Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘O Kemm Hu Profond l-Għerf t’Alla!’

‘O Kemm Hu Profond l-Għerf t’Alla!’

“O kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-​ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu!” —RUM. 11:33.

1. X’inhu l-​akbar privileġġ għall-​Kristjani mgħammdin?

 LIEMA hu l-​akbar privileġġ li qatt ngħatajt? Għall-​ewwel forsi taħseb f’xi inkarigu li ngħatajt jew f’xi unur li rċivejt. Madankollu, l-​akbar privileġġ għalina l-​Kristjani mgħammdin huwa li l-​uniku Alla veru Ġeħova jippermettilna li jkollna relazzjoni mill-​qrib miegħu. Dan wassal biex ‘Alla jkun jaf’ lilna.—1 Kor. 8:3; Gal. 4:9.

2. Għala huwa privileġġ daqshekk kbir li nkunu nafu lil Ġeħova u li hu jkun jaf lilna?

2 Għala huwa privileġġ daqshekk kbir li nkunu nafu lil Ġeħova u li hu jkun jaf lilna? Għax mhux biss hu l-​aqwa Persunaġġ fl-​univers kollu iżda huwa wkoll il-​Protettur taʼ dawk l-​uħud li jħobb. Il-​profeta Naħum ġie mnebbaħ biex jikteb: “Ġeħova hu tajjeb, post taʼ sigurtà f’jum l-​hemm. U jaf b’dawk li jfittxu l-​kenn fih.” (Naħ. 1:7; Salm 1:6) Fil-​fatt, il-​prospett li għandna taʼ ħajja taʼ dejjem jiddependi milli nsiru nafu lill-​Alla l-​veru u lil Ibnu, Ġesù Kristu.—Ġw. 17:3.

3. X’jinvolvi li nsiru nafu lil Alla?

3 Li nsiru nafu lil Alla jfisser iktar milli sempliċement inkunu nafu l-​isem letterali tiegħu. Irridu nsiru nafuh bħala Ħabib billi nifhmu xi jħobb u x’ma jħobbx. Ukoll, li ngħixu fi qbil maʼ dan l-​għarfien jilgħab parti importanti f’li nuru li sirna nafu lil Alla b’mod intimu. (1 Ġw. 2:4) Iżda jeħtieġ xi ħaġa oħra jekk sinċerament nixtiequ nsiru nafu lil Ġeħova. Jeħtieġ inkunu nafu mhux biss x’għamel hu iżda wkoll kif u għala aġixxa b’dan il-​mod. Iktar ma nifhmu l-​iskopijiet taʼ Ġeħova, iktar se niġu mqanqlin biex nistagħġbu b’‘kemm hu profond l-​għerf t’Alla.’—Rum. 11:33.

Alla taʼ Skop

4, 5. (a) Il-​kelma “skop,” kif tintuża fil-​Bibbja, għal xiex tirreferi? (b) Agħti eżempju li juri kif skop jistaʼ jintlaħaq b’iktar minn mod wieħed.

4 Ġeħova hu Alla taʼ skop, u l-​Bibbja titkellem dwar “l-​iskop etern” tiegħu. (Efes. 3:10, 11) Din l-​espressjoni xi tfisser verament? Kif tintuża fil-​Bibbja, il-​kelma “skop” tirreferi għal mira speċifika, jew għan, li tistaʼ tintlaħaq b’iktar minn mod wieħed.

5 Pereżempju: Individwu forsi jkun jixtieq jivvjaġġa lejn xi destinazzjoni speċifika. Imbagħad, li jasal f’din id-​destinazzjoni ssir il-​mira jew l-​iskop tiegħu. Hu jistaʼ jkollu diversi għażliet rigward il-​mezz taʼ trasport li jistaʼ juża u r-​rotot li jistaʼ jieħu. Hu u jivvjaġġa matul ir-​rotta li jkun għażel, għandu mnejn jiffaċċja kundizzjonijiet tat-​temp mhux mistennijin, konġestjoni tat-​traffiku, u toroq magħluqin, u b’hekk ikollu jieħu rotta oħra. Iżda, ikunu xi jkunu l-​aġġustamenti li jkollu bżonn jagħmel, hu xorta jkun laħaq il-​mira tiegħu meta jasal fid-​destinazzjoni tiegħu.

6. Ġeħova kif wera li hu lest li jagħmel bidliet sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu?

6 Bl-​istess mod, Ġeħova għamel bidliet konsiderevoli sabiex iwettaq l-​iskop etern tiegħu. Minħabba li jqis il-​libertà tal-​għażla li għandhom il-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu, hu lest li jaġġusta l-​mod li bih iwettaq l-​iskop tiegħu. Pereżempju, ejja nikkunsidraw kif Ġeħova jwettaq l-​iskop tiegħu rigward in-​Nisel imwiegħed. Oriġinalment, Ġeħova qal lill-​ewwel koppja umana: “Nisslu u oktru u imlew l-​art u rażżnuha.” (Ġen. 1:28) Kien dan l-​iskop li tlissen imfixkel mir-​ribelljoni li seħħet fil-​ġnien tal-​Għeden? Assolutament le! Ġeħova mill-​ewwel irreaġixxa għal din is-​sitwazzjoni ġdida billi ħa “rotta” oħra biex iwettaq l-​iskop tiegħu. Hu bassar li kellu jidher “nisel” li jreġġaʼ lura l-​ħsara li saret mir-​ribelli.—Ġen. 3:15; Ebr. 2:14-​17; 1 Ġw. 3:8.

7. X’nitgħallmu mid-​deskrizzjoni li ta Ġeħova dwaru nnifsu bħalma hu mniżżel bil-​miktub f’Eżodu 3:14?

7 L-​abbiltà taʼ Ġeħova li jadatta ruħu għal ċirkustanzi ġodda filwaqt li jkun fil-​proċess li jwettaq kompletament l-​iskop tiegħu hi fi qbil maʼ deskrizzjoni li ta dwaru nnifsu. Meta Mosè qal lil Ġeħova b’dak li setaʼ jżommu lura milli jwettaq l-​inkarigu li kien ngħata, Ġeħova assigurah billi qallu: “‘Jien se nsir dak li rrid insir.’ U żied: ‘Dan għandek tgħidilhom lil ulied Israel, “Jien se nsir bagħatni għandkom.”’” (Eżo. 3:14) Iva, Ġeħova huwa kapaċi jsir dak li hemm bżonn isir sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu bis-​sħiħ! Dan jintwera b’mod sabiħ mill-​appostlu Pawlu f’kapitlu 11 tal-​ktieb tar-​Rumani. Hemmhekk jitkellem dwar siġra taż-​żebbuġ simbolika. Meta neżaminaw din it-​tixbiha se nkabbru l-​apprezzament tagħna għall-​għerf profond taʼ Ġeħova, sew jekk it-​tama tagħna hi li mmorru fis-​sema u sew jekk hi li niksbu ħajja taʼ dejjem hawnhekk fuq l-​art.

L-​Iskop taʼ Ġeħova Rigward in-​Nisel Imbassar

8, 9. (a) Liema erbaʼ fatti bażiċi se jgħinuna nifhmu t-​tixbiha tas-​siġra taż-​żebbuġ? (b) It-​tweġiba għal liema mistoqsija tirrivela li Ġeħova hu flessibbli fit-​twettiq tal-​iskop tiegħu?

8 Qabel ma nkunu nistgħu nifhmu t-​tixbiha tas-​siġra taż-​żebbuġ, jeħtieġ inkunu nafu erbaʼ fatti dwar l-​iżvilupp tal-​iskop taʼ Ġeħova rigward in-​nisel imbassar. L-​ewwel, Ġeħova wiegħed lil Abraham li “l-​ġnus kollha taʼ l-​art [kienu] se jitbierku” permezz tan-​nisel, jew dixxendenti, tiegħu. (Ġen. 22:17, 18) It-​tieni, il-​ġens taʼ Iżrael li ħareġ minn Abraham ġie offrut il-​prospett li jipproduċi “saltna taʼ qassisin.” (Eżo. 19:5, 6) It-​tielet, meta l-​maġġuranza tal-​Iżraelin naturali m’aċċettawx lill-​Messija, Ġeħova ħa passi oħrajn biex jipproduċi “saltna taʼ qassisin.” (Mt. 21:43; Rum. 9:27-​29) U fl-​aħħar nett, għalkemm Ġesù huwa l-​parti primarja tan-​nisel t’Abraham, oħrajn ngħataw il-​privileġġ li jsiru parti minn dan in-​nisel.—Gal. 3:16, 29.

9 B’dawn l-​erbaʼ fatti bażiċi bħala pedament, fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni nitgħallmu li total taʼ 144,000 individwu se jaħkmu maʼ Ġesù bħala slaten u qassisin fis-​sema. (Riv. 14:1-​4) Dawn jiġu deskritti wkoll bħala “wlied Israel.” (Riv. 7:4-​8) Iżda, huma l-​144,000 kollha Iżraelin naturali, jew Lhud? It-​tweġiba għal din il-​mistoqsija tirrivela li Ġeħova hu flessibbli fit-​twettiq tal-​iskop tiegħu. Ejja naraw kif l-​ittra tal-​appostlu Pawlu lir-​Rumani tgħinna nsibu t-​tweġiba.

“Saltna taʼ Qassisin”

10. Liema prospett esklużiv kellu l-​ġens taʼ Iżrael?

10 Bħalma ssemma qabel, il-​ġens taʼ Iżrael b’mod esklużiv kellu l-​prospett li minnu joħorġu l-​membri li jifformaw “saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Aqra Rumani 9:4, 5.) Iżda x’kien se jiġri meta jasal in-​Nisel imwiegħed? Kellu l-​ġens taʼ Iżrael naturali jipproduċi n-​numru sħiħ taʼ 144,000 Iżraelin spiritwali li kellhom isiru l-​parti sekondarja min-​nisel t’Abraham?

11, 12. (a) Meta bdew jintgħażlu dawk li kellhom jifformaw is-​Saltna tas-​sema, u x’kienet ir-​reazzjoni tal-​maġġuranza tal-​Lhud li kienu jgħixu f’dak iż-​żmien? (b) Ġeħova kif għamlu komplut “l-​għadd sħiħ” taʼ dawk li kellhom isiru n-​nisel t’Abraham?

11 Aqra Rumani 11:7-​10. Bħala ġens, il-​Lhud tal-​ewwel seklu ċaħdu lil Ġesù. Għalhekk, l-​opportunità li jipproduċu n-​nisel t’Abraham ma baqgħetx iktar tagħhom biss. Madankollu, meta f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. bdew jintgħażlu dawk li kellhom jifformaw “is-​saltna taʼ qassisin” fis-​sema, kien hemm xi Lhud b’attitudni xierqa li aċċettaw l-​istedina. Peress li fl-​għadd kienu ftit eluf, dawn kienu biss bħal “fdal” meta mqabblin mal-​ġens Lhudi kollu kemm hu.—Rum. 11:5.

12 Iżda Ġeħova kif kellu jagħmel komplut “l-​għadd sħiħ” taʼ dawk li kellhom isiru n-​nisel t’Abraham? (Rum. 11:12, 25) Innota t-​tweġiba li jagħti l-​appostlu Pawlu: “Madankollu, m’huwiex bħallikieku l-​kelma t’Alla ma seħħitx. Għax mhux dawk kollha li joħorġu minn Israel [naturali] huma tassew ‘Israel.’ Lanqas m’huma lkoll ulied [parti min-​nisel Abrahamiku] għax huma nisel Abraham . . . Jiġifieri, ulied il-​laħam m’humiex tassew ulied Alla, imma wlied il-​wegħda jitqiesu bħala n-​nisel.” (Rum. 9:6-​8) Mela Ġeħova ma kienx jirrikjedi li dawk li se jagħmlu parti min-​nisel kellhom bilfors ikunu fiżikament min-​nisel t’Abraham.

Is-​Siġra taż-​Żebbuġ Simbolika

13. X’jirrappreżentaw (a) is-​siġra taż-​żebbuġ, (b) l-​għerq tagħha, (ċ) iz-​zokk tagħha, u (d) l-​friegħi tagħha?

13 L-​appostlu Pawlu jkompli billi jqabbel lil dawk li jsiru parti min-​nisel t’Abraham maʼ friegħi taʼ siġra taż-​żebbuġ simbolika. a (Rum. 11:21) Din is-​siġra taż-​żebbuġ kultivata tirrappreżenta t-​twettiq tal-​iskop t’Alla rigward il-​patt Abrahamiku. L-​għerq tas-​siġra huwa qaddis u jirrappreżenta lil Ġeħova bħala l-​wieħed li jagħti l-​ħajja lil Iżrael spiritwali. (Is. 10:20; Rum. 11:16) Iz-​zokk jirrappreżenta lil Ġesù bħala l-​parti primarja tan-​nisel t’Abraham. B’mod kollettiv, il-​friegħi jirrappreżentaw “l-​għadd sħiħ” taʼ dawk inklużi fil-​parti sekondarja tan-​nisel t’Abraham.

14, 15. Min kienu dawk li “tqaċċtu” mis-​siġra taż-​żebbuġ kultivata, u min kien imlaqqam fiha?

14 Fit-​tixbiha tas-​siġra taż-​żebbuġ, il-​Lhud naturali li ċaħdu lil Ġesù ġew imxebbhin maʼ friegħi taż-​żebbuġ li “tqaċċtu.” (Rum. 11:17) Għaldaqstant, huma tilfu l-​opportunità li jsiru parti min-​nisel t’Abraham. Iżda min kellu jissostitwihom? Mill-​ħarsa tal-​Lhud naturali, li ħassewhom minfuħin bihom infushom għax kienu proprju dixxendenti t’Abraham, it-​tweġiba lanqas biss kienet tgħaddilhom minn moħħhom. Iżda Ġwanni l-​Għammied kien diġà wissiehom minn qabel li, kieku Ġeħova xtaq, Hu setaʼ jqajjem ulied lil Abraham proprju mill-​ġebel.—Lq. 3:8.

15 Mela, allura Ġeħova x’għamel biex iwettaq l-​iskop tiegħu? Pawlu jispjega li l-​friegħi minn siġra taż-​żebbuġ salvaġġa kienu mlaqqmin f’siġra taż-​żebbuġ kultivata biex jieħdu post il-​friegħi mqaċċtin. (Aqra Rumani 11:17, 18.) B’hekk, il-​Kristjani tal-​ġnus midlukin bl-​ispirtu, bħal xi wħud fil-​kongregazzjoni f’Ruma, kienu mlaqqmin b’mod figurattiv f’din is-​siġra taż-​żebbuġ simbolika. B’hekk, huma saru parti min-​nisel t’Abraham. Oriġinalment, dawn kienu bħal friegħi taż-​żebbuġ salvaġġ—mingħajr l-​opportunità li jkunu parti minn dan il-​patt speċjali. Iżda Ġeħova fetħilhom it-​triq biex isiru Lhud spiritwali.—Rum. 2:28, 29.

16. L-​appostlu Pietru b’liema mod spjega kif ġie fformat il-​ġens spiritwali ġdid?

16 L-​appostlu Pietru jispjega s-​sitwazzjoni b’dan il-​mod: “Għalhekk, għalikom [Iżraelin spiritwali, inkluż il-​Kristjani Ġentili] hu [Ġesù Kristu] prezzjuż, għax intom temmnu; imma għal dawk li ma jemmnux, ‘l-​istess ġebla li twarrbet mill-​bennejja saret il-​ġebla tax-​xewka taʼ fuqnett,’ u ‘ġebla taʼ tfixkil u blata t’offiża.’ . . . Imma intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixxandru maʼ kullimkien il-​kwalitajiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom mid-​dlam għal ġod-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb. Għax darba ma kontux poplu, imma issa l-​poplu t’Alla; kontu dawk li ma ntweritilhomx ħniena, imma issa sirtu dawk li ntweritilhom ħniena.”—1 Pt. 2:7-​10.

17. Dak li għamel Ġeħova b’liema mod kien “kontra n-​natura”?

17 Ġeħova għamel xi ħaġa li ħafna nies iqisuha bħala kompletament mhux mistennija. Pawlu ddeskriva dak li ġara bħala “kontra n-​natura.” (Rum. 11:24) B’liema mod? Għalkemm it-​tilqim taʼ fergħa salvaġġa f’siġra kultivata jidher bħala xi ħaġa stramba u saħansitra mhux naturali, xi bdiewa fl-​ewwel seklu hekk kienu jagħmlu. b B’mod simili, Ġeħova għamel xi ħaġa straordinarja. Mill-​ħarsa Lhudija, il-​Ġentili ma kinux kapaċi jipproduċu frott aċċettabbli. Madankollu, Ġeħova għamel dawn l-​istess uħud parti minn “ġens” li pproduċew frott tas-​Saltna. (Mt. 21:43) Sa minn meta ġie midluk Kornelju—l-​ewwel bniedem Ġentili konvertit mhux ċirkonċiż—fis-​sena 36 E.K., dawk li ma kinux Lhud mhux ċirkonċiżi ngħataw l-​opportunità li jkunu mlaqqmin f’din is-​siġra taż-​żebbuġ simbolika.—Atti 10:44-​48. c

18. Liema opportunità kellhom il-​Lhud naturali wara s-​sena 36 E.K.?

18 Ifisser dan li wara s-​sena 36 E.K. ma kienx hemm iktar opportunità għal-​Lhud naturali biex isiru parti min-​nisel t’Abraham? Le. Pawlu spjega: “Jekk ma jibqgħux bla fidi, huma [l-​Lhud naturali] wkoll jiġu mlaqqmin; għax Alla kapaċi jerġaʼ jlaqqamhom. Għax jekk int kont maqtugħ mis-​siġra taż-​żebbuġ li hi salvaġġa min-​natura u tlaqqamt kontra n-​natura fiż-​żebbuġa t-​tajba, kemm iktar u iktar dawk li huma naturali jistgħu jitlaqqmu fis-​siġra taż-​żebbuġ tagħhom stess!”—Rum. 11:23, 24.

“Israel Kollu Jiġi Salvat”

19, 20. Bħalma jiġi deskritt permezz tas-​siġra taż-​żebbuġ simbolika, Ġeħova xi jwettaq?

19 Tabilħaqq, l-​iskop taʼ Ġeħova rigward “l-​Israel t’Alla” qed jitwettaq b’mod meraviljuż. (Gal. 6:16) Bħalma qal Pawlu, “Israel kollu jiġi salvat.” (Rum. 11:26) Meta jkun iż-​żmien imwaqqat taʼ Ġeħova, “Israel kollu,” jiġifieri n-​numru komplut taʼ Iżraelin spiritwali—se jaqdu bħala slaten u qassisin fis-​sema. Xejn ma jistaʼ jġiegħel l-​iskop taʼ Ġeħova jfalli!

20 Bħalma ġie mbassar, in-​nisel t’Abraham—Ġesù Kristu flimkien mal-​144,000—se jġib barkiet lin-​“nies tal-​ġnus.” (Rum. 11:12; Ġen. 22:18) B’dan il-​mod, il-​poplu kollu t’Alla jibbenefika minn dan l-​arranġament. Ċertament, meta naħsbu dwar it-​twettiq tal-​iskop etern taʼ Ġeħova, ma nistgħux ma nistagħġbux b’“kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla.”—Rum. 11:33.

[Noti taʼ taħt]

a Pawlu m’użax is-​siġra taż-​żebbuġ bħala simbolu tal-​ġens t’Iżrael. Għalkemm fost il-​ġens t’Iżrael tassew kien hemm slaten u qassisin, dawn ma sarux saltna taʼ qassisin. Skont il-​Liġi Mosajka, is-​Slaten f’Iżrael ma setgħux isiru qassisin. Għalhekk, is-​siġra taż-​żebbuġ ma setgħetx tissimbolizza lil dan il-​ġens. Pawlu uża din it-​tixbiha biex juri kif l-​iskop t’Alla li jipproduċi “saltna taʼ qassisin” twettaq b’konnessjoni maʼ Iżrael spiritwali. Dan jissostitwixxi l-​ispjegazzjoni dwar it-​tixbiha taʼ Pawlu li ngħatat qabel fit-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 t’Awwissu, 1983, paġni 14-​19.

c Dan seħħ fi tmiem it-​tliet snin u nofs li matulhom il-​Lhud naturali ngħataw l-​opportunità li jsiru parti mill-​ġens spiritwali ġdid. Il-​profezija dwar is-​70 ġimgħa taʼ snin bassret dan l-​iżvilupp.—Dan. 9:⁠27.

X’Tiftakar?

• X’nitgħallmu dwar Ġeħova mill-​mod kif iwettaq l-​iskop tiegħu?

• F’Rumani kapitlu 11, x’jirrappreżentaw . . .

is-​siġra taż-​żebbuġ?

l-​għerq tagħha?

iz-​zokk tagħha?

il-​friegħi tagħha?

• Il-​proċess tat-​tilqim għala kien “kontra n-​natura”?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampa f’paġna 24]

Għala Kien Isir it-​Tilqim tal-​Friegħi taż-​Żebbuġ Salvaġġ?

 ▪ Luċju Ġunju Moderatu Columella kien suldat Ruman u bidwi li għex fl-​ewwel seklu E.K. Huwa magħruf l-​iktar għat-​12-​il ktieb li kiteb dwar il-​ħajja fil-​kampanja u dwar il-​biedja.

Fil-​ħames ktieb tiegħu hu kkwota dan il-​proverbju tal-​qedem: “Dak li jaħrat il-​masġar taż-​żebbuġ, jitolbu jagħti l-​frott; dak li jdemmlu, jitolbu bil-​ħniena jagħti l-​frott; dak li jiżbru, jisforzah jagħti l-​frott.”

Wara li ddeskriva siġar li jiffjorixxu iżda li jonqsu li jagħtu l-​frott, hu ssuġġerixxa din il-​proċedura: “Ikun tajjeb li ttaqqabhom b’biċċa għodda, u fit-​toqba ddeffes u tissikka sew rimja ħadra meħuda minn siġra taż-​żebbuġ salvaġġa. Ir-​riżultat ikun li s-​siġra taqbad, u b’hekk tagħti l-​frott u ssir iktar produttiva.”

[Stampa f’paġna 23]

Tifhimha int it-​tixbiha tas-​siġra taż-​żebbuġ simbolika?