Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Se Tagħti Kashom Int it-Twissijiet Ċari taʼ Ġeħova?

Se Tagħti Kashom Int it-Twissijiet Ċari taʼ Ġeħova?

“Din hi t-​triq. Imxu fiha.”—IS. 30:21.

1, 2. Satana x’inhu determinat li jagħmel, u l-​Bibbja kif tgħinna?

 META tkun qed tivvjaġġa fi triq, tabella li tipponta lejn id-​direzzjoni żbaljata tistaʼ ġġiegħlek taqbad triq ħażina. Dan jistaʼ jkun perikoluż. Immaġina li ħabib iwissik li raġel mill-​agħar biddel tabella taʼ triq għax irid li n-​nies jintilfu. Int żgur li se tagħti kasha t-​twissija tal-​ħabib tiegħek.

2 Il-​Bibbja titkellem dwar żewġ toroq. Waħda twassal għall-​qerda u l-​oħra għall-​ħajja taʼ dejjem. Tgħid li ħafna qegħdin fit-​triq għall-​qerda. Satana qarraq bihom bħal dak ir-​raġel mill-​agħar, u hu determinat li jqarraq bina wkoll. (Riv. 12:9) Il-​perikli kollha li ddiskutejna dwarhom fl-​aħħar artiklu huma affarijiet li juża Satana biex iġegħelna ma nobdux lil Ġeħova u nitilqu mit-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem. (Mt. 7:13, 14) Imma tgħallimna wkoll li l-​ħabib tagħna, Alla Ġeħova, iwissina dwar l-​inganni taʼ Satana. Issa se nikkunsidraw tliet affarijiet oħra li juża Satana biex iqarraq bina u kif il-​Bibbja tgħinna nevitawhom. Meta naqraw il-​Bibbja nistgħu nimmaġinaw li Ġeħova qed jimxi warajna u qed jgħidilna: “Din hi t-​triq. Imxu fiha.” (Is. 30:21) Hekk kif se nistudjaw dawn it-​twissijiet ċari, se nsiru iktar determinati biex nagħmlu dak li jgħidilna Ġeħova.

Tmurx Wara “Għalliema Foloz”

3, 4. (a) L-​għalliema foloz kif inhuma bħall-​bjar vojti? (b) Spiss, l-​għalliema foloz minn fejn jiġu, u xi jridu?

3 Immaġina lilek innifsek fuq vjaġġ f’art niexfa. Fil-​bogħod, int tilmaħ bir u timxi lejh, bit-​tama li jkun fih l-​ilma biex taqtaʼ l-​għatx. Madankollu, meta tasal, tara li l-​bir hu niexef qoxqox. Kemm tkun diżappuntat! Għalliema foloz huma bħal bjar vojti. Kull min imur għandhom għall-​ilmijiet tal-​verità se jkun diżappuntat bl-​ikrah. Ġeħova permezz tal-​appostli Pawlu u Pietru jwissina dwar l-​għalliema foloz. (Aqra Atti 20:29, 30; 2 Pietru 2:1-​3.) Min huma dawn l-​għalliema? Il-​kliem ispirat taʼ dawn iż-​żewġ appostli jgħinna nidentifikaw minn fejn jiġu l-​għalliema foloz u kif jaħdmu.

4 Lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni t’Efesu, Pawlu qalilhom: “Minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin.” U f’ittra lill-​Kristjani sħabu, Pietru kiteb: “Ikun hemm ukoll għalliema foloz fostkom.” Allura minn fejn jiġu l-​għalliema foloz? Dawn jistgħu jiġu minn ġewwa l-​kongregazzjoni. Uħud bħal dawn huma apostati. a Xi jridu? Dawn mhumiex kuntenti li sempliċement jitilqu mill-​organizzazzjoni li forsi xi darba kienu jħobbuha. Pawlu spjega li l-​mira tagħhom hi li “jiġbdu lid-​dixxipli għal warajhom.” Innota l-​artiklu definit fl-​espressjoni “lid-​dixxipli.” Minflok ma jmorru barra biex jagħmlu dixxipli tagħhom stess, l-​apostati jipprovaw jieħdu d-​dixxipli taʼ Kristu magħhom. Bħal “ilpup imġewħin,” l-​apostati jridu jeqirdu l-​fidi tal-​membri tal-​kongregazzjoni u jriduhom jitilqu mill-​verità.—Mt. 7:15; 2 Tim. 2:18.

5. L-​għalliema foloz liema metodi jużaw?

5 Kif jaħdmu l-​għalliema foloz? Il-​metodi tagħhom jikxfu spirtu makakk. L-​apostati “jdaħħlu baxx baxx” ideat korrotti. Bħall-​kuntrabandisti, huma jaħdmu b’manjiera klandestina, billi minn taħt idaħħlu ideat apostati. U bħalma falsifikatur tas-​sengħa jipprova juża dokumenti foloz, hekk l-​apostati jużaw “kliem qarrieq,” jew argumenti foloz, billi jipprovaw jippreżentaw l-​ideat li jivvintaw huma bħala li huma minnhom. Huma jifirxu “tagħlim qarrieq,” u ‘jgħawġu l-​Iskrittura’ biex iġiegħlu lil oħrajn jemmnu l-​ideat tagħhom. (2 Pt. 2:1, 3, 13; 3:16) B’mod ċar, l-​apostati ma jimpurtahomx minna. Jekk insegwu lilhom, se nitilqu mit-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem.

6. Il-​Bibbja liema twissija ċara tagħtina rigward l-​għalliema foloz?

6 Kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna mill-​għalliema foloz? Il-​Bibbja tgħidilna b’mod ċar x’għandna nagħmlu. (Aqra Rumani 16:17; 2 Ġwanni 9-​11.) “Evitawhom,” tgħid il-​Kelma t’Alla. Dan ifisser li għandna nżommu ’l bogħod minnhom. It-​twissija mill-​Bibbja hi bħal twissija mingħand tabib li jgħidlek biex tevita persuna li għandha marda li tittieħed. It-​tabib jaf li jekk taqbdek il-​marda, se tmut. It-​twissija tiegħu hi ċara, u int se tagħmel dak li jgħidlek. Il-​Bibbja tgħid li l-​apostati huma ‘morda mentalment’ u li huma jużaw it-​tagħlim tagħhom biex iġiegħlu lil oħrajn jaħsbu bħalhom. (1 Tim. 6:3, 4) Ġeħova hu bħal dak it-​tabib tajjeb. Hu b’mod ċar jgħidilna biex inżommu ’l bogħod mill-​għalliema foloz. Għandna dejjem inkunu determinati li nsegwu t-​twissija tiegħu.

7, 8. (a) Xi rridu nagħmlu biex nevitaw l-​għalliema foloz? (b) Għala int determinat li tevita l-​għalliema foloz?

7 Xi rridu nagħmlu biex nevitaw l-​għalliema foloz? Ma nkellmuhomx u ma nistidnuhomx f’darna. Ukoll, ma naqrawx il-​letteratura tagħhom, ma narawhomx fuq it-​televixin, ma naqrawx dak li jiktbu fuq l-​Internet, u ma nżidux il-​kummenti tagħna stess dwar dak li jiktbu fuq l-​Internet. Għala aħna daqstant determinati li nevitawhom? L-​ewwel nett għax inħobbu “l-​Alla tal-​verità.” Għalhekk, ma rridux nisimgħu tagħlim falz li jmur kontra l-​verità tal-​Kelma t’Alla. (Salm 31:5; Ġw. 17:17) Aħna nħobbu wkoll l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, li permezz tagħha tgħallimna veritajiet eċċitanti—inkluż isem Ġeħova u t-​tifsir tiegħu, l-​iskop t’Alla għall-​art, il-​kundizzjoni tal-​mejtin, u t-​tama tal-​irxoxt. Tiftakar kif ħassejtek meta tgħallimt għall-​ewwel darba dawn il-​veritajiet prezzjużi u oħrajn? Mela tħallix li l-​gideb mingħand l-​għalliema foloz idawrek kontra l-​organizzazzjoni li għallmitek dawn il-​veritajiet.—Ġw. 6:66-​69.

8 Jgħidu x’jgħidu l-​għalliema foloz, aħna m’aħniex se nsegwuhom! Għala għandna mmorru fi bjar nexfin qoxqox sempliċement biex niġu mqarrqin u diżappuntati? Minflok, ejja nkunu determinati li nibqgħu leali lejn Ġeħova u lejn l-​organizzazzjoni tiegħu. Din l-​organizzazzjoni qatt ma ddiżappuntatna u dejjem tagħtina abbundanza taʼ ilmijiet puri tal-​verità mill-​Kelma t’Alla.—Is. 55:1-​3; Mt. 24:45-​47.

Issegwix “Stejjer Foloz”

9, 10. (a) Pawlu liema twissija ta lil Timotju rigward “stejjer foloz”? (b) Pawlu x’setaʼ kellu f’moħħu? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

9 Kultant jistaʼ jkun faċli li tinduna li tabella taʼ triq ġiet imbagħbsa u qed tipponta lejn direzzjoni ħażina. Drabi oħrajn, jistaʼ jkun diffiċli li tinduna bil-​qerq. L-​istess hu minnu rigward il-​gideb taʼ Satana. Jekk ma noqogħdux attenti, xi ftit mill-​gideb tiegħu jistaʼ jqarraq bina faċilment. L-​appostlu Pawlu jwissina dwar dan il-​gideb u jsejjaħlu “stejjer foloz.” (Aqra l-1 Timotju 1:3, 4.) Biex ma niżvijawx mit-​triq li twassal għall-​ħajja għandna bżonn inkunu nafu, X’inhuma l-​istejjer foloz, u kif nistgħu nevitaw li nagħtu kashom?

10 It-​twissija taʼ Pawlu dwar l-​istejjer foloz hi parti mill-​ewwel ittra tiegħu lil Timotju, indokratur Kristjan li kien inkarigat biex iżomm il-​purità tal-​kongregazzjoni u biex jgħin lil sħabu fit-​twemmin jibqgħu leali. (1 Tim. 1:18, 19) Il-​kelma Griega li uża Pawlu għal “stejjer foloz” tfisser “gidba” jew “storja fittizja.” Ktieb wieħed jgħid li storja falza hi storja reliġjuża li m’għandha ebda konnessjoni maʼ dak li hu veru. (The International Standard Bible Encyclopaedia) Forsi Pawlu kien qed jaħseb dwar il-​gideb reliġjuż li jiġi minn stejjer antiki li n-​nies ivvintaw u li jqabbdu l-​kurżità lil oħrajn. b Pawlu qal li dawn l-​istejjer kienu perikolużi minħabba li “jqajmu mistoqsijiet għal riċerka.” Dan ifisser li nies li jagħtu kashom dawn l-​istejjer jibdew jistaqsu dwar affarijiet li mhumiex minnhom u mbagħad jużaw il-​ħin tagħhom biex jipprovaw isibu t-​tweġibiet. Satana juża dawn l-​istejjer ivvintati u l-​gideb reliġjuż biex lin-​nies inessihom l-​iktar affarijiet importanti. Il-​kliem taʼ Pawlu hu ċar: Tagħtix kas l-​istejjer foloz!

11. (a) Satana kif juża tajjeb ir-​reliġjon falza biex iqarraq bin-​nies? (b) Liema twissija rridu nagħtu kasha?

11 X’inhuma xi stejjer foloz li jistgħu jqarrqu bina jekk ma noqogħdux attenti? Bażikament, l-​espressjoni “stejjer foloz” tistaʼ tapplika għal kwalunkwe gidba jew ħrafa reliġjuża li tistaʼ ‘tbegħedna mill-​verità.’ (2 Tim. 4:3, 4) Satana, li jagħmilha taʼ “anġlu tad-​dawl,” uża tajjeb ir-​reliġjon falza biex iqarraq bin-​nies. (2 Kor. 11:14) Pereżempju, ir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu jgħidu li jsegwu lil Kristu, imma huma jgħallmu gideb bħat-​Trinità, in-​nar tal-​infern, u l-​immortalità tar-​ruħ. Ħafna jaħsbu li l-​Milied u l-​Għid jogħġbu lil Alla, imma l-​affarijiet li n-​nies jagħmlu matul dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet fir-​realtà ġejjin mill-​qima falza. Jekk nagħtu kasha t-​twissija t’Alla biex ninfirdu minn magħhom u ma ‘nibqgħux immissu dak li mhux nadif,’ m’aħniex se nitqarrqu bi stejjer foloz.—2 Kor. 6:14-​17.

12, 13. (a) Satana liema gideb ippromwova, u x’inhi l-​verità rigward kull waħda minn dan il-​gideb? (b) Kif nistgħu nevitaw li niġu mqarrqin mill-​istejjer foloz taʼ Satana?

12 Satana ppromwova iktar gideb li jistaʼ jqarraq bina jekk ma noqogħdux attenti. Ikkunsidra xi eżempji. Tistaʼ tagħmel li trid; int tiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Spiss nisimgħu dan fuq it-​televixin, fil-​films, fir-​rivisti, fil-​gazzetti, u fuq l-​Internet. Minħabba li l-​ħin kollu nisimgħu din il-​gidba, huwa faċli li nibdew naħsbu b’dan il-​mod u nsegwu l-​ideat immorali tad-​dinja. Imma l-​verità hi li għandna bżonn lil Alla biex jgħidilna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġer. 10:23) Alla mhux se jintervieni fl-​affarijiet tal-​art. Jekk niġu influwenzati minn spirtu bħal dan biex ngħixu għal-​lum biss nistgħu niġu mġegħlin insiru “inattivi jew bla frott.” (2 Pt. 1:8) Il-​verità hi li l-​jum taʼ Ġeħova riesaq b’ħeffa kbira, u għandna nibqgħu nistennewh. (Mt. 24:44) Alla ma jimpurtahx minnek bħala individwu. Din il-​gidba satanika, jekk nemmnuha, tistaʼ ġġegħelna naqtgħu qalbna, u nħossu li qatt ma se nkunu denji tal-​imħabba t’Alla. Il-​verità hi li Ġeħova jħobb u jgħożż lill-​aduraturi tiegħu bħala individwi.—Mt. 10:29-​31.

13 Aħna dejjem irridu noqogħdu attenti biex ma naħsbux bħan-​nies fid-​dinja taʼ Satana. Kultant jidher li dak li jgħidu u jaħsbu hu verament minnu. Imma ftakar li Satana jrid iqarraq bina, u ħadd ma jaf daqsu kif iqarraq bin-​nies. Irridu nagħtu kashom it-​twissijiet fil-​Bibbja jekk ma rridux li Satana jqarraq bina bi stejjer foloz.—2 Pt. 1:16.

Tmurx “Wara Satana”

14. (a) Pawlu liema twissija ta lil ċerti romol żgħażagħ? (b) Ilkoll kemm aħna, għala għandna bżonn nagħtu kasha din it-​twissija?

14 Immaġina tabella taʼ triq li tgħid: “Għaddi Minn Hawnhekk Biex Tmur Wara Satana.” Min minna se jagħti kasha din it-​tabella? Madankollu, Pawlu jwissina dwar diversi modi li bihom il-​Kristjani dedikati jistgħu jiġu “żvijati biex imorru wara Satana.” (Aqra l-1 Timotju 5:11-​15.) Il-​kliem taʼ Pawlu hu indirizzat lil ċerti “romol żgħażagħ,” imma l-​prinċipji li semma japplikaw għalina lkoll. Dawk in-​nisa Kristjani tal-​ewwel seklu għandhom mnejn ma ħasbux li kienu qed imorru wara Satana, imma l-​azzjonijiet tagħhom urew li kienu qed jagħmlu hekk. Kif nistgħu ngħassu kontra li mmorru wara Satana saħansitra mingħajr ma nkunu nafu? Ejja neżaminaw it-​twissija taʼ Pawlu rigward seksik li jagħmel il-​ħsara.

15. (a) X’inhi l-​mira taʼ Satana? (b) Pawlu kif jidentifika t-​tattiki taʼ Satana?

15 Satana ma jridniex nitkellmu dwar dak li nemmnu fih. Hu jrid iwaqqafna milli nippritkaw l-​aħbar tajba. (Riv. 12:17) Biex jagħmel hekk, hu jipprova jġegħelna nieħdu sehem f’attivitajiet li jaħlu l-​ħin jew li jġibu l-​firda bejnietna. Innota kif Pawlu jidentifika t-​tattiki taʼ Satana. Pawlu qal li r-​romol fi żmienu kienu “jitgħażżnu, [u] jiġġerrew.” F’din l-​era taʼ teknoloġija, huwa faċli li naħlu l-​ħin tagħna u t’oħrajn billi, pereżempju, nibagħtu e-​mails mhux importanti u kultant mhux veri. Pawlu qal ukoll li r-​romol kienu “jseksku.” Seksik li jagħmel il-​ħsara jistaʼ jwassal għal malafama, li spiss taqlaʼ l-​ġlied. (Prov. 26:20) Kemm jekk jindunaw u kemm jekk le, seksieka malizzjużi jimitaw lil Satana x-​Xitan. c Imbagħad Pawlu qal li r-​romol kienu “jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor.” M’għandniex dritt li ngħidu lil oħrajn kif jgħixu ħajjithom. Dawn il-​perikli kollha jistgħu jġegħluna ma nibqgħux naħsbu dwar ix-​xogħol importanti li Ġeħova tana biex nagħmlu. Għandna nużaw il-​ħin tagħna biex nippritkaw dwar is-​Saltna t’Alla. Jekk nieqfu nippritkaw, nibdew immorru wara Satana. U jekk qegħdin man-​naħa taʼ Satana, aħna kontra Ġeħova. M’hemmx triq tan-​nofs.—Mt. 12:30.

16. Xi rridu nagħmlu jekk ma rridux immorru wara Satana?

16 Il-​fatt li nagħtu kas dak li tgħid il-​Bibbja jistaʼ jgħinna nevitaw li niġu ‘żvijati biex immorru wara Satana.’ Ikkunsidra xi pariri għaqlin li ta Pawlu. Ħa jkollkom “ħafna x’tagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.” (1 Kor. 15:58) Jekk inkunu beżlin fl-​attivitajiet tas-​Saltna se niġu protetti mill-​perikli taʼ li niġru wara affarijiet li mhumiex importanti u li jaħlu l-​ħin. (Mt. 6:33) Għid “dak li hu tajjeb biex jibni.” (Efes. 4:29) Kun determinat li ma tismax seksik li jagħmel il-​ħsara u li ma xxerrdux. d Afda u rrispetta lil ħutek. B’hekk, se nkunu inklinati li ngħidu kliem li jibni minflok li jkisser. ‘Agħmilha l-​mira tiegħek li ma tindaħalx fl-​affarijiet taʼ ħaddieħor.’ (1 Tess. 4:11) Uri interess persunali f’oħrajn, imma agħmel dan b’tali mod li tirrispetta l-​privatezza tagħhom u li ma tnaqqasx id-​dinjità tagħhom. Ftakar ukoll li m’għandniex nimponu l-​ideat tagħna fuq oħrajn rigward kwistjonijiet li għandhom bżonn jiddeċiedu għalihom infushom.—Gal. 6:5.

17. (a) Ġeħova għala jagħtina t-​twissijiet li tkellimna dwarhom? (b) Xi rridu nkunu determinati li nagħmlu?

17 Kemm aħna grati li Ġeħova b’mod ċar jgħidilna x’m’għandniex insegwu! Għandna dejjem niftakru li Ġeħova jagħtina dawn it-​twissijiet kollha li tkellimna dwarhom għax iħobbna ħafna. Hu ma jridx li Satana jqarraq bina u jġegħelna nsofru. It-​triq li Ġeħova jridna nagħżlu hi diffiċli, imma hi l-​unika triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem. (Mt. 7:14) Għandna dejjem inkunu determinati li noqogħdu attenti meta Ġeħova jgħidilna: “Din hi t-​triq. Imxu fiha.”—Is. 30:21.

[Noti taʼ taħt]

a L-​apostasija hija meta xi ħadd jirribella kontra l-​qima vera u jabbandunaha.

b Pereżempju, il-​ktieb apokrifu taʼ Tobit (Tobija), li nkiteb madwar it-​tielet seklu Q.E.K. u li kien għadu jeżisti fi żmien Pawlu, hu mimli superstizzjonijiet u stejjer banali taʼ maġija u seħer li jiġu preżentati bħala verità.—Ara l-​ktieb Insight on the Scriptures, Volume 1, paġna 122.

c Il-​kelma Griega għal “xitan” tfisser “xi ħadd li jgħid gideb dwar oħrajn biex jagħmlilhom il-​ħsara.” Din il-​kelma tintuża bħala titlu ieħor għal Satana, li kien l-​ewwel wieħed li gideb.—Ġw. 8:44; Riv. 12:9, 10.

Int Kif Twieġeb?

Kif tistaʼ turi li tagħti kashom it-​twissijiet f’dawn l-​Iskritturi?

2 Pietru 2:1-​3

1 Timotju 1:3, 4

1 Timotju 5:11-​15

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampi f’paġna 19]

 Ir-​Rix fir-​Riħ

Hemm storja Lhudija antika li turi l-​konsegwenzi taʼ seksik li jagħmel il-​ħsara.

Raġel lil ħafna nies qalilhom gideb dwar l-​iktar raġel għaref fir-​raħal tiegħu. Xi żmien wara, ir-​raġel li qal il-​gideb ried li r-​raġel għaref jaħfirlu. Għalhekk, staqsa lir-​raġel għaref: “X’nistaʼ nagħmel biex nuri li jiddispjaċini għal dak li għedt dwarek?” Ir-​raġel għaref qallu: “Hemm ħaġa waħda x’tistaʼ tagħmel. Ħu mħadda mimlija rix, iftaħha, u ħalli r-​rix itir mar-​riħ.” Ir-​raġel ma kienx jaf għala qallu hekk, imma għamel dak li qallu r-​raġel għaref. Iktar tard, hu mar lura għand ir-​raġel għaref u staqsieh:

“Taħfirli issa?”

Ir-​raġel għaref qallu: “L-​ewwel mur u sib ir-​rix kollu.”

Ir-​raġel qallu: “Imma dan hu diffiċli ferm. Ir-​riħ xerred ir-​rix kullimkien. Issa ma nistax insibu.”

Imbagħad ir-​raġel għaref wieġbu: “Sewwasew bħalma r-​rix inxtered f’ħafna postijiet, il-​gideb tiegħek inxtered maʼ ħafna nies. U bħalma int ma tistax issib ir-​rix, hekk ukoll ma tistax tnessi lin-​nies dak li tkun għedtilhom.”

Il-​lezzjoni hi ċara. Ma nistgħux inbiddlu dak li nkunu għedna wara li ngħiduh. U kultant ma nistgħux inbiddlu r-​riżultati ħżiena taʼ dak li għedna. Għalhekk, qabel ma ngħidu xi ħaġa ħażina dwar oħrajn, ikun tajjeb li niftakru li kliemna hu bħal rix fir-​riħ.

[Stampa f’paġna 16]

Xi wħud kif jistgħu jistiednu lill-​apostati fi djarhom?