir-​Ragħaj mill-​Aħjar x’jaf dwar il-​kongregazzjoni?

5 B’mod figurattiv, ir-​relazzjoni bejn ragħaj u n-​nagħaġ tiegħu hija bbażata fuq l-​għarfien u l-​fiduċja. Ir-​ragħaj jaf kollox dwar in-​nagħaġ tiegħu, u n-​nagħaġ jafu lir-​ragħaj u jafdawh. Huma jagħrfu leħnu u jobduh. Ġesù qal: “Naf lin-​nagħaġ tiegħi u n-​nagħaġ tiegħi jafu lili.” Hu mhux sempliċement jaf lill-​kongregazzjoni fuq fuq. Il-​kelma Griega li hawnhekk hija tradotta “naf” tfisser “għarfien intimu u persunali.” Iva, ir-​Ragħaj mill-​Aħjar jaf lin-​nagħaġ tiegħu personalment. Jaf x’għandha bżonn kull waħda minnhom. Hu jaf id-​dgħufijiet u l-​kwalitajiet tajbin tagħhom. Ix-​Xempju tagħna xejn ma jaħrablu dwar in-​nagħaġ tiegħu. U n-​nagħaġ jafuh sew lir-​ragħaj u għandhom fiduċja fit-​tmexxija tiegħu.

6. L-​irġiel miżżewġin kif jistgħu jimitaw lir-​Ragħaj mill-​Aħjar?

6 Sabiex raġel miżżewweġ jimita lil Kristu fl-​irwol tiegħu bħala kap, jeħtieġ li jitgħallem jaħseb dwaru nnifsu bħala ragħaj u dwar dawk taħt il-​ħarsien tiegħu bħala nagħaġ. Hu għandu jagħmel ħiltu kollha biex isir jaf lill-​membri tal-​familja tiegħu sew. Jistaʼ raġel miżżewweġ verament isir jafhom sew? Iva. Dan jistaʼ jagħmlu billi jikkomunika tajjeb mal-​membri kollha tal-​familja tiegħu, jagħti widen għal dak kollu li jkun qed jinkwetahom, u jieħu t-​tmexxija fl-​attivitajiet tal-​familja. Irid ukoll ikun kuxjenzjuż dwar li jieħu deċiżjonijiet tajbin li jinvolvu kwistjonijiet bħalma huma l-​qima tal-​familja, l-​attendenza għal-​laqgħat, is-​servizz tal-​għalqa, ir-​rikreazzjoni, u d-​divertiment. Meta Kristjan miżżewweġ ikun jaf sew x’tgħid il-​Kelma t’Alla u jsir jaf sew lill-​membri tal-​familja tiegħu sabiex jagħtihom eżempju u jieħu deċiżjonijiet għaqlin, x’aktarx li l-​membri tal-​familja tiegħu se jkollhom fiduċja fit-​tmexxija tiegħu. Barra minn hekk, hu se jkollu s-​sodisfazzjon li jarahom jibqgħu magħqudin fil-​qima vera.

7, 8. Raġel miżżewweġ kif jistaʼ jimita lir-​Ragħaj mill-​Aħjar meta juri affezzjoni lejn dawk taħt il-​ħarsien tiegħu?

7 Ukoll, ragħaj tajjeb ikollu affezzjoni lejn in-​nagħaġ tiegħu. Meta nistudjaw ir-​rakkonti tal-​Evanġelju dwar il-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù, qalbna titqanqal b’apprezzament għall-​affezzjoni li wera Ġesù lejn id-​dixxipli tiegħu. Hu saħansitra ‘ta ruħu għan-​nagħaġ.’ L-​irġiel miżżewġin għandhom jimitaw il-​mod kif Ġesù wera affezzjoni lejn dawk taħt il-​ħarsien tiegħu. Minflok ma jiddomina lil martu bi ħruxija, raġel miżżewweġ li jkun jixtieq l-​approvazzjoni t’Alla jkompli jħobbha “bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni.” (Efes. 5:25) Għandu juri konsiderazzjoni u jkun ħelu fi kliemu għax hi jistħoqqilha unur.—1 Pt. 3:7.

8 Meta jħarreġ lit-​tfal, il-​kap tal-​familja għandu jżomm sod mal-​prinċipji divini. Madankollu, hu m’għandux jonqos milli juri affezzjoni lejn uliedu. Għandu juża d-​dixxiplina meħtieġa bi mħabba. Xi żgħażagħ jistgħu jdumu iktar minn oħrajn biex jifhmu xi jkun mistenni minnhom. F’każ bħal dan, il-​missier għandu jkun iktar paċenzjuż magħhom. Meta l-​irġiel isegwu b’mod konsistenti l-​eżempju taʼ Ġesù jkunu qed joħolqu ambjent taʼ sigurtà fil-​familja. Il-​familji tagħhom igawdu t-​tip taʼ sigurtà spiritwali li kanta dwarha s-​salmista.—Aqra Salm 23:1-​6.

9. Bħall-​patrijarka Noè, liema responsabbiltà għandhom l-​irġiel Kristjani miżżewġin, u x’se jgħinhom jerfgħu din ir-​responsabbiltà?

9 Il-​patrijarka Noè kien jgħix fl-​aħħar jiem tad-​dinja taʼ żmienu. Imma Ġeħova żammu “qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn meta ġab dilluvju fuq dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” (2 Pt. 2:5) Noè kellu r-​responsabbiltà li jgħin lill-​familja tiegħu ssalva mid-​Dilluvju. Il-​kapijiet tal-​familja li jkunu Kristjani qegħdin fl-​istess sitwazzjoni f’dawn l-​aħħar jiem. (Mt. 24:37) Kemm hu vitali li jistudjaw l-​eżempju tar-​“ragħaj mill-​aħjar” u jistinkaw biex jimitawh!

Nisa Miżżewġin—‘Ibnu lil taʼ Darkom’

10. Is-​sottomissjoni lejn żewġha xi tfisser għal mara?

10 L-​appostlu Pawlu kiteb: “In-​nisa ħa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħallikieku lejn il-​Mulej.” (Efes. 5:22) Din l-​istqarrija bl-​ebda mod ma tindika xi pożizzjoni mhix dinjituża. Qabel ma ħalaq lill-​ewwel mara, Eva, l-​Alla l-​veru ddikjara: “Mhux tajjeb li r-​raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.” (Ġen. 2:18) L-​irwol tal-​“għajnuna” u s-​“sieħba li taqbel għal miegħu”—li tappoġġa lil żewġha hekk kif jieħu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tal-​familja tiegħu—hu wieħed tassew onorabbli.

11. Mara miżżewġa li tkun eżemplari kif ‘tibni lil dawk taʼ darha’?

11 Mara miżżewġa li tkun eżemplari taħdem għall-​ġid taʼ dawk taʼ darha. (Aqra Proverbji 14:1.) B’kuntrast maʼ mara belha, li ma turix rispett għall-​arranġament taʼ kap, mara għaqlija jkollha rispett profond għal dan il-​provvediment. Minflok ma turi attitudni taʼ diżubbidjenza u indipendenza, li huma karatteristiki tad-​dinja, hi turi sottomissjoni lejn żewġha. (Efes. 2:2) Mara belha ma taħsibhiex darbtejn biex titkellem b’mod negattiv dwar żewġha, filwaqt li mara għaqlija tistinka biex uliedha u oħrajn ikollhom iżjed rispett lejh. Mara bħal din toqgħod attenta li ma tnaqqasx mill-​importanza tar-​raġel tagħha bħala l-​kap billi toqgħod tgerger u tħaqqaqha miegħu. Hemm ukoll il-​kwistjoni taʼ li tagħmel l-​ekonomija. Mara belha x’aktarx li tberbaq il-​flus li l-​familja tkun tant batiet għalihom. Mara li tappoġġa lil żewġha ma tagħmilx hekk. Hi tikkoopera maʼ żewġha fi kwistjonijiet finanzjarji u tagħmel kollox bil-​prudenza u b’mod ekonomiku. Ma tagħmilx pressjoni fuq żewġha biex jagħmel l-​overtime.

12. Mara miżżewġa x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lill-​familja tagħha ‘tibqaʼ mqajma’?

12 Mara miżżewġa li tkun eżemplari tgħin lill-​familja tagħha ‘tibqaʼ mqajma’ billi tikkoopera maʼ żewġha sabiex tgħallem lil uliedha dwar Ġeħova. (Prov. 1:8) Hi tħabrek biex tappoġġa l-​Qima tal-​Familja. Iktar minn hekk, hi tappoġġa lil żewġha meta jagħti xi parir u jiddixxiplina lil uliedhom. X’differenza minn mara li ma tikkooperax u li wliedha jbatu kemm fiżikament u kemm spiritwalment!

13. Għala hu importanti li mara tappoġġa lil żewġha fl-​attivitajiet teokratiċi li jkun involut fihom?

13 Mara li tappoġġa lil żewġha kif tħossha meta tara lil żewġha involut sew fil-​kongregazzjoni Kristjana? Hi tieħu gost! Jekk żewġha jkun jaqdi bħala qaddej ministerjali, bħala anzjan, jew forsi membru tal-​Kumitat taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet jew tal-​Kumitat Reġjonali tal-​Bini, hi tkun kuntenta li jkollu dan il-​privileġġ. Żgur li jinvolvi sagrifiċċji min-​naħa tagħha biex tappoġġa lil żewġha sew bil-​kliem u sew bl-​għemil. Imma hi tkun konxja li l-​attivitajiet teokratiċi li żewġha jkun involut fihom jgħinu biex il-​familja kollha tibqaʼ mqajma spiritwalment.

14. (a) X’jistaʼ jkun taʼ sfida għal mara biex tappoġġa lil żewġha, u kif tistaʼ tegħleb din l-​isfida? (b) Mara miżżewġa kif tistaʼ tkun taʼ ġid għall-​familja kollha?

14 Ikun taʼ sfida għal mara eżemplari li tappoġġa lil żewġha meta dan jieħu xi deċiżjoni li ma tkunx taqbel magħha. Saħansitra f’ċirkustanzi bħal dawn, hi turi “spirtu kwiet u ġwejjed” u tikkoopera miegħu biex id-​deċiżjoni tiegħu tirnexxi. (1 Pt. 3:4) Barra minn hekk, mara tajba tipprova ssegwi l-​eżempju mill-​aqwa li ħallew dawn in-​nisa tal-​qedem li kienu jogħġbu lil Alla: Sara, Rut, Abigajl, u Marija, omm Ġesù. (1 Pt. 3:5, 6) Hi timita wkoll lill-​aħwa nisa taʼ żmienna li jkunu avanzati fl-​età u li “juru l-​biżaʼ t’Alla fl-​imġiba tagħhom.” (Titu 2:3, 4) Meta turi mħabba u rispett lejn żewġha, mara eżemplari tkun qed tgħin ferm biex iż-​żwieġ jirnexxi u tkun taʼ ġid għall-​familja kollha. Darha tkun post taʼ faraġ u sigurtà. Mara li tappoġġa lil żewġha hija imprezzabbli għal raġel spiritwali.—Prov. 18:22.

Żgħażagħ—Żommu Għajnejkom fuq l-​Affarijiet li Ma Jidhrux’

15. Kif jistgħu ż-​żgħażagħ jaħdmu id f’id mal-​ġenituri tagħhom sabiex il-​familja ‘tibqaʼ mqajma’?

15 Kif tistgħu intom iż-​żgħażagħ taħdmu id f’id mal-​ġenituri tagħkom sabiex il-​familja tagħkom ‘tibqaʼ mqajma’ spiritwalment? Ikkunsidra l-​premju li Ġeħova poġġa quddiemek. Forsi sa minn ċkunitek il-​ġenituri tiegħek urewk stampi taʼ kif se tkun il-​ħajja fil-​Ġenna tal-​art. Meta bdejt tikber, huma x’aktarx użaw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani biex jgħinuk iġġib quddiem għajnejk kif se tkun il-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida. Jekk iżżomm għajnejk iffokati fuq is-​servizz lil Ġeħova u tippjana ħajtek fi qbil maʼ dan se tiġi megħjun ‘tibqaʼ mqajjem.’

16, 17. Iż-​żgħażagħ x’jistgħu jagħmlu biex jirnexxilhom jiġru t-​tellieqa għall-​ħajja?

16 Aħseb bis-​serjetà dwar il-​kliem tal-​appostlu Pawlu li nsibu fl-​1 Korintin 9:24. (Aqra.) Iġri t-​tellieqa għall-​ħajja bl-​intenzjoni li tirbaħ. Agħżel triq li se twasslek biex tikseb il-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem. Ħafna ħallew il-​ġiri wara l-​affarijiet materjali jaljenahom u b’hekk ma żammewx għajnejhom fuq il-​premju. Xi bluha! Jekk f’ħajtek ikun moħħok biss biex tikseb ir-​rikkezzi, m’intix se tikseb l-​hena veru. L-​affarijiet li jinxtraw bil-​flus huma temporanji. Iżda, int żomm għajnejk fuq ‘l-​affarijiet li ma jidhrux.’ Għala? Għaliex l-​affarijiet “li ma jidhrux huma għal dejjem.”—2 Kor. 4:18.

17 ‘L-​affarijiet li ma jidhrux’ jinkludu l-​barkiet tas-​Saltna. Ippjana ħajtek b’tali mod li tkun tistaʼ tikseb dawn il-​barkiet. L-​hena veru jiġi milli tuża ħajtek biex taqdi lil Ġeħova. Meta taqdi lill-​Alla l-​veru se jkollok opportunità li tilħaq miri kemm kbar u kemm żgħar. a Miri spiritwali realistiċi jistgħu jgħinuk tibqaʼ ffokat biex taqdi lil Alla bl-​iskop li tikseb il-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem.—1 Ġw. 2:17.

18, 19. Żagħżugħ kif jistaʼ jara jekk il-​verità tkunx f’qalbu?

18 Żgħażagħ, l-​ewwel pass fit-​triq li twassal għall-​ħajja hu li jkollkom il-​verità f’qalbkom. Għamiltu int dan il-​pass? Staqsi lilek innifsek: ‘Jien persuna spiritwali, jew niddependi mill-​ġenituri tiegħi biex nieħu sehem fl-​attivitajiet spiritwali? Qiegħed jien nikkultiva kwalitajiet li jogħġbu lil Alla? Qiegħed jien nagħmel sforz biex inżomm rutina konsistenti f’li nieħu sehem f’attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-​qima vera bħat-​talb, l-​istudju, l-​attendenza għal-​laqgħat, u s-​servizz tal-​għalqa b’mod regulari? Qiegħed jien nersaq qrib lejn Alla billi niżviluppa relazzjoni persunali miegħu?ʼ—Ġak. 4:8.

19 Irrifletti fuq l-​eżempju taʼ Mosè. Minkejja li ġie mġiegħel jidra kultura barranija, hu għażel li jiġi identifikat bħala aduratur taʼ Ġeħova minflok bħala bin bint il-​Fargħun. (Aqra Ebrej 11:24-​27.) Żgħażagħ Kristjani, intom ukoll jeħtieġ li tkunu determinati li taqdu lil Ġeħova fedelment. Jekk tagħmlu dan se tiksbu l-​hena veru, l-​aqwa kwalità taʼ ħajja llum, u t-​tama li taqbdu “qabda soda mal-​ħajja vera.”—1 Tim. 6:19.

20. Fit-​tellieqa għall-​ħajja, min jirċievi l-​premju?

20 Fil-​logħob tal-​qedem, ġerrej wieħed biss kien jirbaħ it-​tellieqa. Dan ma japplikax għat-​tellieqa għall-​ħajja. Hija r-​rieda t’Alla “li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Tim. 2:3, 4) Ħafna qablek ġrew din it-​tellieqa b’suċċess, u ħafna qed jiġru flimkien miegħek. (Ebr. 12:1, 2) Il-​premju jiħduh dawk li ma jaqtgħux qalbhom. Għalhekk kun determinat li tirbaħ!

21. X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

21 Il-​miġja tal-​“jum il-​kbir taʼ Ġeħova, jum li jqanqal il-​biżaʼ” hija inevitabbli. (Mal. 4:5) Il-​familji Kristjani għandhom ikunu lesti għal dan il-​jum. Huwa vitali li kull membru tal-​familja jerfaʼ r-​responsabbiltà Skritturali tiegħu stess. X’tistaʼ tagħmel iktar biex tibqaʼ mqajjem spiritwalment u ssaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħek m’Alla? Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu tliet fatturi li jeffettwaw il-​ġid spiritwali tal-​familja kollha.

[Nota taʼ taħt]

X’Tgħallimt?

• Għala hu essenzjali li l-​familji Kristjani ‘jibqgħu mqajmin’?

• Kif jistaʼ raġel miżżewweġ jimita lir-​Ragħaj mill-​Aħjar?

• X’tistaʼ tagħmel mara eżemplari biex tappoġġa lil żewġha?

• Kif jistgħu ż-​żgħażagħ jgħinu biex iżommu lill-​familji tagħhom imqajmin spiritwalment?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

Mara li tappoġġa lil żewġha hija imprezzabbli għal raġel spiritwali