“Indokratur mill-Aħjar u Ħabib Għażiż”
JOHN (JACK) BARR, li qeda bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, temm il-ħajja tiegħu fuq l-art nhar is-Sibt filgħodu, 4 taʼ Diċembru, 2010, fl-età taʼ 97 sena. Hu ġie deskritt bħala “indokratur mill-aħjar u ħabib għażiż.”
Ħuna Jack Barr twieled f’Aberdeen, l-Iskozja. Hu kien l-iżgħar fost tliet aħwa. Il-ġenituri tiegħu kienu t-tnejn li huma mill-midlukin. Ħuna Barr spiss kien jitkellem b’għożża dwar it-trobbija tiegħu fil-familja; hu kien grat għall-eżempju li jispikka li ħallewlu l-għeżież ġenituri tiegħu.
Lejn il-bidu tas-snin tal-adoloxxenza tiegħu, iż-żagħżugħ Jack beda jsibha ferm diffiċli biex jitkellem maʼ nies li ma jafhomx. Però, hu ħadem iebes biex jegħleb din il-problema. Fil-fatt, darba l-Ħadd waranofsinhar fl-1927, meta Jack kellu 14-il sena, stqarr maʼ missieru li kien lest biex jieħu sehem miegħu fix-xogħol tal-ippritkar minn bieb għal bieb. Dan kien il-bidu tal-bosta snin li qattaʼ fis-servizz lil Ġeħova. Minn dakinhar sa meta miet, Ħuna Barr baqaʼ żeluż fl-ippritkar tal-aħbar tajba.
Inċident traġiku li kważi sewa ħajjet ommu l-għażiża ġiegħel liż-żagħżugħ Jack jaħseb bis-serjetà dwar l-iskop tal-ħajja. B’hekk, fl-1929 iddedika lilu nnifsu lil Ġeħova, u fl-1934 issimbolizza d-dedikazzjoni tiegħu mal-ewwel opportunità li kellu. Imbagħad fl-1939, hu sar membru tal-familja taʼ Betel f’Londra, l-Ingilterra. Dan kien il-bidu tal-karriera tiegħu fis-servizz full-time li damet 71 sena.
Fid-29 t’Ottubru tal-1960, Ħuna Barr daħal f’“relazzjoni prezzjuża ħafna,” bħalma kien isejħilha hu, billi żżewweġ lil Mildred Willett, li kienet ilha taqdi b’mod żeluż bħala pijuniera u missjunarja. Ħuna u Oħtna Barr kienu magħrufin bħala koppja miżżewġa eżemplari u devota, u hekk baqgħu sakemm Mildred temmet il-ħajja tagħha fuq l-art f’Ottubru tal-2004. Matul il-ħajja miżżewġa tagħhom, Ħuna u Oħtna Barr kienu jaqraw flimkien silta mill-Bibbja kuljum.
Għal dawk li kienu jafuh, l-isem Jack Barr ifakkarhom f’raġel li kien jagħti pariri għaqlin—dejjem bilanċjati, dejjem mogħtijin b’qalb tajba, u bbażati mill-Iskrittura. Hu kien ħaddiem bieżel, indokratur li kien juri konsiderazzjoni u mħabba, u wkoll ħabib leali. Il-kummenti, it-taħditiet, u t-talb tiegħu kienu juru kemm kellu mħabba għall-verità u kemm kellu relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova.
Minkejja li se nimmissjaw lill-għażiż Ħuna Barr, aħna nifirħu għax irċieva l-għotja tiegħu tal-immortalità. Dan il-privileġġ kien qed iħares ’il quddiem għalih u spiss kien jitkellem dwaru; kien privileġġ li minn dejjem xtaq.—1 Kor. 15:53, 54. a
[Nota taʼ taħt]
a Għall-bijografija taʼ John E. Barr, ara It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Lulju, 1987, paġni 26 sa 31.