Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Ġib ir-Rombli, Speċjalment il-Parċmini’

‘Ġib ir-Rombli, Speċjalment il-Parċmini’

BIL-​KLIEM t’hawn fuq, l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju, sieħbu missjunarju, biex jiħodlu xi materjal bil-​miktub. Pawlu għal liema tipi taʼ rombli u parċmini kien qed jirreferi? X’ġiegħlu jgħid dan? U x’nistgħu nitgħallmu minn din ir-​rikjesta?

Sa nofs l-​ewwel seklu E.K., meta Pawlu kiteb dan il-​kliem, id-​39 ktieb tal-​Iskrittura Ebrajka kienu ġew maqsumin jew fi 22 jew 24 ktieb, li l-​biċċa l-​kbira minnhom x’aktarx li kienu f’rombli separati. Il-​Professur Alan Millard qal li dawn ir-​rombli għalkemm kienu jiswew ħafna, ‘kienu disponibbli anki għal dawk li kienu xi ftit tat-​tajjeb.’ Xi wħud kellhom aċċess għal minn tal-​inqas wieħed minnhom. Pereżempju, l-​ewnuku Etjopjan kellu romblu fil-​karru tiegħu u kien qed “jaqra b’leħen għoli mill-​ktieb tal-​profeta Isaija.” Hu kien ‘raġel fil-​poter taħt Kandaċe, sultana taʼ l-​Etjopjani u kien fuq it-​teżori kollha tagħha.’ Bilfors li kien għani biżżejjed biex ikollu xi porzjonijiet tal-​Iskrittura.—Atti 8:27, 28.

Fir-​rikjesta tiegħu lil Timotju, Pawlu kiteb: “Meta tiġi, ġibli l-​mantar li ħallejt fi Troas maʼ Karpu, u r-​rombli, speċjalment il-​parċmini.” (2 Tim. 4:13) Dan jissuġġerixxi li Pawlu kellu għadd taʼ kotba. X’setaʼ kellu daqstant importanti fil-​librerija tiegħu iktar mill-​Kelma t’Alla? Rigward il-​kelma “parċmini” f’dan il-​vers, l-​istudjuż tal-​Bibbja A. T. Robertson osserva: “Dawn b’mod partikulari x’aktarx li kienu kopji tal-​kotba tat-​Testment il-​Qadim, peress li l-​parċmina kienet tiswa iktar mill-​papiru.” Minn żgħożitu ’l quddiem, Pawlu kien “mgħallem . . . f’riġlejn Gamaljel,” li kien jgħallem il-​Liġi Mosajka u kien stmat min-​nies kollha. Allura nistgħu nifhmu li Pawlu kien kiseb kopji persunali tar-​rombli tal-​Kelma t’Alla.—Atti 5:34; 22:3.

Kif il-​Kristjani Użaw ir-​Rombli

Xorta waħda, dawk li kellhom xi rombli tal-​Iskrittura Mqaddsa kienu privileġġati. Allura, il-​biċċa l-​kbira mill-​Kristjani f’dak iż-​żmien kif kellhom aċċess għall-​Kelma t’Alla? L-​ittra li Pawlu bagħat qabel lil Timotju tagħtina ħjiel. Hu kiteb: “Sakemm niġi, kompli agħti ruħek għall-​qari pubbliku.” (1 Tim. 4:13) Il-​qari pubbliku kien parti mill-​programm tal-​laqgħat tal-​kongregazzjonijiet Kristjani, prattika tradizzjonali fost il-​poplu t’Alla minn żmien Mosè.—Atti 13:15; 15:21; 2 Kor. 3:15.

Bħala anzjan, Timotju kellu ‘jagħti ruħu’ għall-​qari b’leħen għoli, li minnu kienu jibbenefikaw dawk li ma kellhomx kopji tal-​Iskrittura. Ċertament, matul il-​qari pubbliku tal-​Kelma t’Alla, kollha kienu jagħtu widen b’attenzjoni sabiex ma jitilfux xi kelma, u l-​ġenituri u t-​tfal żgur li kienu jiddiskutu d-​dar dak li kien jinqara fil-​laqgħat.

Ir-​Romblu tal-​Baħar il-​Mejjet taʼ Isaija, li hu magħruf sew, hu twil kważi 7.3 metri. B’virga f’kull tarf u spiss b’għata għall-​protezzjoni, romblu kien ikun tqil. Probabbilment, il-​maġġuranza tal-​Kristjani ma setgħux iġorru ħafna magħhom fl-​ippritkar. Anki jekk Pawlu kellu xi rombli tal-​Iskrittura għall-​użu persunali tiegħu, x’aktarx li ma setax jieħu r-​rombli kollha li kellu fil-​vjaġġi tiegħu. Evidentement, hu ħalla xi ftit għand sieħbu Karpu fi Troas.

X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Eżempju taʼ Pawlu?

Eżatt qabel m’għamel ir-​rikjesta tiegħu, Pawlu, li kien priġunier f’Ruma għat-​tieni darba, kiteb: “Jien iġġilidt il-​ġlieda t-​tajba, ġrejt il-​korsa sat-​tmiem . . . Minn issa ’l quddiem hemm merfugħa għalija l-​kuruna tal-​ġustizzja.” (2 Tim. 4:7, 8) Hu x’aktarx li kiteb dan il-​kliem madwar is-​sena 65 E.K. matul il-​persekuzzjoni li qajjem Neruni. Din id-​darba l-​priġunerija kienet ħarxa ħafna. Fil-​fatt, hu ħass li dalwaqt kien se jinqatel. (2 Tim. 1:16; 4:6) Nistgħu nifhmu għala Pawlu esprima x-​xewqa tiegħu mill-​qalb biex ikollu r-​rombli miegħu. Għalkemm kien fiduċjuż li kien iġġieled il-​ġlieda tajba sat-​tmiem, ixxennaq biex ikompli jsaħħaħ lilu nnifsu billi jistudja l-​Kelma t’Alla.

Timotju x’aktarx li kien għadu f’Efesu meta rċieva r-​rikjesta taʼ Pawlu. (1 Tim. 1:3) Minn Efesu għal Ruma, mit-​triq li tgħaddi minn Troas, bejn wieħed u ieħor hemm 1,600 kilometru. Fl-​istess ittra, Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Agħmel l-​almu tiegħek biex tasal qabel ix-​xitwa.” (2 Tim. 4:21) Il-​Bibbja ma tgħidilniex jekk Timotju sabx dgħajsa biex tieħdu Ruma saż-​żmien li xtaq Pawlu.

X’nistgħu nitgħallmu mir-​rikjesta taʼ Pawlu għar-​“rombli, speċjalment il-​parċmini”? Hu baqaʼ jixxennaq għall-​Kelma t’Alla matul dan l-​iktar perijodu stressanti taʼ ħajtu. Ma tqisx dan bħala sigriet għala dejjem kien ħaj u attiv spiritwalment u sors taʼ inkuraġġiment għal ħafna?

Illum, kemm aħna mberkin jekk għandna kopja persunali tal-​Bibbja kollha! Xi wħud minna saħansitra għandhom diversi kopji u edizzjonijiet. Bħal Pawlu, għandna bżonn nikkultivaw xenqa biex niksbu fehma akbar tal-​Iskrittura. Mill-​14-​il ittra ispirata li Pawlu kellu l-​privileġġ jikteb, it-​tieni ittra tiegħu lil Timotju kienet l-​aħħar waħda. Ir-​rikjesta persunali tiegħu tidher lejn l-​aħħar tal-​ktieb. Infatti, it-​talba bil-​ħrara taʼ Pawlu lil Timotju biex ‘iġib ir-​rombli, speċjalment il-​parċmini,’ kienet waħda mill-​aħħar xewqat tiegħu li tniżżlu bil-​miktub.

Hija x-​xewqa qawwija tiegħek li tiġġieled il-​ġlieda t-​tajba tal-​fidi sat-​tmiem, sewwasew bħalma għamel Pawlu? Tixtieq tibqaʼ żżomm lilek innifsek attiv fis-​servizz taʼ Ġeħova u preparat biex tieħu sehem fix-​xogħol tal-​għoti taʼ xhieda sakemm il-​Mulej iridna nkomplu? Allura, għala ma tagħmilx dak li Pawlu inkuraġġixxa lill-​Kristjani biex jagħmlu? “Oqgħod attent il-​ħin kollu għalik innifsek u għat-​tagħlim tiegħek,” billi b’ħeġġa u b’mod kostanti tistudja l-​Bibbja, li issa hi disponibbli għal iktar nies minn qatt qabel f’forom iktar konvenjenti mir-​rombli.—1 Tim. 4:16.

[Mappa/Stampi f’paġna 18, 19]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Efesu

Troas

Ruma