Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Se Ssegwi Int il-Gwida Kollha Mħabba taʼ Ġeħova?

Se Ssegwi Int il-Gwida Kollha Mħabba taʼ Ġeħova?

“Kull mogħdija falza jien bgħadtha.”—SALM 119:128.

1, 2. (a) Meta tistaqsi ħabib għad-​direzzjonijiet, b’liema twissija tieħu pjaċir, u għala? (b) Ġeħova dwar xiex iwissina, u għala?

 IMMAĠINA dan: Għandek bżonn tivvjaġġa lejn ċerta destinazzjoni. Għall-​gwida, tistaqsi lil ħabib li tafdah u li jaf it-​triq. Hekk kif jagħtik direzzjonijiet bid-​dettall, għandu mnejn jgħidlek xi ħaġa hekk: “Oqgħod attent għad-​dawra li jmiss. Is-​sinjal iqarraq. Ħafna nies isegwuh u jispiċċaw mitlufin.” Kieku int, tapprezzah it-​tħassib tiegħu u tagħti kasha t-​twissija? F’ċertu sens, aħna qegħdin fuq vjaġġ. Il-​vjaġġ tagħna jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem. Ġeħova hu l-​ħabib tagħna u jagħtina d-​direzzjonijiet li għandna bżonn biex ngħixu għal dejjem. U jwissina wkoll dwar xi perikli li jistgħu jġegħluna ma nobduhx.—Dt. 5:32; Is. 30:21.

2 F’dan l-​artiklu u f’taʼ warajh se niddiskutu xi perikli li l-​Ħabib tagħna, Alla Ġeħova, iwissina dwarhom. Ejja nżommu f’moħħna li Ġeħova jagħtina dawn it-​twissijiet għax iħobbna. Hu jridna ngħixu għal dejjem. Hu jitnikket meta n-​nies jieħdu deċiżjonijiet ħżiena u ma jibqgħux jaqduh. (Eżek. 33:11) F’dan l-​artiklu se niddiskutu tliet perikli. L-​ewwel periklu jiġi minn nies oħrajn. It-​tieni jiġi minn ġewwa fina. It-​tielet jiġi minn xi ħaġa li mhix reali. Għandna bżonn nitgħallmu x’inhuma dawn il-​perikli u kif Ġeħova jgħinna nevitawhom. Wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja kien jaf b’dawn il-​perikli u qal: “Kull mogħdija falza jien bgħadtha.” (Salm 119:128) Hu bagħad kulma setaʼ jġiegħlu ma jobdix lil Ġeħova. Int hekk tħossok? Ejja naraw kif nistgħu nkunu determinati li nevitaw “kull mogħdija falza.”

“Tmurx Wara l-​Folla”

3. (a) Għala jistaʼ jkun perikoluż li mmorru wara vjaġġaturi oħrajn meta ma nkunux ċerti minn liema triq irridu ngħaddu? (b) Liema prinċipju importanti nsibu f’Eżodu 23:2?

3 Immaġina li qiegħed fuq vjaġġ twil; x’tagħmel int kieku ma tkunx ċert minn liema triq trid tgħaddi? Forsi titħajjar tmur wara vjaġġaturi oħrajn—speċjalment jekk tara ħafna jagħmlu l-​istess għażla. Imma jkun perikoluż li tagħmel hekk. Wara kollox, dawk il-​vjaġġaturi għandhom mnejn ma jkunux sejrin fid-​destinazzjoni tiegħek, jew inkella forsi huma wkoll ikunu mitlufin. Dan l-​eżempju jgħinna nifhmu l-​prinċipju li Ġeħova ried jgħallem lill-​Iżraelin f’waħda mil-​liġijiet li tahom. Dawk li kienu jaqdu bħala mħallfin jew bħala xhieda fi kwistjonijiet ġudizzjarji kienu mwissijin dwar il-​periklu li ‘jmorru wara l-​folla.’ (Aqra Eżodu 23:2.) Huwa faċli ħafna għall-​bnedmin imperfetti biex jagħmlu dan. Imma l-​prinċipju “tmurx wara l-​folla” ma kienx biss għall-​imħallfin u x-​xhieda f’każ legali.

4, 5. (a) Ġożwè u Kaleb meta kienu fil-​periklu li jmorru wara l-​folla? (b) X’għenhom ikollhom kuraġġ?

4 Fil-​fatt, il-​pressjoni biex ‘immorru wara l-​folla’ tistaʼ teffettwana kważi f’kull sitwazzjoni fil-​ħajja. Tistaʼ tinqalaʼ f’daqqa, u tistaʼ tkun diffiċli ħafna biex nirreżistuha. Pereżempju, aħseb fil-​pressjoni li ffaċċjaw Ġożwè u Kaleb. Dawn iż-​żewġ Iżraelin marru fl-​Art Imwiegħda biex jitkixxfu fuqha maʼ għaxart irġiel oħrajn. Meta ġew lura, l-​għaxart irġiel qalu affarijiet dwar l-​Art Imwiegħda li bihom beżżgħu lill-​Iżraelin l-​oħrajn. Pereżempju, qalu li n-​nies t’hemmhekk kienu ġganti mill-​familja tan-​Nefilim. (Ġen. 6:4) Dan kien impossibbli għax in-​Nefilim mietu kollha mijiet taʼ snin qabel fid-​Dilluvju taʼ żmien Noè, u huma ma kellhomx tfal. Imma l-​Iżraelin emmnu dak li qalu dawn l-​għaxart irġiel minħabba li l-​fidi tagħhom kienet dgħajfa. Meta xi ħadd ikollu fidi dgħajfa, hu ma jibqax jafda f’Alla u jibda jemmen ideat foloz tal-​bnedmin. Il-​biċċa l-​kbira tal-​Iżraelin ma damux ma bdew jaħsbu li m’għandhomx isegwu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova biex jidħlu fl-​Art Imwiegħda. Ġożwè u Kaleb x’għamlu f’din is-​sitwazzjoni diffiċli?—Num. 13:25-​33.

5 Huma ma marrux wara l-​folla. Għalkemm l-​Iżraelin ma ridux jisimgħu l-​verità, dawn iż-​żewġt irġiel ma beżgħux jgħiduha. Għamlu dak li kien sewwa saħansitra meta l-​Iżraelin riedu joqtluhom! X’tahom dan il-​kuraġġ? Il-​fidi tagħhom f’Ġeħova. Nies li għandhom il-​fidi jaraw b’mod ċar id-​differenza bejn l-​istqarrijiet bla bażi tal-​bnedmin u bejn il-​wegħdi sagri t’Alla Ġeħova. Meta Ġożwè u Kaleb iktar tard tkellmu dwar il-​fidi tagħhom f’Ġeħova, huma qalu lil kulħadd li hu dejjem jagħmel dak li jwiegħed. (Aqra Ġożwè 14:6, 8; 23:2, 14.) Ġożwè u Kaleb kienu jħobbu lill-​Alla tagħhom u kienu jafdaw fih. Ma riedu jagħmlu xejn li setaʼ jnikket lil Ġeħova sempliċement biex jogħġbu lil nies oħrajn. Għalhekk, ma marrux wara l-​folla, u huma eżempju mill-​aħjar għalina llum.—Num. 14:1-​10.

6. F’liema sitwazzjonijiet inkunu fil-​periklu li mmorru wara l-​folla?

6 Ġieli tkun trid tmur wara l-​folla? Illum hemm folla kbira taʼ nies li huma mbegħdin minn Ġeħova u li jwaqqgħu għaċ-​ċajt il-​livelli morali tiegħu. Fejn jidħlu d-​divertiment u r-​rikreazzjoni, din il-​folla spiss tippromwovi ideat bla bażi. Huma għandhom mnejn jinsistu li l-​immoralità, il-​vjolenza, u l-​ispiritiżmu, li huma tant komuni fil-​programmi televiżivi, fil-​films, u fil-​logħob tal-​kompjuter, ma jagħmlux ħsara. (2 Tim. 3:1-​5) Meta tagħżel id-​divertiment u r-​rikreazzjoni għalik innifsek jew għall-​familja tiegħek, tħalli l-​kuxjenzi laxki t’oħrajn jinfluwenzaw id-​deċiżjonijiet tiegħek u jsawru l-​kuxjenza tiegħek? Ma jkunx dan bħallikieku qed tmur wara l-​folla?

7, 8. (a) Kif inħarrġu “s-​sensi” tagħna? (b) Dan it-​taħriġ għala hu aħjar milli sempliċement insegwu lista taʼ regoli? (ċ) Għala tieħu pjaċir tara l-​eżempju tajjeb taʼ ħafna żgħażagħ Kristjani?

7 Ġeħova tana għotja prezzjuża biex jgħinna nieħdu deċiżjonijiet—“is-​sensi” tagħna, jiġifieri, l-​abbiltà li naħsbu bis-​serjetà dwar l-​affarijiet u mbagħad nagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. Madankollu, dawn is-​sensi għandhom bżonn jitħarrġu “bl-​użu.” (Ebr. 5:14) Ma nistgħux inħarrġu s-​sensi tagħna jekk nagħmlu biss dak li jagħmlu nies oħrajn jew jekk nistennew li oħrajn jgħidulna x’għandna nagħmlu. Għal ħafna affarijiet, għandna bżonn nużaw il-​kuxjenza tagħna u nieħdu d-​deċiżjonijiet aħna stess. Pereżempju, in-​nies taʼ Ġeħova m’għandhomx jistennew li xi ħadd ieħor jieħu deċiżjonijiet għalihom u jagħtihom xi lista taʼ films, kotba, u siti tal-​Internet x’jevitaw. Kieku kellna nżommu maʼ lista, kieku jkollna bżonn listi ġodda l-​ħin kollu. (1 Kor. 7:31) Imma l-​iktar raġuni importanti għala ma nistennewx li oħrajn jieħdu deċiżjonijiet għalina hi għax irridu nużaw l-​abbiltà li tana Ġeħova biex nieħdu d-​deċiżjonijiet. Ġeħova jridna naħsbu bis-​serjetà dwar dak li tgħid il-​Bibbja, nitolbu għall-​gwida tiegħu, u mbagħad nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbuh.—Efes. 5:10.

8 Xi nies mhux se jieħdu pjaċir meta nieħdu deċiżjonijiet li jaqblu mal-​Bibbja. Pereżempju, xi żgħażagħ Kristjani fl-​iskola forsi jiffaċċjaw pressjoni kbira mill-​folla biex jaraw u jagħmlu dak li kulħadd qed jara u jagħmel. (1 Pt. 4:4) Għalhekk, nieħdu pjaċir naraw Kristjani kbar u żgħar jimitaw il-​fidi taʼ Ġożwè u Kaleb, billi jirrifjutaw li jmorru wara l-​folla.

‘Timxix Wara Qalbek u Għajnejk’

9. (a) Meta tkun fuq vjaġġ, għala jistaʼ jkun perikoluż li tagħżel triq sempliċement għax togħġbok? (b) Il-​liġi f’Numri 15:37-​39, għala kienet importanti għall-​Iżraelin?

9 It-​tieni periklu li se nitkellmu dwaru jiġi minn ġewwa fina. Immaġina dan: Qiegħed fuq vjaġġ lejn ċertu post, u għandek mappa biex tgħinek tasal hemmhekk. X’se jiġri jekk tiddeċiedi li ma tużax il-​mappa imma sempliċement tagħżel kull triq li taħseb li għandha veduta sabiħa? Qatt m’int se tasal fejn trid tmur. F’dan ir-​rigward, ikkunsidra liġi oħra li Ġeħova ta lill-​Iżrael tal-​qedem. Ħafna llum ma jifhmux ir-​raġunijiet għal-​liġi dwar il-​freneż u l-​ħajt blu. (Aqra Numri 15:37-​39.) Tifhem għala kienet importanti din il-​liġi? Il-​fatt li kienu jobdu liġi bħal din kien jgħin lill-​poplu t’Alla jżomm lilu nnifsu distint u separat mill-​ġnus pagani taʼ madwaru. Dan kien vitali jekk riedu jiksbu u jżommu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. (Lev. 18:24, 25) Imma kien hemm raġuni oħra għal din il-​liġi. Ejja nikkunsidraw din ir-​raġuni u nitgħallmu iktar dwar it-​tieni periklu li jistaʼ jġegħelna ma nobdux lil Ġeħova.

10. Ġeħova kif wera li jaf lill-​bnedmin sew?

10 Meta Ġeħova ta din il-​liġi lill-​poplu tiegħu, hu tahom din ir-​raġuni għaliha: Biex “ma timxux wara qlubkom u għajnejkom.” Ġeħova qal hekk għax jaf lill-​bnedmin sew. Hu jaf tajjeb kemm qalbna, jew dak li aħna minn ġewwa, titħajjar faċilment minn dak li naraw b’għajnejna. B’hekk, il-​Bibbja twissina: “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha?” (Ġer. 17:9) Mela, qed tara kemm kienet xierqa t-​twissija li Ġeħova ta lill-​Iżraelin? Hu kien jaf sew li huma kienu se jkunu inklinati jħarsu lejn il-​popli pagani taʼ madwarhom u jitħajru minn dak li jaraw. Forsi kienu se jkunu jridu jixbhuhom, u mbagħad forsi jibdew jaħsbu u jaġixxu bħalhom.—Prov. 13:20.

11. Meta nistgħu nkunu fil-​periklu li nimxu wara qalbna u għajnejna?

11 Fi żmienna, huwa saħansitra iktar faċli għall-​qalb qarrieqa tagħna biex titħajjar minn dak li naraw b’għajnejna. Qed ngħixu f’dinja li tagħmilha faċli għalina biex insegwu x-​xewqat ħżiena. Allura kif nistgħu napplikaw il-​prinċipju li hemm f’Numri 15:39? Ikkunsidra: Jekk dawk taʼ madwarek fl-​iskola, fuq il-​post tax-​xogħol, jew fil-​komunità tiegħek qed jilbsu dejjem iktar u iktar provokattiv, tistaʼ int tiġi effettwat? Tistaʼ tiġi ttantat li ‘timxi wara qalbek u għajnejk’ u titħajjar minn dak li tara? Imbagħad, tistaʼ int forsi tiġi ttantat tbaxxi l-​livelli tiegħek stess billi tilbes b’mod simili?—Rum. 12:1, 2.

12, 13. (a) X’għandna nagħmlu jekk kultant inkunu nixtiequ nħarsu lejn dak li hu ħażin? (b) X’jistaʼ jqanqalna nevitaw li nsiru sors taʼ tentazzjoni għal oħrajn?

12 Huwa importanti ħafna li nikkontrollaw ix-​xewqat tagħna. Hemm bżonn li ma nħallux lil għajnejna jħarsu lejn dak li hu ħażin. L-​eżempju tar-​raġel leali Ġob jistaʼ jgħinna. Hu qal li għamel patt m’għajnejh. Kien determinat li qatt ma jħares b’mod romantiku lejn mara li ma kinitx martu. (Ġob 31:1) Is-​Sultan David ħa deċiżjoni simili. Hu qal: “M’iniex se nqiegħed quddiem għajnejja xi ħaġa li m’hi tajba għal xejn.” (Salm 101:3) Bħal David, irridu niddeċiedu li ma nħarsu lejn ebda “ħaġa li m’hi tajba għal xejn,” kull ħaġa li tistaʼ ttemm il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Din tinkludi kwalunkwe tentazzjoni li tħajjar lil għajnejna u li tqiegħed f’qalbna xewqa ħażina u li mbagħad iġġegħelna nagħmlu dak li hu ħażin.

13 Anki aħna nistgħu nsiru “xi ħaġa li m’hi tajba għal xejn” għal oħrajn jekk nagħmlu affarijiet li jġegħluhom ikollhom xewqat ħżiena. Għalhekk, nieħdu bis-​serjetà l-​parir ispirat tal-​Bibbja biex nilbsu lbies adattat u modest. (1 Tim. 2:9) Jekk nilbsu “bil-​modestja,” ma naħsbux biss f’dak li jogħġobna. Nirrispettaw dak li jaħseb ħaddieħor. Aħna rridu nogħġbu lil ħaddieħor iktar milli lilna nfusna. (Rum. 15:1, 2) Il-​kongregazzjoni Kristjana hi mbierka b’eluf taʼ żgħażagħ li jħallu eżempji mill-​aħjar f’dan ir-​rigward. Kemm iferrħuna meta jirrifjutaw li ‘jimxu wara qlubhom u għajnejhom,’ billi minflok jagħżlu li jogħġbu lil Ġeħova f’kulma jagħmlu—saħansitra bil-​mod kif jilbsu!

Issegwix Affarijiet li “M’Humiex Reali”

14. Samwel liema twissija ta dwar affarijiet li “m’humiex reali”?

14 Immaġina li l-​vjaġġ tiegħek jieħdok ġo deżert kbir. X’jiġri kieku titlaq mit-​triq biex tmur wara miraġġ? Li tmur wara din l-​illużjoni jistaʼ jiswielek ħajtek! Ġeħova jaf kemm dan hu perikoluż. Ikkunsidra eżempju. L-​Iżraelin riedu jkunu bħall-​ġnus taʼ madwarhom, li kienu maħkumin minn slaten umani. Fil-​fatt, din ix-​xewqa kienet dnub gravi għax uriet li ma ridux lil Ġeħova jkun is-​Sultan tagħhom. Għalkemm Ġeħova ppermettielhom ikollhom sultan uman, hu bagħat lill-​profeta tiegħu Samwel biex iwissihom. Samwel wissa lill-​Iżraelin dwar il-​periklu li jsegwu affarijiet li “m’humiex reali,” jiġifieri, il-​periklu li jafdaw f’xi ħaġa li ma setgħetx tgħinhom verament.—Aqra l-1 Samwel 12:21.

15. L-​Iżraelin b’liema modi ġrew wara affarijiet li “m’humiex reali”?

15 Ħasbu dawk in-​nies li sultan uman kien b’xi mod se jkun iktar reali, iktar taʼ min joqgħod fuqu, minn Ġeħova? Jekk kien hekk, huma kienu verament qed jiġru wara xi ħaġa mhix reali! U kienu fil-​periklu li jmorru wara ħafna iktar illużjonijiet sataniċi. Is-​slaten umani kienu se jwassluhom faċilment għall-​idolatrija. L-​idolatri b’mod falz jaħsbu li oġġetti fiżiċi—allat magħmulin mill-​injam jew mill-​ġebel—huma b’xi mod iktar reali, iktar taʼ min joqgħod fuqhom, mill-​Alla inviżibbli, Ġeħova, li ħalaq l-​affarijiet kollha. Imma bħalma nnota l-​appostlu Pawlu, l-​idoli mhuma “xejn.” (1 Kor. 8:4) Ma jistgħux jaraw, jisimgħu, jitkellmu, jew jaġixxu. Forsi tistaʼ tarahom u tmisshom, imma li kellek tqim wieħed minnhom, int tkun, fil-​fatt, qed tiġri wara xi ħaġa mhix reali—illużjoni fiergħa li se ġġib biss diżastru.—Salm 115:4-​8.

16. (a) Illum, Satana kif iġiegħel lin-​nies isegwu affarijiet li “m’humiex reali”? (b) Għala nistgħu ngħidu li l-​affarijiet materjali huma affarijiet li “m’humiex reali,” speċjalment meta mqabblin m’Alla Ġeħova?

16 Satana hu makakk ħafna, u għadu jġiegħel lin-​nies isegwu affarijiet li “m’humiex reali.” Pereżempju, hu jġiegħel lil ħafna jemmnu li jekk ikollhom flus, impjieg tajjeb, u affarijiet sbieħ, se jkunu ferħanin u fis-​sigurtà. Huma jaħsbu li jistgħu jafdaw f’dawn l-​affarijiet biex jgħinuhom isolvu l-​problemi tagħhom kollha. Imma dawn l-​affarijiet kemm jistgħu jgħinuhom lin-​nies meta jimirdu, jew meta l-​ekonomija tkun ħażina, jew meta jkun hemm diżastru naturali? Dawn l-​affarijiet kif jistgħu jgħinuhom meta jħossu li ħajjithom m’għandha ebda skop? Jistgħu dawn l-​affarijiet iwieġbu l-​mistoqsijiet importanti li għandhom dwar il-​ħajja? Jgħinuhom lin-​nies meta jkunu qorbu lejn il-​mewt? Jekk nafdaw fil-​flus u fl-​affarijiet se nkunu diżappuntati. Dawn ma jistgħux jagħtuna dak li għandna bżonn biex inkunu ferħanin, u ma jistgħux jeħilsuna mill-​mard u l-​mewt. Dawn huma affarijiet li “m’humiex reali.” (Prov. 23:4, 5) Mela, kemm huwa iktar reali Alla tagħna Ġeħova! Huwa biss meta jkollna relazzjoni b’saħħitha miegħu li jistaʼ jkollna sigurtà ġenwina. X’barka prezzjuża hi din! Ejja qatt ma nitilquh biex niġru wara affarijiet li mhumiex reali.

17. Int x’se tagħmel dwar it-​twissijiet li hemm f’dan l-​artiklu?

17 Aħna ferħanin li Ġeħova hu l-​ħabib tagħna u li jiggwidana fil-​vjaġġ tagħna lejn il-​ħajja taʼ dejjem. Jekk nibqgħu nagħtu kashom it-​twissijiet tiegħu, nistgħu ngħixu għal dejjem. F’dan l-​artiklu tgħallimna dwar tliet perikli li jġiegħlu lil ħafna nies jaqbdu triq ħażina: il-​folla, qalbna stess, u affarijiet li “m’humiex reali.” Fl-​artiklu li jmiss se nitgħallmu dwar tliet twissijiet oħra li Ġeħova jagħtina biex jgħinna nobogħdu u nevitaw kull “mogħdija falza.”—Salm 119:128.

Int X’Taħseb?

Kif tistaʼ tuża l-​prinċipji f’dawn l-​iskritturi?

Eżodu 23:2

Numri 15:37-​39

1 Samwel 12:21

Salm 119:128

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 11]

Ġieli titħajjar tmur wara l-​folla?

[Stampa f’paġna 13]

Għala hu perikoluż li timxi wara qalbek u għajnejk?

[Stampa f’paġna 14]

Qiegħed issegwi affarijiet li “m’humiex reali”?