Hemm Aħbar Tajba li Kulħadd Għandu Bżonnha
“L-aħbar tajba; fil-fatt, hi l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni.”—RUM. 1:16.
1, 2. Int għala tipprietka l-“aħbar tajba tas-saltna,” u liema aspetti tagħha tenfasizza?
‘JIEN ferħan li naqsam m’oħrajn l-aħbar tajba kuljum.’ X’aktarx li dan il-ħsieb ġieli għaddielek minn moħħok jew esprimejtu bil-kliem. Bħala Xhud devot taʼ Ġeħova, int taf kemm hu importanti li tipprietka “din l-aħbar tajba tas-saltna.” Għandek mnejn tafha bl-amment il-profezija taʼ Ġesù dwar li nagħmlu dan.—Mt. 24:14.
2 Meta tipprietka “l-aħbar tajba tas-saltna,” int tkun qed tkompli dak li beda Ġesù. (Aqra Luqa 4:43.) Bla dubju, punt wieħed li tenfasizza hu li Alla dalwaqt se jintervieni fl-affarijiet tal-bnedmin. Bit-“tribulazzjoni kbira,” hu se jġib ir-reliġjon falza fi tmiemha u se jneħħi l-ħażen minn fuq l-art. (Mt. 24:21) Int probabbilment tenfasizza wkoll il-fatt li s-Saltna t’Alla se terġaʼ ġġib Ġenna fuq l-art sabiex il-paċi u l-hena jkunu jistgħu jiffjorixxu. Infatti, l-“aħbar tajba tas-saltna” hi parti mill-“aħbar tajba [li xxandret] minn qabel lil Abraham, jiġifieri: ‘Permezz tiegħek jitbierku l-ġnus kollha.’”—Gal. 3:8.
3. Għala nistgħu ngħidu li l-appostlu Pawlu enfasizza aħbar tajba fil-ktieb tar-Rumani?
3 Però, jistaʼ jkun li forsi m’aħniex qed nagħtu biżżejjed attenzjoni lil aspett fundamentali tal-aħbar tajba li n-nies għandhom bżonn? Fl-ittra lir-Rumani, l-appostlu Pawlu uża l-kelma “saltna” darba biss, imma uża l-espressjoni “aħbar tajba” 12-il darba. (Aqra Rumani 14:17.) Pawlu għal liema aspett tal-aħbar tajba rrefera daqstant spiss f’dan il-ktieb? Din l-aħbar tajba partikulari għala hi vitali? U għala għandna nżommuha f’moħħna hekk kif nippritkaw “l-aħbar tajba t’Alla” lin-nies fit-territorju tagħna?—Mk. 1:14; Rum. 15:16; 1 Tess. 2:2.
Dak li Kellhom Bżonn Dawk f’Ruma
4. Matul l-ewwel priġunerija tiegħu f’Ruma, Pawlu dwar xiex ipprietka?
4 Hu t’għajnuna li ninnotaw is-suġġetti li Pawlu tkellem dwarhom fl-ewwel priġunerija tiegħu f’Ruma. Naqraw li meta grupp taʼ Lhud żaruh, hu tahom ‘xiehda bir-reqqa dwar (1) is-saltna t’Alla u pprova jipperswadihom dwar (2) Ġesù.’ X’kien ir-riżultat? “Xi wħud bdew jemmnu dak li ntqal, imma oħrajn m’emmnux.” Wara dan, Pawlu ‘b’qalb tajba kien jilqaʼ lil kulmin kien imur għandu; u kien jippriedka (1) is-saltna t’Alla u jgħallem fuq (2) il-Mulej Ġesù Kristu.’ (Atti 28:17, 23-31) B’mod ċar, Pawlu ta attenzjoni lis-Saltna t’Alla. Imma x’enfasizza iktar? Xi ħaġa li hi essenzjali għas-Saltna—l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla.
5. Pawlu dwar liema bżonn reali tkellem fil-ktieb tar-Rumani?
5 In-nies kollha għandhom bżonn ikunu jafu dwar Ġesù u jpoġġu l-fidi fih. Fil-ktieb tar-Rumani, Pawlu tkellem dwar dan il-bżonn. Fil-bidu, hu kiteb dwar “Alla, li bl-ispirtu tiegħi nagħtih servizz sagru bl-aħbar tajba dwar Ibnu.” Hu żied jgħid: “Jien ma nistħix minħabba l-aħbar tajba; fil-fatt, hi l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni taʼ kulmin għandu l-fidi.” Iktar tard irrefera għaż-żmien “meta Alla permezz taʼ Kristu Ġesù jiġġudika l-affarijiet sigrieti tal-bnedmin, skond l-aħbar tajba li nxandar.” U rrakkonta: “Minn Ġerusalemm sa l-Illirja dort dawk l-inħawi nippriedka bir-reqqa l-aħbar tajba dwar il-Kristu.” a (Rum. 1:9, 16; 2:16; 15:19) Għala taħseb li Pawlu enfasizza lil Ġesù Kristu lir-Rumani?
6, 7. X’nistgħu ngħidu dwar kif il-kongregazzjoni Rumana kienet ifformata, u min kien jagħmel parti minnha?
6 Ma nafux kif inbdiet il-kongregazzjoni Rumana. Jistaʼ jkun li xi Lhud jew proseliti li kienu preżenti f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. rritornaw lejn Ruma bħala Kristjani? (Atti 2:10) Jew li forsi xi negozjanti u vjaġġaturi Kristjani xerrdu l-verità f’Ruma? Kien x’kien il-każ, saż-żmien li Pawlu kiteb il-ktieb, madwar is-sena 56 E.K., il-kongregazzjoni kienet ilha stabbilita. (Rum. 1:8) Liema tip taʼ nies ifformaw din il-kongregazzjoni?
7 Xi wħud kellhom sfond Lhudi. Pawlu indirizza lil Androniku u Ġunja bħala “qrabati,” li x’aktarx ifisser qraba li kienu sħabu Lhud. Anki Akwila li kien f’Ruma maʼ martu, Priska, kien Lhudi. (Rum. 4:1; 9:3, 4; 16:3, 7; Atti 18:2) Imma ħafna aħwa li Pawlu bagħat iselli għalihom probabbilment kienu Ġentili. Xi wħud forsi kienu “tad-dar taʼ Ċesari,” u dan forsi jfisser li kienu lsiera taʼ Ċesari u uffiċjali tiegħu li ma kellhomx pożizzjoni għolja.—Flp. 4:22; Rum. 1:6; 11:13.
8. Dawk f’Ruma ffaċċjaw liema sitwazzjoni traġika?
8 Kull Kristjan f’Ruma ffaċċja sitwazzjoni traġika, u anki aħna. Pawlu poġġieha hekk: “Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla.” (Rum. 3:23) B’mod ċar, dawk kollha li kitbilhom Pawlu kellhom bżonn jagħrfu li kienu midinbin u li kellhom ipoġġu l-fidi fil-mezz t’Alla biex jissodisfa dan il-bżonn.
In-Nies Iridu Jirrikonoxxu li Huma Midinbin
9. Pawlu ġibed l-attenzjoni lejn liema riżultat possibbli tal-aħbar tajba?
9 Fil-bidu tal-ittra lir-Rumani, Pawlu pponta lejn ir-riżultat meraviljuż li setaʼ jiġi mill-aħbar tajba li baqaʼ jsemmi: “Jien ma nistħix minħabba l-aħbar tajba; fil-fatt, hi l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni taʼ kulmin għandu l-fidi, l-ewwel tal-Lhudi u mbagħad tal-Grieg.” Iva, is-salvazzjoni kienet possibbli. Madankollu, il-fidi kienet neċessarja, fi qbil maʼ verità profonda kwotata minn Ħabakkuk 2:4: “Il-ġust jgħix permezz tal-fidi.” (Rum. 1:16, 17; Gal. 3:11; Ebr. 10:38) Imma din l-aħbar tajba, li tistaʼ twassal għas-salvazzjoni, kif għandha x’taqsam mal-fatt li “kollha dinbu”?
10, 11. L-idea msemmija f’Rumani 3:23, għala mhijiex stramba għal xi wħud imma għal oħrajn iva?
10 Qabel ma individwu jkun jistaʼ jiżviluppa fidi li ssalva l-ħajja, irid jirrikonoxxi li hu midneb. Din l-idea ma tkunx stramba għal dawk li jitrabbew jemmnu f’Alla u li huma xi ftit familjari mal-Bibbja. (Aqra Ekkleżjasti 7:20.) Sew jekk jaqblu u sew jekk għandhom id-dubji, għall-inqas għandhom xi idea dwar dak li ried ifisser Pawlu meta qal: “Kollha dinbu.” (Rum. 3:23) Però, hekk kif inwettqu l-ministeru tagħna, għandna mnejn niltaqgħu maʼ ħafna li ma jifhmux din l-istqarrija.
11 F’xi pajjiżi, il-bniedem komuni ma jitrabbiex bil-ħsieb li hu (jew hi) twieled bħala midneb, li wiret id-dnub. Veru, hu probabbilment jirrikonoxxi li jiżbalja, li għandu karatteristiki mhux mixtiqin, u li forsi għamel xi affarijiet ħżiena. U josserva li oħrajn jinsabu f’sitwazzjoni simili. Xorta waħda, minħabba t-trobbija tiegħu, ma jifhimx bis-sħiħ għala hu u oħrajn huma hekk. Infatti, b’xi lingwi, jekk tgħid li individwu hu midneb, oħrajn forsi jaħsbu li qed tgħid li hu kriminal jew minn tal-inqas individwu li kiser xi regoli. Ovvjament, individwu li jitrabba f’ambjent bħal dan forsi ma jkunx lest li jqis lilu nnifsu bħala midneb fis-sens li ried ifisser Pawlu.
12. Ħafna għala ma jemmnux li kulħadd hu midneb?
12 Anki f’pajjiżi tal-Kristjaneżmu, ħafna ma jemmnux fl-idea li huma midinbin. Għala le? Anki jekk kultant imorru l-knisja, huma jqisu r-rakkont Bibliku t’Adam u Eva bħala li hu sempliċement storja jew ħrafa. Oħrajn jitrabbew f’ambjent mhux reliġjuż. Huma jiddubitaw jekk jeżistix Alla, u għalhekk ma jifhmux li Esseri Suprem għamel livelli morali għall-bnedmin u li jekk jonqsu milli jżommu maʼ dawn il-livelli jkunu qed jidinbu. F’ċertu sens, huma bħal dawk fl-ewwel seklu li Pawlu ddeskriviehom bħala li “ma kellhomx tama” u bħala li kienu “mingħajr Alla fid-dinja.”—Efes. 2:12.
13, 14. (a) X’inhi raġuni waħda għala dawk li ma jemmnux f’Alla u fid-dnub ma jistgħux iġibu skuża? (b) In-nuqqas taʼ twemmin lil ħafna x’wassalhom biex jagħmlu?
13 Fl-ittra lir-Rumani, Pawlu ppreżenta żewġ raġunijiet għala sfond bħal dan ma jistax ikun skuża—la dak iż-żmien u lanqas illum. L-ewwel raġuni hi li l-ħolqien innifsu jagħti xhieda tal-eżistenza taʼ Ħallieq. (Aqra Rumani 1:19, 20.) Dan hu fi qbil m’osservazzjoni li għamel Pawlu meta minn Ruma kiteb lill-Ebrej: “Kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.” (Ebr. 3:4) Dan ir-raġunar jipponta lejn il-fatt li hemm Ħallieq li bena, jew ħalaq, l-univers kollu kemm hu.
14 Allura Pawlu kellu bażi soda biex jikteb lir-Rumani li kull min—inkluż l-Iżraelin tal-qedem—ta d-devozzjoni tiegħu lil xbihat bla ħajja ‘ma jistax iġib skuża.’ L-istess jistaʼ jingħad dwar dawk li ċedew għal prattiki sesswali immorali li jmorru kontra l-użu naturali tal-ġisem tar-raġel u tal-mara. (Rum. 1:22-27) Billi rrefera għal raġunar bħal dan, Pawlu b’mod xieraq ikkonkluda li “kemm il-Lhud kif ukoll il-Griegi qegħdin ilkoll taħt id-dnub.”—Rum. 3:9.
‘Xhud’
15. Min għandu l-fakultà tal-kuxjenza, u b’liema effett?
15 Il-ktieb tar-Rumani jidentifika raġuni oħra għala n-nies għandhom jagħrfu li huma midinbin u li għandhom bżonn isibu mezz biex joħorġu minn din is-sitwazzjoni traġika. Rigward il-kodiċi tal-liġi li Alla ta lil Iżrael tal-qedem, Pawlu kiteb: “Kulmin dineb taħt il-liġi jiġi ġudikat bil-liġi.” (Rum. 2:12) Biex ikompli r-raġunar tiegħu, hu jsemmi li n-nies tal-ġnus jew gruppi etniċi li mhumiex familjari maʼ din il-kodiċi divina spiss “jagħmlu b’mod naturali l-affarijiet tal-liġi.” Uħud bħal dawn għala spiss jipprojbixxu l-inċest, il-qtil, u s-serq? Pawlu identifika r-raġuni: Għandhom kuxjenza.—Aqra Rumani 2:14, 15.
16. Il-fatt li wieħed ikollu kuxjenza għala ma jfissirx neċessarjament li se jevita d-dnub?
16 Minkejja dan, int x’aktarx rajt li mbilli wieħed ikollu kuxjenza li taġixxi bħal xhud ġewwieni ma jfissirx li se jsegwi l-gwida tagħha. Dan jidher mill-każ t’Iżrael tal-qedem. Għalkemm l-Iżraelin kellhom kemm kuxjenza mogħtija minn Alla kif ukoll liġijiet speċifiċi mingħand Alla kontra s-serq u l-adulterju, spiss marru kemm kontra l-kuxjenza tagħhom kif ukoll kontra l-Liġi taʼ Ġeħova. (Rum. 2:21-23) Kienu ħatjin għal darbtejn, u b’hekk ċertament li kienu midinbin, billi ma żammewx mal-livelli u r-rieda t’Alla. Dan ħassar serjament ir-relazzjoni li kellhom mal-Ħallieq tagħhom.—Lev. 19:11; 20:10; Rum. 3:20.
17. Liema inkuraġġiment insibu fil-ktieb tar-Rumani?
17 Dak li kkunsidrajna mill-ktieb tar-Rumani forsi jpinġi stampa kerha tas-sitwazzjoni umana, inkluż tagħna, quddiem Dak li Jistaʼ Kollox. Madankollu, Pawlu ma waqafx hemm. Billi kkwota l-kliem taʼ David f’Salm 32:1, 2, l-appostlu kiteb: “Henjin dawk li l-għemejjel tagħhom kontra l-liġi nħafrulhom u li dnubiethom ġew mgħottijin; hieni l-bniedem li Ġeħova ma jitolbux kont taʼ dnubu.” (Rum. 4:7, 8) Iva, Alla għamilha possibbli li jaħfer id-dnubiet mingħajr ma jikser il-liġijiet ġusti tiegħu.
Aħbar Tajba Ffokata fuq Ġesù
18, 19. (a) Pawlu fuq liema aspett tal-aħbar tajba ffoka fil-ktieb tar-Rumani? (b) Biex ingawdu l-barkiet tas-Saltna, x’għandna nirrikonoxxu?
18 Int forsi twieġeb, “Din verament aħbar tajba!” Tabilħaqq hekk hi, u ġġibna lura għall-aspett tal-aħbar tajba li Pawlu enfasizza fil-ktieb tar-Rumani. Bħalma ssemma, Pawlu kiteb: “Jien ma nistħix minħabba l-aħbar tajba; fil-fatt, hi l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni.”—Rum. 1:15, 16.
19 Din l-aħbar tajba kienet iffokata fuq l-irwol taʼ Ġesù fit-twettiq tal-iskop t’Alla. Pawlu setaʼ jħares ’il quddiem għall-“jum meta Alla permezz taʼ Kristu Ġesù jiġġudika l-affarijiet sigrieti tal-bnedmin, skond l-aħbar tajba.” (Rum. 2:16) Meta qal dan, ma kienx qed iċekken “is-saltna tal-Kristu u t’Alla” jew dak li se jagħmel Alla permezz tas-Saltna. (Efes. 5:5) Imma wera li biex aħna ngħixu u ngawdu l-barkiet li se jkun hemm taħt is-Saltna t’Alla, irridu nirrikonoxxu (1) is-sitwazzjoni tagħna bħala midinbin f’għajnejn Alla u (2) għala hemm bżonn li neżerċitaw il-fidi f’Ġesù Kristu biex dnubietna jiġu maħfurin. Meta individwu jifhem u jaċċetta dawn l-aspetti tal-iskop t’Alla u jara kif dan jagħtih tama, b’mod xieraq ikun jistaʼ jesklama, “Iva, din verament aħbar tajba!”
20, 21. Fil-ministeru tagħna, għala għandna nżommu f’moħħna l-aħbar tajba li hi enfasizzata fil-ktieb tar-Rumani, u bil-potenzjal għal liema riżultat?
20 Ċertament għandna nżommu f’moħħna dan l-aspett tal-aħbar tajba hekk kif inwettqu l-ministeru Kristjan tagħna. B’referenza għal Ġesù, Pawlu kkwota l-kliem t’Isaija: “Kulmin ipoġġi l-fidi tiegħu fih ma jkunx diżappuntat.” (Rum. 10:11; Is. 28:16) Il-messaġġ bażiku dwar Ġesù forsi ma jkunx stramb għal dawk li huma familjari maʼ dak li tgħid il-Bibbja dwar id-dnub. Però, għal oħrajn dan il-messaġġ se jkun ġdid, xi ħaġa mhix magħrufa jew emmnuta ġeneralment fil-kultura tagħhom. Hekk kif uħud bħal dawn jibdew jemmnu f’Alla u jafdaw fl-Iskrittura, se jkollna bżonn nispjegawlhom l-irwol taʼ Ġesù. L-artiklu li jmiss se jikkunsidra kif Rumani kapitlu 5 jiżviluppa dan l-aspett tal-aħbar tajba. Probabbilment se ssib dan l-istudju utli fil-ministeru tiegħek.
21 Kemm hu premjanti li ngħinu lil uħud taʼ qalb onesta biex jifhmu l-aħbar tajba msemmija darba wara l-oħra fil-ktieb tar-Rumani, l-aħbar tajba li “fil-fatt, hi l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni taʼ kulmin għandu l-fidi.” (Rum. 1:16) Minbarra li ningħataw dan il-premju, se naraw lil oħrajn jaqblu mas-sentiment li kkwota Pawlu f’Rumani 10:15: “Kemm huma sbieħ saqajn dawk li jxandru aħbar tajba t’affarijiet tajbin!”—Is. 52:7.
[Nota taʼ taħt]
a Espressjonijiet simili jidhru f’kotba mnebbħin oħrajn.—Mk. 1:1; Atti 5:42; 1 Kor. 9:12; Flp. 1:27.
Tiftakar Int?
• Il-ktieb tar-Rumani jenfasizza liema aspett tal-aħbar tajba?
• Liema fatt għandna bżonn ngħinu lil oħrajn jifhmu?
• “L-aħbar tajba dwar il-Kristu” kif tistaʼ tfisser barkiet għalina u għal oħrajn?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kumment f’paġna 8]
L-aħbar tajba enfasizzata fil-ktieb tar-Rumani involviet l-irwol vitali taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla
[Stampa f’paġna 9]
Aħna lkoll twelidna b’difett fatali—id-dnub!