Abraham Verament Kellu l-Iġmla?
L-IĠMLA kienu fost l-annimali domestiċi li Abraham irċieva mingħand il-Fargħun, tgħid il-Bibbja. (Ġen. 12:16) Meta l-qaddej t’Abraham għamel vjaġġ twil lejn il-Mesopotamja, “ħa għaxar iġmla mill-iġmla taʼ sidu.” Għalhekk, il-Bibbja b’mod ċar tgħid li Abraham kellu l-iġmla madwar il-bidu tat-tieni millenju Q.E.K.—Ġen. 24:10.
Xi wħud ma jaċċettawhx dan. Il-ktieb New International Version Archaeological Study Bible jirrapporta: “Xi studjużi ddibattew l-awtentiċità storika taʼ dawn ir-referenzi għall-iġmla għax il-maġġuranza
jemmnu li dawn l-annimali ma kinux ġeneralment immansati sa madwar is-sena 1200 Q.K., ħafna wara ż-żmien t’Abraham.” Għalhekk, kwalunkwe referenza Biblika għall-iġmla ma tkunx eżatta għax l-iġmla ma kinux jintużaw b’dan il-mod fil-perijodi taʼ żmien li jkopru dawn ir-rakkonti Bibliċi.Madankollu, xi studjużi oħrajn jargumentaw li għalkemm l-immansar tal-iġmla sar fattur importanti madwar it-tmiem tat-tieni millenju, dan ma jfissirx li l-iġmla ma kinux jintużaw qabel. Il-ktieb Civilizations of the Ancient Near East jgħid: “Riċerka reċenti ssuġġeriet li l-immansar tal-iġmla seħħ fix-Xlokk tal-Arabja xi żmien fit-tielet millenju [Q.E.K.]. Oriġinarjament, dawn x’aktarx li kienu mrobbijin għall-ħalib, il-pil, il-ġilda, u l-laħam tagħhom, imma n-nies probabbilment ma damux ma rrealizzaw li setgħu jużaw l-iġmla biex iġorru t-tagħbija.” Din id-data li tmur lura qabel iż-żmien t’Abraham tidher li hi appoġġata minn fdalijiet taʼ għadam u fdalijiet oħrajn arkeoloġiċi.
Teżisti wkoll evidenza bil-miktub. L-istess xogħol taʼ referenza jgħid: “Fil-Mesopotamja, listi kunejformi jsemmu l-bhima [il-ġemel] u tidher fuq diversi siġilli, u dan jindika li l-annimal għandu mnejn wasal fil-Mesopotamja sal-bidu tat-tieni millenju,” jiġifieri, sa żmien Abraham.
Xi studjużi jemmnu li l-merkanti tan-Nofsinhar tal-Arabja li kienu involuti fin-negozju tal-inċens użaw l-iġmla biex iġorru l-prodotti tagħhom lejn it-Tramuntana, fejn kienu jaqsmu d-deżert biex imorru lejn inħawi bħall-Eġittu u s-Sirja, u b’hekk introduċew l-iġmla f’dawn l-inħawi. Dan in-negozju x’aktarx li kien komuni saħansitra mis-sena 2000 Q.E.K. Taʼ interess, Ġenesi 37:25-28 isemmi merkanti Ismagħelin li użaw l-iġmla biex iġorru l-inċens lejn l-Eġittu madwar mitt sena wara ż-żmien t’Abraham.
Forsi l-iġmla ma kinux daqstant użati fil-Lvant Qarib tal-qedem fil-bidu tat-tieni millenju Q.E.K., iżda l-evidenza donnha tikkonferma li kien hemm min kien jaf bihom. Għalhekk, The International Standard Bible Encyclopedia tikkonkludi: “M’għadux neċessarju li dak li jkun iqis ir-rakkonti li fihom jissemmew l-iġmla fi żmien il-patrijarki bħala li mhumiex eżatti, ladarba hemm biżżejjed evidenza arkeoloġika tal-immansar tal-iġmla qabel żmien il-patrijarki.”