“Irgħu l-Merħla t’Alla li Hemm fil-Ħarsien Tagħkom”
“Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom, mhux bilfors, imma minn jeddkom.”—1 PT. 5:2.
1. Il-Kristjani liema ċirkustanzi kienu qed jiffaċċjaw meta Pietru kiteb l-ewwel ittra tiegħu?
XI ŻMIEN qabel ma Neruni beda jippersegwita lill-Kristjani f’Ruma, l-appostlu Pietru kiteb l-ewwel ittra tiegħu. Ried isaħħaħ lil sħabu fit-twemmin. Ix-Xitan kien qed “iħuf,” jipprova jiblaʼ lill-Kristjani. Biex jiqfulu, huma kellhom bżonn ‘jibqgħu f’sensihom’ u ‘jumiljaw ruħhom taħt l-id setgħana t’Alla.’ (1 Pt. 5:6, 8) Kellhom bżonn ukoll jibqgħu magħqudin. Ma setgħux jaffordjaw li ‘jigdmu u jibilgħu lil xulxin,’ għax dan setaʼ jwassalhom biex ‘jinqerdu għalkollox minn xulxin.’—Gal. 5:15.
2, 3. Kontra min għandna nkunu qed niġġieldu, u x’se nikkunsidraw f’din is-serje?
2 Illum, aħna niffaċċjaw sitwazzjoni simili. Ix-Xitan qed ifittex opportunitajiet biex jiblagħna. (Riv. 12:12) U fil-futur qarib se jkun hemm “tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja.” (Mt. 24:21) Sewwasew bħalma l-Kristjani tal-ewwel seklu kellhom joqogħdu attenti li ma jitlewmux bejniethom, hekk ukoll irridu nagħmlu aħna. Biex inwettqu dan, kultant ikollna bżonn l-għajnuna t’anzjani kwalifikati.
3 Ejja nikkunsidraw kif l-anzjani jistgħu jkabbru l-apprezzament tagħhom għall-privileġġ li jirgħu ‘l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħhom.’ (1 Pt. 5:2) Imbagħad se nirriflettu fuq il-mod xieraq kif għandu jitwettaq ix-xogħol pastorali. Fl-artiklu li jmiss, se neżaminaw kif il-kongregazzjoni tistaʼ ‘tistma lil dawk li qegħdin jaħdmu iebes fosthom u jippresiedu fuq’ il-merħla. (1 Tess. 5:12) Konsiderazzjoni taʼ dawn il-kwistjonijiet se tgħinna nieħdu waqfa soda kontra l-Avversarju ewlieni tagħna, billi nirrikonoxxu li hu l-wieħed li qed nissaraw kontrih.—Efes. 6:12.
Irgħu l-Merħla t’Alla
4, 5. L-anzjani kif għandhom iħarsu lejn il-merħla? Agħti tixbiha.
4 Pietru inkuraġġixxa lill-anzjani fost il-Kristjani tal-ewwel seklu biex iħarsu lejn il-merħla fdata f’idejhom kif iħares lejha Alla. (Aqra l-1 Pietru 5:1, 2.) Għalkemm kien meqjus bħala pilastru fil-kongregazzjoni, Pietru ma kellimx lill-anzjani b’mod superjuri. Minflok, hu wissiehom bħala anzjani sħabu. (Gal. 2:9) Bi spirtu bħal taʼ Pietru, il-Ġemgħa li Tiggverna llum tħeġġeġ lill-anzjani tal-kongregazzjoni biex jistinkaw ħalli jwettqu r-responsabbiltà kbira taʼ li jirgħu l-merħla t’Alla.
5 L-appostlu kiteb li l-anzjani kellhom ‘jirgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħhom.’ Kien importanti ferm għalihom li jirrikonoxxu li l-merħla hi taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù Kristu. L-anzjani kellhom jagħtu kont taʼ kif baqgħu għassa fuq in-nagħaġ t’Alla. Ejja ngħidu li ħabib tal-qalb talbek tieħu ħsieb it-tfal tiegħu waqt li hu ma jkunx hemmhekk. Ma tiħux ħsiebhom sew u titmagħhom? Jekk jimrad xi ħadd mit-tfal, ma taċċertax ruħek li jingħata kwalunkwe għajnuna medika li jeħtieġ? B’mod simili, l-anzjani fil-kongregazzjoni għandhom ‘jirgħu l-kongregazzjoni t’Alla, li xtara bid-demm taʼ Ibnu stess.’ (Atti 20:28) Huma jżommu f’moħħhom li kull nagħġa nxtrat bid-demm prezzjuż taʼ Kristu Ġesù. Peress li jridu jagħtu kont, l-anzjani jitimgħu, jipproteġu, u jieħdu ħsieb il-merħla.
6. X’kienet ir-responsabbiltà tar-rgħajja tal-qedem?
6 Aħseb dwar ir-responsabbiltajiet li kellhom ir-rgħajja letterali fi żminijiet Bibliċi. Kellhom jissaportu s-sħana tal-jum u l-kesħa tal-lejl sabiex jindokraw il-merħla. (Ġen. 31:40) Huma saħansitra rriskjaw ħajjithom għan-nagħaġ. It-tfajjel ragħaj David ħeles lill-merħla tiegħu minn bhejjem salvaġġi, inkluż iljun u ors. Rigward kull wieħed minnhom, David qal li ‘ħatfu minn ilħitu u darbu u qatlu.’ (1 Sam. 17:34, 35) Xi qlubija! Min jaf kemm ġie qrib ħalq il-bhima! Xorta waħda, hu għamel kulma setaʼ biex isalva lin-nagħaġ.
7. B’mod figurattiv, l-anzjani kif jistgħu jaħtfu lin-nagħaġ minn ħalq Satana?
7 Illum, l-anzjani għandhom bżonn joqogħdu għassa kontra l-attakki tax-Xitan li huma bħal taʼ ljun. Dan jistaʼ jinvolvi l-att kuraġġuż taʼ li, b’mod figurattiv, jaħtfu lin-nagħaġ minn ħalq ix-Xitan. Billi jaqbdu lill-bhima salvaġġa minn ilħitha, biex ngħidu hekk, l-anzjani jistgħu jsalvaw lin-nagħaġ. Għandhom mnejn jirraġunaw m’aħwa li ma jkunux attenti u li jiġu ttantati min-nases taʼ Satana. (Aqra Ġuda 22, 23.) M’għandniex xi ngħidu, l-anzjani ma jwettqux dan mingħajr l-għajnuna taʼ Ġeħova. Huma jittrattaw b’tenerezza lil nagħġa midruba, billi jinfaxxawha u jidilkuha bil-balzmu tal-Kelma t’Alla li jtaffi l-uġigħ.
8. L-anzjani fejn jiggwidaw lill-merħla, u kif?
8 Ragħaj letterali kien jieħu wkoll lill-merħla lejn mergħa xierqa u post taʼ tisqija. Bl-istess mod, l-anzjani jidderieġu lill-merħla lejn il-kongregazzjoni, billi jinkuraġġixxu l-attendenza regulari għal-laqgħat sabiex il-merħla tkun tistaʼ tiġi mitmugħa tajjeb u tingħata “l-ikel fiż-żmien xieraq.” (Mt. 24:45) L-anzjani forsi jkollhom bżonn iqattgħu iktar ħin jgħinu lil dawk li huma morda spiritwalment biex jaċċettaw in-nutriment mill-Kelma t’Alla. Nagħġa li tbiegħdet forsi tkun qed tipprova tirritorna lejn il-merħla. Minflok ma jintimidaw lil ħuhom, l-anzjani jispjegawlu b’tenerezza l-prinċipji Skritturali u juruh kif jistaʼ japplikahom f’ħajtu.
9, 10. L-anzjani kif għandhom jieħdu ħsieb lil dawk li jkunu morda spiritwalment?
9 Meta timrad, liema tip taʼ tabib tippreferi? Wieħed li jqattaʼ ftit li xejn ħin jisimgħek u mbagħad malajr malajr jiktiblek riċetta sabiex ikun jistaʼ jara l-pazjent li jmiss? Jew tippreferi tikkonsulta tabib li joqgħod jisimgħek, jispjegalek x’għandek, u jurik liema kuri huma possibbli?
10 Bl-istess mod, l-anzjani jistgħu jagħtu widen lill-individwu marid spiritwalment u jgħinuh biex ifiq mill-ferita, u b’hekk, b’mod figurattiv, “jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova.” (Aqra Ġakbu 5:14, 15.) Bħall-balzmu minn Gilegħad, il-Kelma t’Alla tistaʼ ttaffi l-uġigħ tal-marid. (Ġer. 8:22; Eżek. 34:16) Meta jiġu applikati, il-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinu lill-wieħed inċert biex jerġaʼ jikseb il-bilanċ spiritwali. Iva, l-anzjani jagħmlu ħafna ġid ladarba jisimgħu t-tħassib tan-nagħġa marida u jitolbu magħha.
Mhux Bilfors Imma Minn Jeddkom
11. Xi jqanqal lill-anzjani biex jirgħu l-merħla t’Alla minn jeddhom?
11 Pietru mbagħad fakkar lill-anzjani kif ix-xogħol pastorali għandu u m’għandux isir. L-anzjani għandhom jirgħu l-merħla t’Alla, ‘mhux bilfors, imma minn jeddhom.’ Xi jqanqal lill-anzjani biex jaqdu lil ħuthom minn jeddhom? Sewwa, x’kien li qanqal lil Pietru jirgħa u jitmaʼ lin-nagħaġ taʼ Ġesù? Fattur ewlieni kien l-imħabba u l-affezzjoni tiegħu għall-Mulej. (Ġw. 21:15-17) Sforz l-imħabba, l-anzjani “ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom.” (2 Kor. 5:14, 15) Din l-imħabba, flimkien mal-imħabba tagħhom għal Alla u għal ħuthom, iġġiegħel lill-anzjani jaqdu lill-merħla, billi jiddedikaw l-isforzi, ir-riżorsi, u l-ħin tagħhom biex jagħmlu hekk. (Mt. 22:37-39) Huma jagħtu minnhom infushom, mhux kontra qalbhom, imma minn jeddhom.
12. L-appostlu Pawlu sa liema punt ta minnu nnifsu?
12 L-anzjani sa liema punt għandhom jagħtu minnhom infushom? Meta jieħdu ħsieb in-nagħaġ, huma jimitaw lill-appostlu Pawlu, saħansitra bħalma hu imita lil Ġesù. (1 Kor. 11:1) Peress li kellhom affezzjoni tenera għal ħuthom it-Tessalonikin, Pawlu u sħabu kienu kuntenti ferm li ma jagħtuhomx ‘biss l-aħbar tajba t’Alla, imma wkoll ruħhom stess.’ Meta għamlu dan, huma aġixxew bil-ġentilezza, “bħal kif omm li treddaʼ tgħożż lil uliedha.” (1 Tess. 2:7, 8) Pawlu fehem kif omm li treddaʼ kienet tħossha dwar uliedha. Kienet tagħmel kollox għalihom, inkluż li tqum billejl biex titmagħhom.
13. L-anzjani għandhom bżonn iżommu liema bilanċ?
13 L-anzjani għandhom bżonn iżommu l-bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet bħala rgħajja u l-obbligi lejn il-familja tagħhom stess. (1 Tim. 5:8) Il-ħin li jqattgħu l-anzjani mal-kongregazzjoni hu ħin prezzjuż li jistgħu jqattgħuh mal-familja tagħhom. Mod wieħed kif jibbilanċjaw iż-żewġ responsabbiltajiet hu li kultant jistiednu lil oħrajn għal-lejla tal-Qima tal-Familja tagħhom. Matul is-snin, Masanao, anzjan fil-Ġappun, stieden lil uħud mhux miżżewġin u lil familji bla missier spiritwalment għall-istudju tal-familja tiegħu. Maż-żmien, xi wħud li ġew megħjunin saru anzjani huma stess u imitaw l-eżempju mill-aħjar taʼ Masanao.
Warrbu l-Qligħ Diżonest —Irgħu l-Merħla bil-Ħerqa
14, 15. L-anzjani għala għandhom joqogħdu għassa kontra “l-imħabba tal-qligħ diżonest,” u kif jistgħu jimitaw lil Pawlu f’dan ir-rigward?
14 Pietru inkuraġġixxa wkoll lill-anzjani biex jirgħu l-merħla, “mhux għall-imħabba tal-qligħ diżonest, imma bil-ħerqa.” Ix-xogħol tal-anzjani jieħu ammont konsiderevoli taʼ ħin, u madankollu huma ma jistennew ebda kumpens finanzjarju. Pietru ħass li kellu bżonn iwissi lill-anzjani sħabu dwar il-periklu li jirgħu l-merħla “għall-imħabba tal-qligħ diżonest.” Dan il-periklu hu evidenti fil-ħajja lussuża li jgħixu l-mexxejja reliġjużi taʼ “Babilonja l-Kbira” waqt li ħafna nies jiġu sforzati jgħixu ħajja taʼ faqar. (Riv. 18:2, 3) Illum, l-anzjani għandhom raġuni tajba biex joqogħdu għassa kontra kwalunkwe tendenza f’dan ir-rigward.
15 Pawlu ħalla eżempju mill-aħjar għall-anzjani Kristjani. Għalkemm kien appostlu u setaʼ kien “taʼ piż finanzjarju” għall-Kristjani f’Tessalonika, hu ‘ma kiel b’xejn mingħand ħadd.’ Minflok, ‘lejl u nhar ħadem bit-taħbit u t-tbatija.’ (2 Tess. 3:8) Ħafna anzjani taʼ żmienna, inkluż dawk li qegħdin fix-xogħol tal-ivvjaġġar, iħallu eżempju mill-aħjar f’dan ir-rigward. Għalkemm jaċċettaw l-ospitalità minn sħabhom fit-twemmin, huma ma jkunu “taʼ piż finanzjarju” għal ħadd.—1 Tess. 2:9.
16. Xi jfisser li jirgħu l-merħla “bil-ħerqa”?
16 L-anzjani jirgħu l-merħla “bil-ħerqa.” Il-ħerqa tagħhom hi evidenti fl-attitudni tagħhom taʼ sagrifiċċju persunali biex jgħinu lill-merħla. Madankollu, dan ma jfissirx li jisforzaw lill-merħla biex taqdi lil Ġeħova; l-anzjani li jħobbu lanqas ma jinkuraġġixxu lil oħrajn biex jaqdu lil Alla bi spirtu kompetittiv. (Gal. 5:26) L-anzjani jifhmu li kull nagħġa hi unika. Huma ħerqanin biex jgħinu lil ħuthom jaqdu lil Ġeħova bil-ferħ.
Ma Jiddominawx fuq il-Merħla Imma Huma taʼ Eżempju
17, 18. (a) L-appostli għala kultant kellhom diffikultà jifhmu t-tagħlim taʼ Ġesù dwar l-umiltà? (b) Aħna f’liema sitwazzjoni simili nistgħu nsibu ruħna?
17 Kif iddiskutejna, l-anzjani għandhom iżommu f’moħħhom li l-merħla li qed jirgħu hi t’Alla, mhux tagħhom stess. Huma joqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex ma ‘jiddominawx fuq dawk li huma l-wirt t’Alla.’ (Aqra l-1 Pietru 5:3.) Kultant, l-appostli taʼ Ġesù rsistew b’motiv ħażin. Bħal dawk li kienu qed jaħkmu lill-ġnus, huma riedu pożizzjoni prominenti.—Aqra Marku 10:42-45.
18 Illum, l-aħwa rġiel li qed ‘jirsistu għal kariga taʼ indokratur’ jagħmlu sew jekk jeżaminaw ruħhom dwar għala qed jirsistu. (1 Tim. 3:1) Dawk li issa huma anzjani forsi jridu jistaqsu lilhom infushom bis-sinċerità jekk għandhomx xewqa għal awtorità jew prominenza bħalma kellhom xi wħud mill-appostli. Jekk l-appostli kellhom diffikultà f’dan l-aspett, allura l-anzjani jistgħu japprezzaw li għandhom bżonn jaħdmu iebes biex jevitaw kwalunkwe tendenza dinjija li jgawdu awtorità fuq oħrajn.
19. L-anzjani x’għandhom jiftakru meta jieħdu xi azzjoni biex jipproteġu lill-merħla?
19 Huwa veru li l-anzjani kultant ikollhom bżonn ikunu sodi, bħal meta jipproteġu lill-merħla minn “ilpup ħorox.” (Atti 20:28-30) Pawlu qal lil Titu biex jibqaʼ ‘jħeġġeġ u jwiddeb bl-awtorità sħiħa.’ (Titu 2:15) Madankollu, anki meta jkollhom jieħdu azzjoni bħal din, l-anzjani jipprovaw juru d-dinjità lejn dawk li huma involuti. Huma jifhmu li minflok il-kritika bl-aħrax, il-persważjoni bil-ħlewwa hi ġeneralment iktar effettiva biex jilħqu l-qlub u biex iqanqlu lil xi ħadd ħalli jsegwi t-triq it-tajba.
20. L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Ġesù f’li jħallu eżempju mill-aħjar?
20 L-eżempju mill-aħjar taʼ Kristu jimmotiva lill-anzjani biex iħobbu lill-merħla. (Ġw. 13:12-15) Qlubna jitqanqlu hekk kif naqraw kif hu għallem lid-dixxipli tiegħu fix-xogħol tal-ippritkar u taʼ li jagħmlu dixxipli. Il-mudell tal-umiltà tiegħu mess il-qlub tad-dixxipli tiegħu u mmotivahom biex jgħixu b’tali mod li juru li ‘b’umiltà jqisu lill-oħrajn superjuri għalihom.’ (Flp. 2:3) Illum, l-anzjani jiġu mqanqlin bl-istess mod biex isegwu l-eżempju taʼ Ġesù, u huma, min-naħa tagħhom, iridu li jkunu “eżempji għall-merħla.”
21. L-anzjani lejn liema premju jistgħu jħarsu ’l quddiem?
21 Pietru kkonkluda t-twissija tiegħu lill-anzjani billi rrefera għal wegħda li kienet se sseħħ fil-futur. (Aqra l-1 Pietru 5:4.) L-indokraturi midlukin se ‘jirċievu l-kuruna tal-glorja li ma tidbielx’ maʼ Kristu fis-sema. Is-sottorgħajja tan-“nagħaġ oħrajn” se jkollhom il-privileġġ li jirgħu l-merħla t’Alla fuq l-art taħt il-ħakma tar-“ragħaj ewlieni.” (Ġw. 10:16) L-artiklu li jmiss se jiddiskuti modi kif il-membri tal-kongregazzjoni jistgħu jappoġġaw lil dawk li huma maħturin biex jieħdu t-tmexxija.
Bħala Reviżjoni
• Għala kien xieraq li Pietru jwissi lill-anzjani sħabu biex jirgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħhom?
• L-anzjani kif għandhom jirgħu lil uħud li huma morda spiritwalment?
• Xi jqanqal lill-anzjani biex jirgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħhom?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 21]
Bħar-rgħajja tal-qedem, l-anzjani llum iridu jipproteġu lin-“nagħaġ” li hemm fil-ħarsien tagħhom