Fiduċja Sħiħa f’Ġeħova Tnissel Sens taʼ Sigurtà
“Ġeħova jismaʼ meta nsejjaħlu.”—SALM 4:3.
1, 2. (a) David liema sitwazzjoni ferm perikoluża ffaċċja? (b) Liema salmi se niddiskutu?
IS-SULTAN DAVID ħakem fuq Iżrael għal xi żmien. Darba minnhom, hu ffaċċja sitwazzjoni ferm perikoluża. L-iben makakk tiegħu, Absalom, iddikjara lilu nnifsu sultan u David ġie mġiegħel jitlaq minn Ġerusalemm. Ukoll, hu ġie tradut minn ħabib tal-qalb, u mbagħad mexa ħafi jibki fuq l-Għolja taż-Żebbuġ akkumpanjat minn ftit uħud leali. Iktar minn hekk, Simgħi, li kien jappartjeni lil familja taʼ dar is-Sultan Sawl, xeħet il-ġebel u t-trab lejn David waqt li kien qed jisħtu.—2 Sam. 15:30, 31; 16:5-14.
2 Din is-sitwazzjoni taʼ tbatija li nqalgħet, wasslitu lil David f’Xeol b’niket u b’għajb? Le għax hu fada f’Ġeħova. Dan hu evidenti fit-tielet Salm li ġie komponut minn David u li jitkellem dwar il-ħarba tiegħu. Hu kiteb ukoll ir-rabaʼ Salm. Dawn iż-żewġ kompożizzjonijiet jesprimu l-konvinzjoni li Alla jismaʼ u jwieġeb it-talb. (Salm 3:4; 4:3) Dawn is-salmi jassigurawna li Ġeħova jinsab mal-qaddejja leali tiegħu lejl u nhar, u jberikhom billi jagħtihom l-appoġġ tiegħu, kif ukoll il-paċi, u sens taʼ sigurtà. (Salm 3:5; 4:8) Mela ejja nikkunsidraw dawn is-salmi u naraw kif inisslu sens taʼ sigurtà u jippromwovu fiduċja f’Alla.
Meta ‘Ħafna Jqumu Kontrina’
3. Bħalma jintwera f’Salm 3:1, 2 x’kienet is-sitwazzjoni taʼ David?
3 Messaġġier qal: “Qalb l-irġiel taʼ Israel daret għal wara Absalom.” (2 Sam. 15:13) Mgħaġġeb kif Absalom kien kapaċi jikkonvinċi tant nies biex jappoġġawh, David staqsa: “O Ġeħova, għalfejn kotru daqshekk l-avversarji tiegħi? Għala hemm ħafna li qed iqumu kontrija? Bosta qed jgħidu dwari: ‘M’hemmx salvazzjoni għalih minn Alla.’” (Salm 3:1, 2) Ħafna Iżraelin ħasbu li Ġeħova ma kienx se jsalva lil David mill-inkwiet li ġabu fuqu Absalom u sħabu.
4, 5. (a) David minn xiex kien ċert? (b) Xi jfisser il-kliem ‘Dak li jgħollili rasi’?
4 Iżda David ħass sens taʼ sigurtà għax kellu fiduċja sħiħa f’Alla. Hu kanta: “Madankollu, O Ġeħova, int tarka madwari, int il-glorja tiegħi u Dak li tgħollili rasi.” (Salm 3:3) David kien ċert li Ġeħova kien se jipproteġih, sewwasew bħalma tarka tipproteġi suldat. Iva, is-sultan imdaħħal fiż-żmien kien qed jaħrab, rasu mgħottija u baxxuta bl-umiljazzjoni. Iżda l-Iktar Għoli kien se jbiddel il-kundizzjoni taʼ David għal waħda taʼ glorja. Ġeħova kien se jippermettilu jieqaf dritt, jgħolli rasu, u għal darb’oħra jżommha mgħollija. David sejjaħ lil Alla, b’fiduċja li Hu kien se jwieġbu. Turi int fiduċja bħal din f’Ġeħova?
5 Bil-kliem ‘Dak li jgħollili rasi,’ David kien jaf li l-għajnuna li kien se jirċievi kienet se tiġi mingħand Ġeħova. Il-Bibbja Today’s English Version tgħid: “Imma int, O MULEJ, dejjem tkun it-tarka tiegħi mill-periklu; int tagħtini r-rebħa u terġaʼ tkebbes ġewwa fija l-kuraġġ.” Rigward l-espressjoni ‘Dak li jgħollili rasi,’ xogħol taʼ referenza jgħid: “Meta Alla jgħolli . . . ‘ras’ dak li jkun, Hu jimlieh bit-tama u bis-sens taʼ sigurtà.” Imġiegħel iħalli t-tron taʼ Iżrael, David kellu raġun iħossu qalbu maqtugħa. Madankollu, il-fatt li Alla ‘jgħollilu rasu’ kien se jirriżulta f’kuraġġ imġedded, sens taʼ sigurtà, u fiduċja sħiħa f’Alla.
‘Ġeħova Se Jwieġeb!’
6. David għala qal li t-tweġiba għat-talba tiegħu ġiet mill-muntanja qaddisa taʼ Ġeħova?
6 B’fiduċja f’Ġeħova u mimli b’sens taʼ sigurtà, David kompla jkanta: “B’leħen għoli nsejjaħ lil Ġeħova, u hu jwiġibni mill-muntanja qaddisa tiegħu.” (Salm 3:4) Sabiex jiġu osservati l-ordnijiet taʼ David, l-arka tal-patt, li tissimbolizza l-preżenza t’Alla, ittieħdet fuq il-Muntanja Sijon. (Aqra t-2 Samwel 15:23-25.) Mela, mhux taʼ b’xejn li David qal li t-tweġiba għat-talba tiegħu ġiet mill-muntanja qaddisa taʼ Ġeħova.
7. David għala ma ħassux beżgħan?
7 Peress li kien ċert li t-talb lil Alla ma kienx se jkun għalxejn, David ma ħassux beżgħan. Minflok, hu kanta: “Jien immur nimtedd biex norqod; u nqum, għax Ġeħova jibqaʼ jwiżinni.” (Salm 3:5) Anki bil-lejl, meta l-periklu taʼ attakk għal għarrieda jkun ikbar, David ma kienx beżgħan li jmur jorqod. Hu kien ċert li se jqum għax l-esperjenzi tiegħu tal-passat għamluh assolutament fiduċjuż li setaʼ jistrieħ fuq l-appoġġ t’Alla li ma jfalli qatt. Aħna wkoll nistgħu nħossuna hekk jekk inżommu mat-“triqat taʼ Ġeħova” u qatt ma nitilquh.—Aqra t-2 Samwel 22:21, 22.
8. Salm 27:1-4 kif juri li David kellu fiduċja f’Alla?
8 Is-sens taʼ sigurtà u l-fiduċja sħiħa li David kellu f’Alla huma evidenti f’salm ieħor minn tiegħu, wieħed li fih dan il-kliem ispirat: “Ġeħova hu d-dawl tiegħi u s-salvazzjoni tiegħi. Minn min se nibżaʼ? Ġeħova hu l-fortizza taʼ ħajti. Minn min se nitkexkex? . . . Għalkemm armata tistaʼ tikkampja kontrija, qalbi ma tibżax. . . . Ħaġa waħda tlabt mingħand Ġeħova—lilha se nfittex, li ngħammar fid-dar taʼ Ġeħova l-jiem kollha taʼ ħajti, biex nara s-sbuħija taʼ Ġeħova u biex inħares b’apprezzament lejn it-tempju tiegħu.” (Salm 27:1-4) Jekk int tħossok hekk, u jekk iċ-ċirkustanzi tiegħek jippermettu, int se tattendi b’mod regulari l-laqgħat tal-kongregazzjoni mal-qaddejja sħabek taʼ Ġeħova.—Ebr. 10:23-25.
9, 10. Minkejja l-kliem taʼ Salm 3:6, 7, għala tgħid li David ma kellux spirtu vendikattiv?
9 Għalkemm David iffaċċja t-tradiment t’Absalom u n-nuqqas taʼ lealtà taʼ ħafna wħud oħrajn, hu kanta: “Ma nibżax minn għaxriet t’eluf taʼ nies li jinġemgħu kontrija minn kull naħa. Qum, O Ġeħova! Salvani, O Alla tiegħi! Idrob lill-għedewwa kollha tiegħi fuq ix-xedaq. Kisser snien il-ħżiena.”—Salm 3:6, 7.
10 David ma kellux spirtu vendikattiv. Li kieku l-għedewwa tiegħu kellhom jiġu ‘midrubin fuq ix-xedaq,’ Alla kellu jkun il-wieħed li jagħmel dan. Is-Sultan David kiteb kopja persunali tal-Liġi u kien jaf li fiha Ġeħova ddikjara: “Il-vendetta hi tiegħi, u t-tpattija.” (Dt. 17:14, 15, 18; 32:35) Huwa Alla wkoll li kellu ‘jkisser snien il-ħżiena.’ Li jkissrilhom snienhom ifisser li jagħmilhom bla setgħa biex jagħmlu l-ħsara. Ġeħova jaf min huma l-ħżiena għax hu “jara l-qalb.” (1 Sam. 16:7) Kemm aħna grati li Alla jagħtina l-fidi u s-saħħa biex nieqfu sodi kontra l-iktar wieħed ħażin, Satana, li dalwaqt se jiġi mitfugħ fl-abbiss bħal iljun jgħajjat imma bla snien—tajjeb biss għall-qerda!—1 Pt. 5:8, 9; Riv. 20:1, 2, 7-10.
“Is-Salvazzjoni Hi taʼ Ġeħova”
11. Għala għandna nitolbu għal sħabna fit-twemmin?
11 David irrealizza li Ġeħova biss setaʼ jġib il-ħelsien li hu tant kellu bżonn. Imma s-salmista ma ħasibx fih innifsu biss. Xi ngħidu għan-nies li bħala poplu kellhom l-approvazzjoni taʼ Ġeħova? B’mod xieraq, David ikkonkluda l-kompożizzjoni ispirata tiegħu bil-kliem: “Is-salvazzjoni hi taʼ Ġeħova. Il-barka tiegħek qiegħda fuq il-poplu tiegħek.” (Salm 3:8) Huwa minnu li David kellu problemi kbar, iżda hu żamm f’moħħu lin-nies taʼ Ġeħova inġenerali u kien fiduċjuż li Alla kien se jberikhom. M’għandniex aħna wkoll inżommu f’moħħna lil sħabna fit-twemmin? Ejja niftakru fihom fit-talb tagħna u nitolbu lil Ġeħova biex jagħtihom l-ispirtu qaddis tiegħu sabiex ikunu jistgħu jrabbu l-kuraġġ u jaġixxu b’sens taʼ sigurtà meta jiddikjaraw l-aħbar tajba.—Efes. 6:17-20.
12, 13. Xi ġralu Absalom, u David kif irreaġixxa?
12 Ħajjet Absalom intemmet bl-għajb—twissija għal dawk kollha li jabbużaw minn oħrajn, speċjalment mill-uħud midlukin t’Alla, bħal David. (Aqra Proverbji 3:31-35.) Seħħet ġlieda u l-forzi taʼ Absalom ġew megħlubin. Absalom innifsu kien riekeb fuq bagħal meta f’daqqa waħda xagħru, li kien oħxon u f’saħħtu, tħabbel maʼ biċċa minn fergħa baxxa taʼ siġra kbira. Hu sab ruħu mdendel hemm—ħaj iżda ma setaʼ jagħmel xejn—sakemm Ġowab qatlu billi niffidlu tliet vleġeġ f’qalbu.—2 Sam. 18:6-17.
13 Feraħ David meta sar jaf x’kien ġralu ibnu? Le. Minflok, hu beda jippassiġġa ’l hemm u ’l hawn, jibki u jgħajjat: “Ibni Absalom, ibni, ibni Absalom! O mhux li mitt jien, jien stess, minflokok, Absalom ibni, ibni!” (2 Sam. 18:24-33) Il-kliem taʼ Ġowab biss kellu jkun biex joħroġ lil David min-niket li kważi ħakmu. Xi tmiem traġiku għal Absalom, li l-egoiżmu tiegħu qanqlu jiġġieled kontra missieru stess—il-midluk taʼ Ġeħova—u jġib diżastru fuqu nnifsu!—2 Sam. 19:1-8; Prov. 12:21; 24:21, 22.
David Reġaʼ Esprima Fiduċja f’Alla
14. X’jistaʼ jintqal dwar il-kompożizzjoni taʼ Salm 4?
14 Bħat-tielet Salm, ir-rabaʼ Salm huwa talba bil-ħrara minn David li tagħti evidenza li hu kellu fiduċja sħiħa f’Ġeħova. (Salm 3:4; 4:3) Forsi David ikkompona din l-għanja biex jesprimi serħan u gratitudni lejn Alla wara li l-azzjonijiet t’Absalom kienu fallew. Jew forsi kitibha bil-kantanti Leviti f’moħħu. Kien x’kien il-każ, il-meditazzjoni fuq din l-għanja tistaʼ ssaħħilna l-fiduċja tagħna f’Ġeħova.
15. Għala nistgħu nitolbu b’fiduċja lil Ġeħova permezz taʼ Ibnu?
15 David reġaʼ wera fiduċja sħiħa f’Alla u wera sens taʼ sigurtà fl-effettività tat-talb. Hu kanta: “Meta nsejjaħ wiġibni, O Alla ġust tiegħi. Fi żmien id-dwejjaq, oħroġni fil-wisaʼ. Ħenn għalija u ismaʼ t-talba tiegħi.” (Salm 4:1) Anki aħna nistgħu nkunu fiduċjużi b’mod simili jekk nipprattikaw il-ġustizzja. Peress li aħna konxji li Ġeħova, l-“Alla ġust,” ibierek lin-nies retti, nistgħu b’fiduċja nitolbu lilu permezz taʼ Ibnu b’fidi fis-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù. (Ġw. 3:16, 36) X’paċi jagħtina dan!
16. David għala setaʼ ħassu skuraġġit?
16 Kultant nistgħu niffaċċjaw sitwazzjoni skuraġġanti li tisirqilna s-sens taʼ sigurtà. Għal xi żmien, dan setaʼ kien minnu fil-każ taʼ David, għax hu kanta: “O wlied il-bnedmin, kemm se ddumu tinsultaw il-glorja tiegħi, waqt li tibqgħu tħobbu l-frugħat, waqt li tibqgħu tipprovaw issibu gidba?” (Salm 4:2) L-espressjoni “wlied il-bnedmin” b’mod evidenti tirreferi għall-bnedmin b’mod mhux favorevoli. L-għedewwa taʼ David kienu ‘jħobbu l-frugħat.’ Fil-Bibbja New International Version dan il-vers jiġi tradott: “Kemm se ddumu tħobbu d-delużjonijiet u tfittxu allat foloz?” Anki jekk inħossuna skuraġġiti minħabba dak li jkun għamel ħaddieħor, ejja nkomplu nitolbu bil-ħrara u nuru fiduċja sħiħa fl-uniku Alla veru.
17. Spjega kif nistgħu naġixxu fi qbil maʼ Salm 4:3.
17 Il-fiduċja taʼ David f’Alla hi ċara mill-kliem: “Kunu afu li Ġeħova jittrattah b’mod speċjali lil dak li hu leali lejh; Ġeħova jismaʼ meta nsejjaħlu.” (Salm 4:3) Il-kuraġġ u l-fiduċja sħiħa f’Ġeħova huma meħtiġin sabiex nibqgħu leali lejh. Pereżempju, dawn il-kwalitajiet huma meħtiġin minn familja Kristjana meta qarib li ma jkunx niedem jiġi maqtugħ mis-sħubija. Alla jonora lil dawk leali lejh u li jżommu mal-mogħdijiet tiegħu. Għaldaqstant, il-lealtà u l-fiduċja sħiħa f’Ġeħova jippromwovu l-ferħ fost il-poplu tiegħu.—Salm 84:11, 12.
18. Fi qbil maʼ Salm 4:4, x’għandna nagħmlu jekk ġejna suġġetti għal kliem jew għemil li jkun weġġagħna?
18 Xi ngħidu jekk xi ħadd jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tirritana? Nistgħu nibqgħu ferħanin jekk nagħmlu dak li jgħid David: “Jekk tibdew tħossukom aġitati, tidinbux. Tkellmu f’qalbkom, fis-sodda tagħkom, u ibqgħu siekta.” (Salm 4:4) Jekk ġejna suġġetti għal kliem jew għemil li jkun weġġagħna, ejja ma nidinbux billi npattu. (Rum. 12:17-19) Nistgħu nesprimu s-sentimenti tagħna dwar il-kwistjoni permezz tat-talb meta nkunu fis-sodda. Jekk nitolbu dwar il-kwistjoni, nistgħu narawha f’dawl differenti u nkunu mqanqlin biex naħfru bi mħabba. (1 Pt. 4:8) Taʼ min jinnota l-parir tal-appostlu Pawlu f’dan ir-rigward, li milli jidher hu bbażat fuq Salm 4:4: “Jekk tinkorlaw, tidinbux; tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati, u tagħtux wisaʼ lix-Xitan.”—Efes. 4:26, 27.
19. Salm 4:5 kif jistaʼ jgħinna b’konnessjoni mas-sagrifiċċji spiritwali tagħna?
19 Meta saħaq dwar il-bżonn li jkollna fiduċja f’Alla, David kanta: “Offru s-sagrifiċċji tas-sewwa, u afdaw f’Ġeħova.” (Salm 4:5) Is-sagrifiċċji offruti mill-Iżraelin kienu jkunu taʼ valur biss jekk in-nies kien ikollhom motivi xierqa. (Is. 1:11-17) Sabiex is-sagrifiċċji spiritwali tagħna jkunu aċċettabbli għal Alla, anki aħna jeħtieġ li jkollna motivi xierqa u li nafdaw fih kompletament.—Aqra Proverbji 3:5, 6; Ebrej 13:15, 16.
20. Xi tfisser il-frażi ‘d-dawl taʼ wiċċ Ġeħova’?
20 David kompla jgħid: “Hemm ħafna li qed jgħidu: ‘Min se jurina affarijiet tajbin?’ Itfaʼ d-dawl taʼ wiċċek fuqna, O Ġeħova.” (Salm 4:6) ‘Id-dawl taʼ wiċċ Ġeħova’ jfisser favur divin. (Salm 89:15) Għalhekk, meta David talab: “Itfaʼ d-dawl taʼ wiċċek fuqna,” hu ried ifisser ‘urina favur.’ Minħabba li nafdaw f’Ġeħova, aħna għandna l-favur tiegħu u nħossu ferħ kbir hekk kif inkomplu nagħmlu r-rieda tiegħu b’sens taʼ sigurtà.
21. Minn xiex niġu assigurati jekk nieħdu sehem bis-sħiħ fix-xogħol tal-ħsad spiritwali li qed issir illum?
21 Minħabba li ħares ’il quddiem għall-ferħ li jagħtina Alla u li jisboq il-ferħ taʼ żmien il-ħsad, David kanta lil Ġeħova: “Int tferraħli qalbi iktar milli ferħu huma meta kellhom ħafna qmuħ u nbid ġdid.” (Salm 4:7) Aħna nistgħu nibqgħu ċerti li se nesperjenzaw ferħ mill-qalb jekk nieħdu sehem bis-sħiħ fix-xogħol tal-ħsad spiritwali li qed isir illum. (Lq. 10:2) Bil-“ġens kotran” taʼ wħud midlukin li qed jieħdu t-tmexxija, issa qed nifirħu hekk kif in-numru tal-‘ħassada’ jkompli jikber. (Is. 9:3) Qiegħed int tieħu sehem b’mod tassew sodisfaċenti f’dan il-ħsad taʼ ferħ?
Komplu Rsistu b’Fiduċja Sħiħa f’Alla
22. Fi qbil maʼ Salm 4:8, l-Iżraelin kif swielhom taʼ ġid meta żammew mal-Liġi t’Alla?
22 David ikkonkluda dan is-salm bil-kliem: “Nimtedd u norqod fil-paċi, għax int waħdek, O Ġeħova, tħallini ngħammar fis-sigurtà.” (Salm 4:8) Meta l-Iżraelin żammew mal-Liġi taʼ Ġeħova kienu fil-paċi miegħu u ħassewhom fiż-żgur. Pereżempju, “Ġuda u Israel baqgħu jgħammru fis-sigurtà” matul il-ħakma taʼ Salamun. (1 Slat. 4:25) Dawk li kienu jafdaw f’Alla kienu jgawdu paċi saħansitra anki meta l-ġnus taʼ madwarhom kienu ostili. Bħal David, aħna norqdu fil-paċi għax Alla jġegħelna nħossuna fiż-żgur.
23. X’se nesperjenzaw jekk ikollna fiduċja sħiħa f’Alla?
23 Ejja nkomplu nirsistu fis-servizz taʼ Ġeħova. Jalla wkoll nitolbu bil-fidi u b’hekk nesperjenzaw “il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Flp. 4:6, 7) X’ferħ kbir iġibilna dan! U jekk nibqgħu nafdaw bis-sħiħ f’Ġeħova żgur nistgħu niffaċċjaw il-futur b’sens taʼ sigurtà.
Int Kif Twieġeb?
• Liema problemi ffaċċja David minħabba Absalom?
• Salm 3 kif inissel sens taʼ sigurtà?
• Salm 4 b’liema modi jistaʼ jsaħħilna l-fiduċja tagħna f’Ġeħova?
• Kif nistgħu nibbenefikaw jekk ikollna fiduċja sħiħa f’Alla?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 29]
Anki meta ħarab minħabba Absalom, David kellu fiduċja f’Ġeħova
[Stampi f’paġna 32]
Għandek int fiduċja sħiħa f’Ġeħova?