Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Inhu l-Mistrieħ t’Alla?

X’Inhu l-Mistrieħ t’Alla?

“Baqaʼ mistrieħ tas-​Sabat għan-​nies t’Alla.”—EBR. 4:9.

1, 2. (a) X’nitgħallmu minn Ġenesi 2:2? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu?

 MILL-​EWWEL kapitlu tal-​Ġenesi nitgħallmu li matul sitt ijiem, Alla ħejja l-​art biex in-​nies jgħixu fuqha. Dawn ma kinux jiem taʼ 24 siegħa kull wieħed imma perijodi taʼ żmien ħafna itwal. Rigward it-​tmiem taʼ kull wieħed minn dawn il-​perijodi, il-​Bibbja tgħid: “Kien hemm fil-​għaxija u kien hemm fil-​għodu.” (Ġen. 1:5, 8, 13, 19, 23, 31) Madankollu, rigward is-​sebaʼ jum, il-​Bibbja tgħid: “U sas-​seba’ jum Alla lesta x-​xogħol tiegħu li kien għamel, u fis-​seba’ jum beda jistrieħ mix-​xogħol kollu tiegħu li kien għamel.”—Ġen. 2:2.

2 Meta l-​ktieb tal-​Ġenesi qal li Alla beda jistrieħ kien ifisser li Alla kien għadu qed jistrieħ f’dak iż-​żmien. Allura nistgħu ngħidu li meta Mosè kiteb il-​ktieb tal-​Ġenesi, fis-​sena 1513 Q.E.K., Alla kien għadu qed jistrieħ. Għadu għaddej il-​jum taʼ mistrieħ t’Alla? Jekk iva, nistgħu nidħlu fih illum? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet huma importanti ħafna għalina.

Ġeħova Għadu Qed Jistrieħ?

3. Il-​kliem taʼ Ġesù fi Ġwanni 5:16, 17, kif juri li kien għadu s-​sebaʼ jum matul iż-​żmien taʼ Ġesù?

3 Hemm żewġ raġunijiet għala nistgħu ngħidu li kien għadu s-​sebaʼ jum matul iż-​żmien taʼ Ġesù u tal-​ewwel Kristjani. L-​ewwel, ikkunsidra l-​kliem taʼ Ġesù lill-​opponenti tiegħu li kkritikawh talli fejjaq fis-​Sabat, li qisuh bħala tip taʼ xogħol. Biex iwiġibhom, Ġesù qalilhom: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, u jien nibqaʼ naħdem.” (Ġw. 5:16, 17) X’kien il-​punt? Ġesù kien qed jiġi akkużat li kien qed jaħdem fis-​Sabat. Ir-​risposta tiegħu: “Missieri baqaʼ jaħdem” wieġbet din l-​akkuża. Sa ċertu punt, Ġesù kien qed jgħid lil dawk li kkritikawh: ‘Missieri u jien qed nieħdu sehem fl-​istess tip taʼ xogħol. Ladarba Missieri baqaʼ jaħdem matul is-​Sabat tiegħu li ilu għaddej millenji sħaħ, huwa aċċettabbli għalija li nibqaʼ naħdem, anki fis-​Sabat.’ B’hekk, il-​kliem taʼ Ġesù juri li rigward l-​art, fi żmienu kien għadu s-​sebaʼ jum, jiġifieri, il-​jum taʼ mistrieħ t’Alla. a

4. Minn dak li qal Pawlu, kif nafu li s-​sebaʼ jum kien għadu għaddej fi żmienu?

4 Hemm raġuni oħra għala nafu li kien għadu s-​sebaʼ jum matul iż-​żmien taʼ Ġesù u tal-​ewwel Kristjani. Meta kkwota minn Ġenesi 2:2 rigward il-​mistrieħ t’Alla, taħt ispirazzjoni, Pawlu kiteb: “Aħna li eżerċitajna l-​fidi nidħlu fil-​mistrieħ.” (Ebr. 4:3, 4, 6, 9) Mela s-​sebaʼ jum kien għadu għaddej fi żmien Pawlu. Is-​sebaʼ jum meta jintemm?

5. (a) X’kien l-​iskop tas-​sebaʼ jum? (b) Alla meta se jwettaq l-​iskop tiegħu?

5 Sabiex inwieġbu din il-​mistoqsija, irridu niftakru l-​iskop tas-​sebaʼ jum. Ġenesi 2:3 jispjega x’inhu: “Alla bierek is-​seba’ jum u qaddsu.” Ġeħova għamel dan il-​jum sagru għax għażlu biex ikun il-​jum li fih iwettaq l-​iskop tiegħu għall-​art. Dan l-​iskop hu li fuq l-​art jgħixu rġiel u nisa ubbidjenti li jieħdu ħsiebha u kulma hemm fiha. (Ġen. 1:28) Ir-​raġuni għala Alla Ġeħova u Ġesù Kristu, li hu s-​“Sid tas-​Sabat,” ‘baqgħu jaħdmu s’issa’ hi biex l-​iskop t’Alla għall-​art jagħmluh reali. (Mt. 12:8) Għalhekk, il-​jum taʼ mistrieħ t’Alla se jkompli sakemm iwettaq l-​iskop tiegħu. Dan se jkun fi tmiem ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu.

Taqax “fl-​Istess Mudell taʼ Diżubbidjenza”

6. (a) Liema eżempji huma taʼ twissija għalina? (b) X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dawn l-​eżempji?

6 Alla b’mod ċar qal lil Adam u Eva x’kien l-​iskop tiegħu għall-​art, imma huma aġixxew kontra l-​iskop tiegħu. Wara Adam u Eva, miljuni taʼ nies oħrajn ukoll kienu diżubbidjenti. Saħansitra l-​poplu magħżul t’Alla, il-​ġens t’Iżrael, waqaʼ fl-​istess mudell taʼ diżubbidjenza. U Pawlu wissa lill-​Kristjani fi żmienu li xi wħud minnhom setgħu jsiru diżubbidjenti bħall-​Iżraelin. Hu kiteb: “Għalhekk, ħa nagħmlu l-​almu tagħna biex nidħlu f’dak il-​mistrieħ, li ma jmurx xi ħadd jaqaʼ fl-​istess mudell taʼ diżubbidjenza.” (Ebr. 4:11) Innota li Pawlu jagħmel konnessjoni bejn li wieħed ikun diżubbidjenti u bejn li ma jidħolx fil-​mistrieħ t’Alla. Dan xi jfisser għalina? Ifisser dan li jekk b’xi mod naġixxu kontra l-​iskop t’Alla m’aħniex se nidħlu fil-​mistrieħ t’Alla? Huwa importanti ħafna għalina li nkunu nafu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija, u se nitkellmu iktar dwarha f’dan l-​artiklu. Imma l-​ewwel se nitkellmu dwar l-​eżempju ħażin tal-​Iżraelin u għala ma daħlux fil-​mistrieħ t’Alla.

“Ma Jidħlux fil-​Mistrieħ Tiegħi”

7. (a) Ġeħova x’kellu f’moħħu meta ħeles lill-​Iżraelin mill-​jasar fl-​Eġittu? (b) X’kien mistenni mill-​Iżraelin?

7 Fis-​sena 1513 Q.E.K., Ġeħova qal lill-​qaddej tiegħu Mosè x’kien l-​iskop tiegħu għall-​Iżraelin. Alla qal: “Se ninżel neħlishom minn id l-​Eġizzjani u ntellagħhom u noħroġhom minn dik l-​art [l-​Eġittu] għal ġo art tajba u spazjuża, art li tnixxi ħalib u għasel.” (Eżo. 3:8) Ġeħova ħeles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu biex jagħmilhom il-​poplu tiegħu, sewwasew bħalma kien wiegħed lil Abraham. (Ġen. 22:17) Lill-​Iżraelin, Alla tahom liġijiet li kienu se jippermettulhom igawdu relazzjoni paċifika miegħu. (Is. 48:17, 18) Qal lill-​Iżraelin: “Jekk tassew tobdu kliemi u tħarsu l-​patt tiegħi, imbagħad issiru l-​proprjetà speċjali tiegħi mill-​popli l-​oħrajn kollha, għax l-​art kollha hi tiegħi.” (Eżo. 19:5, 6) Allura l-​Iżraelin setgħu jkunu l-​poplu t’Alla biss jekk jobdu l-​liġijiet tiegħu.

8. L-​Iżraelin x’opportunitajiet kellhom kieku obdew lil Alla?

8 Aħseb dwar l-​opportunitajiet li kellhom l-​Iżraelin! Ġeħova wegħedhom li jekk jobduh, hu kien se jbierek l-​għelieqi, l-​għelieqi tad-​dwieli, u l-​annimali tagħhom. Wegħedhom ukoll li jipproteġihom mill-​għedewwa tagħhom. (Aqra l-1 Slaten 10:23-​27.) Kellhom l-​opportunità li jkunu meħlusin mill-​ħakma taʼ ġnus oħrajn, anki matul iż-​żmien taʼ Ġesù meta r-​Rumani ħakmu fuq ħafna ġnus. Ġeħova ried li l-​ġens t’Iżrael ikun eżempju tajjeb għal ġnus oħrajn. Hu ried lil kulħadd jifhem b’mod ċar li dawk li jobdu lilu, l-​Alla l-​veru, se jirċievu barkiet mingħandu.

9, 10. (a) Ix-​xewqa tal-​Iżraelin li jmorru lura l-​Eġittu, għala kienet kwistjoni serja? (b) Kieku l-​Iżraelin marru lura l-​Eġittu, il-​qima tagħhom kif setgħet ġiet effettwata?

9 L-​Iżraelin kellhom l-​opportunità speċjali li jħallu lil Ġeħova jużahom biex iwettaq l-​iskop tiegħu. Setgħu jirċievu l-​barkiet taʼ Ġeħova, u wkoll iġibu barkiet lill-​familji kollha tal-​art. (Ġen. 22:18) Imma l-​biċċa l-​kbira mill-​Iżraelin ma kkunsidrawhiex importanti l-​opportunità li jkunu l-​ġens t’Alla u li jkunu t’eżempju għal ġnus oħrajn. Saħansitra qalu li xtaqu jmorru lura l-​Eġittu! (Aqra Numri 14:2-​4.) Imma kieku marru lura, ma setgħux iqimu lil Ġeħova bil-​mod kif xtaq hu u ma setgħux ikunu t’eżempju għal ġnus oħrajn. Kieku reġgħu saru lsiera fl-​Eġittu, ma setgħux ikunu liberi biex jobdu l-​Liġi t’Alla u jirċievu l-​maħfra għal dnubiethom. Meta qalu li riedu jmorru lura l-​Eġittu, kienu qed jaħsbu biss fihom infushom. Ma kinux qed jaħsbu dwar Alla u l-​iskop tiegħu. Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova qal dan dwar dawk ir-​ribelli: “Ħassejtni diżgustat b’din il-​ġenerazzjoni u għedt, ‘Dejjem jiżvijaw fi qlubhom, u ma sarux jafu triqati.’ Għalhekk, ħlift fir-​rabja tiegħi, ‘Ma jidħlux fil-​mistrieħ tiegħi.’”—Ebr. 3:10, 11; Salm 95:10, 11.

10 Ix-​xewqa tagħhom li jmorru lura l-​Eġittu wriet li ma kinux japprezzaw il-​barkiet li rċivew mingħand Ġeħova. Minflok, dawk l-​Iżraelin diżubbidjenti riedu l-​ikel tajjeb li kellhom fl-​Eġittu. (Num. 11:5) Kienu bħal Għesaw, li m’apprezzax id-​dritt tiegħu bħala l-​ewwel imwieled u biegħu għal platt ikel.—Ġen. 25:30-​32; Ebr. 12:16.

11. Peress li l-​Iżraelin li telqu mill-​Eġittu ma wrewx fidi, biddel dan l-​iskop taʼ Ġeħova?

11 Għalkemm dawk l-​Iżraelin li telqu mill-​Eġittu ma wrewx fidi f’Ġeħova, hu ma biddilx l-​iskop tiegħu għal Iżrael. Uliedhom kienu iktar ubbidjenti mill-​ġenituri tagħhom. Fi qbil mal-​kmand taʼ Ġeħova, huma daħlu fl-​Art Imwiegħda u bdew jirbħuha. F’Ġożwè 24:31 naqraw: “Israel kompla jaqdi lil Ġeħova l-​jiem kollha taʼ Ġożwè u l-​jiem kollha tax-​xjuħ li baqgħu ħajjin wara Ġożwè u li kienu jafu l-​għemejjel kollha li Ġeħova għamel għal Israel.”

12. Kif nafu li hu possibbli li nidħlu fil-​mistrieħ t’Alla llum?

12 Madankollu, din il-​ġenerazzjoni ubbidjenti maż-​żmien mietet u minflokha telgħet ġenerazzjoni “li ma kinitx taf lil Ġeħova jew dak li kien għamel għal Israel.” Għalhekk, bdew jagħmlu “dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u jaqdu lill-​Bagħalim.” (Mħ. 2:10, 11) Minħabba li dawn l-​Iżraelin kienu diżubbidjenti, ma baqgħux fil-​paċi m’Alla. Allura l-​Art Imwiegħda ma kinitx “post taʼ mistrieħ” għalihom. Pawlu kiteb hekk dwar dawn l-​Iżraelin: “Kieku Ġożwè daħħalhom f’post taʼ mistrieħ, Alla ma kienx iktar tard jitkellem dwar jum ieħor.” Imbagħad qal: “Għalhekk, baqaʼ mistrieħ tas-​Sabat għan-​nies t’Alla.” (Ebr. 4:8, 9) In-​“nies t’Alla” li Pawlu tkellem dwarhom kienu Kristjani. Ifisser dan li l-​Kristjani setgħu jidħlu fil-​mistrieħ t’Alla? Dażgur li setgħu—kemm il-​Kristjani Lhud kif ukoll il-​Kristjani mhux Lhud!

Xi Wħud Ma Jidħlux fil-​Mistrieħ t’Alla

13, 14. (a) Fi żmien Mosè, l-​Iżraelin x’kellhom jagħmlu biex jidħlu fil-​mistrieħ t’Alla? (b) Fi żmien Pawlu, il-​Kristjani x’kellhom jagħmlu biex jidħlu fil-​mistrieħ t’Alla?

13 Meta Pawlu kiteb lill-​Kristjani Ebrej, hu kien konċernat li xi wħud fosthom ma kinux qed jikkooperaw mal-​iskop t’Alla. (Aqra Ebrej 4:1.) F’liema sens? Ironikament, kienu għadhom qed jobdu xi affarijiet fil-​Liġi Mosajka. Għal xi 1,500 sena, kull Iżraeli li xtaq jgħix fi qbil mal-​iskop t’Alla kellu jobdi l-​Liġi. Imma wara li miet Ġesù, ma kienx għad kellhom bżonn il-​Liġi Mosajka. Ċerti Kristjani ma fehmuhx dan, u għalhekk kienu jemmnu li xorta kellhom bżonn jobdu xi partijiet mil-​Liġi. b

14 Pawlu spjega lil dawn il-​Kristjani Ebrej li Ġesù kien qassis il-​kbir aħjar minn kwalunkwe qassis il-​kbir imperfett. Hu wera li l-​patt il-​ġdid kien aħjar mill-​patt maʼ Iżrael. U wera wkoll li t-​tempju l-​kbir taʼ Ġeħova kien ‘akbar u iktar perfett’ mit-​tempju ‘magħmul bl-​idejn.’ (Ebr. 7:26-​28; 8:7-​10; 9:11, 12) Pawlu uża l-​eżempju tas-​Sabat fil-​Liġi Mosajka biex jispjega kif il-​Kristjani jistgħu jidħlu fil-​jum taʼ mistrieħ taʼ Ġeħova. Hu kiteb: “Baqaʼ mistrieħ tas-​Sabat għan-​nies t’Alla. Għax il-​bniedem li daħal fil-​mistrieħ t’Alla wkoll straħ mill-​għemejjel tiegħu stess, bħalma Alla straħ minn tiegħu.” (Ebr. 4:8-​10) Dawk il-​Kristjani Ebrej kellhom ineħħuha minn moħħhom li setgħu jiksbu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova billi jagħmlu għemejjel ibbażati fuq il-​Liġi Mosajka. Minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K. ’l hawn, l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova hi għotja li jagħti b’ġenerożità lil dawk li juru l-​fidi f’Ġesù Kristu.

15. L-​ubbidjenza għala hi essenzjali biex nidħlu fil-​mistrieħ t’Alla?

15 L-​Iżraelin fi żmien Mosè, għala ma daħlux fl-​Art Imwiegħda? Għax m’obdewx lil Ġeħova. Xi Kristjani fi żmien Pawlu, għala ma daħlux fil-​mistrieħ t’Alla? Għall-​istess raġuni. M’obdewx lil Ġeħova. M’emmnux li Ġeħova issa ried li n-​nies tiegħu jqimuh b’mod differenti u ma jibqgħux jobdu l-​Liġi Mosajka.

Kif Nistgħu Nidħlu fil-​Mistrieħ t’Alla Llum

16, 17. (a) Xi jfisser li nidħlu fil-​mistrieħ t’Alla llum? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

16 Ħadd minna llum ma jemmen li l-​Kristjani għandhom jobdu l-​Liġi Mosajka biex jiksbu s-​salvazzjoni. Il-​kliem taʼ Pawlu lill-​Efesin hu ċar daqs il-​kristall: “Tabilħaqq, b’din il-​qalb tajba mhix mistħoqqa ġejtu salvati permezz tal-​fidi; u dan mhux bis-​saħħa tagħkom, imma hi l-​għotja t’Alla. Le, m’huwiex bis-​saħħa taʼ l-​għemejjel.” (Efes. 2:8, 9) Allura, xi jfisser għall-​Kristjani li jidħlu fil-​mistrieħ t’Alla? Ġeħova warrab is-​sebaʼ jum—il-​jum taʼ mistrieħ tiegħusabiex iwettaq l-​iskop tiegħu għall-​art u għall-​bnedmin ubbidjenti. Permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova jgħidilna dwar l-​iskop tiegħu u dak li jrid minna. Aħna nistgħu nidħlu fil-​mistrieħ taʼ Ġeħova jekk nobduh u naħdmu id f’id mal-​organizzazzjoni tiegħu.

17 Imma jekk ma nobdux lill-​ilsir leali u għaqli jew jekk nagħżlu li nobdu biss dak li aħna nqisuh importanti, inkunu qed naġixxu kontra l-​iskop taʼ Ġeħova. Dan jistaʼ jipperikola r-​relazzjoni paċifika tagħna maʼ Ġeħova. Fl-​artiklu li jmiss, se niddiskutu xi sitwazzjonijiet li jagħtuna opportunità nuru jekk aħniex ubbidjenti. Id-​deċiżjonijiet li nieħdu f’dawn is-​sitwazzjonijiet se juru jekk dħalniex fil-​mistrieħ t’Alla.

[Noti taʼ taħt]

a Il-​qassisin u l-​Leviti ħadmu fit-​tempju fis-​Sabat, u dan ma kienx imur kontra l-​Liġi taʼ Mosè. Alla għażel lil Ġesù biex ikun il-​qassis il-​kbir tagħna. Għalhekk, Ġesù m’għamel xejn ħażin meta fis-​Sabat għamel ix-​xogħol li Ġeħova tah biex jagħmel.—Mt. 12:5, 6.

b Ma nafux jekk xi ħadd mill-​Kristjani Ebrej kienx joffri xi sagrifiċċji f’Jum it-​Tpattija saħansitra wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Imma jekk għamlu dan, ma wrew ebda rispett għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. Li nafu hu li xi Kristjani Ebrej kienu għadhom qed isegwu tradizzjonijiet li kienu parti mil-​Liġi Mosajka.—Gal. 4:9-​11.

Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

• X’kien l-​iskop tas-​sebaʼ jum taʼ mistrieħ t’Alla?

• Kif nafu li llum għadu s-​sebaʼ jum?

• L-​Iżraelin fi żmien Mosè u xi wħud mill-​Kristjani fi żmien Pawlu, għala ma daħlux fil-​mistrieħ t’Alla?

• Xi jfisser li nidħlu fil-​mistrieħ t’Alla llum?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kumment f’paġna 27]

Aħna nistgħu nidħlu fil-​mistrieħ taʼ Ġeħova jekk nobduh u naħdmu id f’id mal-​organizzazzjoni tiegħu

[Stampi f’paġna 26, 27]

In-​nies t’Alla llum x’għandhom bżonn jagħmlu biex jidħlu fil-​mistrieħ tiegħu?