Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nintroduċu l-Edizzjoni bl-Ingliż Simplifikat

Nintroduċu l-Edizzjoni bl-Ingliż Simplifikat

GĦANDNA l-​pjaċir inħabbru li minn din il-​ħarġa tal-​edizzjoni għall-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa, għal perijodu taʼ sena bi prova, kull xahar se nibdew nippubblikaw simultanjament edizzjoni bl-​Ingliż simplifikat. Se jkun fiha l-​artikli għall-​istudju u, skont l-​ispazju li jkun hemm, xi artikli sekondarji. Aħna nemmnu li din se tissodisfa ħtieġa spiritwali vitali għal ħafna mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għala?

L-​Ingliż huwa l-​lingwa komuni mitkellma minn ħutna li jgħixu f’pajjiżi bħalma huma l-​Fiġi, il-​Gana, il-​Gżejjer Solomon, il-​Kenja, il-​Liberja, in-​Niġerja, u l-​Papwa Ginea Ġdida. Għalkemm ħutna f’dawn il-​pajjiżi għandhom mnejn jitkellmu b’lingwi lokali, jew indiġeni, oħrajn, huma spiss jużaw l-​Ingliż biex jikkomunikaw fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u fil-​ministeru tal-​għalqa kuljum. Madankollu, l-​Ingliż li jużaw hu eħfef minn dak li nużaw fil-​pubblikazzjonijiet tagħna. Ukoll, hemm oħrajn fost in-​nies taʼ Ġeħova li marru joqogħdu f’pajjiżi fejn iridu jużaw l-​Ingliż biex jikkomunikaw, avolja jkunu limitati mhux ħażin bl-​Ingliż. Iktar minn hekk, ma jistgħux jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni li jsiru bil-​lingwa taʼ pajjiżhom.

L-​artikli li nikkunsidraw kull ġimgħa fl-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa huma l-​mezz prinċipali li jżommna fornuti sew b’ikel spiritwali f’waqtu. Għalhekk, biex kull min jattendi jibbenefika bis-​sħiħ minn dan il-​materjal, l-​edizzjoni bl-​Ingliż simplifikat tuża vokabolarju iżgħar bi grammatika u sintassi simplifikata. Din l-​edizzjoni l-​ġdida se jkollha qoxra distintiva. Is-​sottitli, il-​paragrafi, il-​mistoqsijiet bħala reviżjoni, u l-​istampi fl-​artikli għall-​istudju se jkunu jaqblu maʼ dawk fl-​edizzjoni normali. B’hekk, kulħadd se jkun jistaʼ jsegwi fi kwalunkwe edizzjoni u jipparteċipa fl-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Biex tara d-​differenza fil-​kliem fiż-​żewġ edizzjonijiet, ara l-​eżempju hawn taħt mit-​tieni paragrafu tal-​ewwel artiklu għall-​istudju f’din il-​ħarġa.

Hi t-​tama tagħna li dan il-​provvediment ġdid se jwieġeb it-​talb taʼ ħafna li qalu lil Ġeħova: “Għinni nifhem, sabiex nitgħallem il-​kmandamenti tiegħek.” (Salm 119:73) Aħna fiduċjużi li dawk li huma limitati bl-​Ingliż, kif ukoll xi tfal iżgħar li jitkellmu bl-​Ingliż, b’hekk se jkunu jistgħu jippreparaw aħjar għall-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa kull ġimgħa. Nirringrazzjaw ħafna lil Ġeħova li għax ‘iħobb il-​fratellanza kollha’ qed juża lill-​“ilsir leali u għaqli” biex jagħti abbundanza taʼ ikel spiritwali.—1 Pt. 2:17; Mt. 24:45.

Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova