Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma Sabu lill-Messija!

Huma Sabu lill-Messija!

“Sibna ’l-​Messija.”—ĠW. 1:41.

1. X’wassal għall-​istqarrija: “Sibna ’l-​Messija”?

 ĠWANNI L-​GĦAMMIED qiegħed bilwieqfa maʼ tnejn mid-​dixxipli tiegħu. Hekk kif joqrob Ġesù, Ġwanni jesklama: “Ara, il-​Ħaruf t’Alla!” Indrì u d-​dixxiplu l-​ieħor minnufih isegwu lil Ġesù u jqattgħu l-​jum miegħu. Filgħaxija, Indrì jsib lil ħuh, Xmun Pietru, u jieħdu s’għand Ġesù wara li jagħmel id-​dikjarazzjoni drammatika: “Sibna ’l-​Messija.”—Ġw. 1:35-​41.

2. Kif se nibbenefikaw jekk inkomplu neżaminaw xi profeziji Messjaniċi?

2 Hekk kif jgħaddi ż-​żmien, Indrì, Pietru, u oħrajn se jkollhom biżżejjed opportunità biex jistudjaw bir-​reqqa l-​Iskrittura u mingħajr ebda dubju se jiddikjaraw li Ġesù taʼ Nazaret hu l-​Messija mwiegħed. Il-​fidi tagħna stess fil-​Kelma t’Alla u fil-​Midluk tiegħu se tkun imsaħħa hekk kif inkomplu neżaminaw xi profeziji Messjaniċi.

“Ara! Is-​Sultan Tiegħek Ġej”

3. Liema profeziji twettqu meta Ġesù daħal Ġerusalemm bħala sultan?

3 Il-​Messija kien se jidħol Ġerusalemm bħala sultan. Il-​profezija taʼ Żakkarija qalet: “Kun ferħana ferm, O bint Sijon. Għajjat bil-​ferħ taʼ rebħa, O bint Ġerusalemm. Ara! Is-​sultan tiegħek jiġi għandek. Hu ġust, iva, salvat; umli, u riekeb fuq ħmar, saħansitra fuq wild taʼ ħmara.” (Żak. 9:9) Is-​salmista kiteb: “Ħa jkun imbierek Dak li ġej f’isem Ġeħova.” (Salm 118:26) Folla kbira għajtet b’ferħ kbir hekk kif Ġesù daħal f’Ġerusalemm. Ġesù ma qalx lill-​folla x’kellha tagħmel, imma hi għamlet eżatt kif qalet il-​profezija. Int u taqra r-​rakkont, ġib quddiem għajnejk ix-​xena u ismaʼ l-​ilħna ferriħin.Aqra Mattew 21:4-​9.

4. Spjega x’ġara biex twettaq Salm 118:22, 23.

4 Għalkemm ħafna nies m’aċċettawx lil Ġesù bħala l-​Messija, hu prezzjuż għal Alla. Bħalma ġie mbassar, Ġesù ‘kien mistmerr, u ma kienx stmat’ minn dawk li ma ridux jemmnu l-​evidenza. (Is. 53:3; Mk. 9:12) Madanakollu, Alla nebbaħ lis-​salmista biex jikteb: “Il-​ġebla li twarrbet mill-​bennejja saret il-​ġebla tax-​xewka taʼ fuqnett. Dan seħħ mingħand Ġeħova.” (Salm 118:22, 23) Ġesù ġibed l-​attenzjoni tal-​opponenti reliġjużi tiegħu lejn din is-​silta, u Pietru qal li twettqet fi Kristu. (Mk. 12:10, 11; Atti 4:8-​11) Tabilħaqq, Ġesù sar il-​“ġebla tax-​xewka tal-​pedament” tal-​kongregazzjoni Kristjana. Ġesù ġie miċħud minn irġiel mingħajr fidi imma hu ‘magħżul u prezzjuż għal Alla.’—1 Pt. 2:4-​6.

Tradut u Abbandunat!

5, 6. X’ġie mbassar u mwettaq rigward it-​tradiment tal-​Messija?

5 Kien imbassar li l-​Messija kien se jiġi tradut minn xi ħadd li deher li kien ħabib. David ipprofetizza: “Il-​bniedem li kien fil-​paċi miegħi, li jien fdajt fih, u li kien jiekol mill-​ħobż tiegħi, għolla għarqubu kontrija.” (Salm 41:9) Fi żminijiet Bibliċi, kien att taʼ ħbiberija li tnejn jieklu l-​ħobż flimkien. (Ġen. 31:54) Għalhekk, it-​ tradiment li bih Ġuda l-​Iskarjota ttradixxa lil Ġesù kien l-​akbar tip taʼ nuqqas taʼ fedeltà. Ġesù ġibed l-​attenzjoni lejn it-​twettiq tal-​kliem profetiku taʼ David meta Hu rrefera għat-​traditur tiegħu u qal lill-​appostli: “M’iniex qed ngħid għalikom ilkoll; naf lil min għażilt. Imma dan sabiex titwettaq l-​Iskrittura, ‘Dak li kien jiekol mill-​ħobż tiegħi għolla għarqubu kontrija.’”—Ġw. 13:18.

6 It-​traditur tal-​Messija kien se jirċievi 30 biċċa tal-​fidda—il-​prezz taʼ lsir! Mattew uża l-​iskrittura taʼ Żakkarija 11:12, 13 biex juri li Ġesù ġie tradut għal somma daqshekk miżera. Imma Mattew għala qal li dan kien ġie mbassar “permezz tal-​profeta Ġeremija”? Fi żmien Mattew, il-​ktieb taʼ Ġeremija setaʼ tpoġġa l-​ewwel f’ġabra taʼ kotba Bibliċi li inkludiet il-​ktieb taʼ Żakkarija. (Qabbel Luqa 24:44.) Ġuda qatt ma nefaq is-​somma misħuta tiegħu, għax hu tefaʼ l-​flus fit-​tempju u telaq u għamel suwiċidju.—Mt. 26:14-​16; 27:3-​10.

7. Żakkarija 13:7 kif twettaq?

7 Anke d-​dixxipli tal-​Messija kienu se jitferrxu. Żakkarija kiteb: “Idrob lir-​ragħaj, u ħa jitferrxu dawk tal-​merħla.” (Żak. 13:7) Fl-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K., Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Ilkoll kemm intom titfixklu minħabba dak li se ngħaddi minnu dan il-​lejl, għax hu miktub, ‘Nidrob lir-​ragħaj, u n-​nagħaġ tal-​merħla jitferrxu.’” U eżatt hekk ġara, għax Mattew qal li “d-​dixxipli kollha abbandunaw [lil Ġesù] u ħarbu.”—Mt. 26:31, 56.

Akkużat u Msawwat

8. Isaija 53:8 kif twettaq?

8 Il-​Messija kellu jittieħed il-​qorti u jiġi kkundannat. (Aqra Isaija 53:8.) Mas-​sebħ tal-​14 taʼ Nisan, is-​Sinedriju kollu ltaqaʼ, ordna li Ġesù jintrabat, u tah f’idejn il-​Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu. Il-​Gvernatur staqsa lil Ġesù xi mistoqsijiet u ma sabu ħati taʼ xejn affattu. Però, meta Pilatu offra li jeħles lil Ġesù, il-​folla għajtet: “Sammru maʼ zokk!” u talbet li jinħeles il-​kriminal Barabba. Peress li ried jogħġob lill-​marmalja, Pilatu ħeles lil Barabba, ordna li Ġesù jiġi flaġellat, u tahulhom biex isammruh maʼ zokk.—Mk. 15:1-​15.

9. Kif twettaq dak li kien imbassar f’Salm 35:11?

9 Xhieda foloz kienu se jixhdu kontra l-​Messija. Is-​salmista David qal: “Iqumu xhieda vjolenti; jistaqsuni dak li ma nafx.” (Salm 35:11) Fi qbil mal-​profezija, “il-​qassisin ewlenin u s-​Sinedriju kollu kienu qed ifittxu xiehda falza kontra Ġesù sabiex jagħtuh il-​mewt.” (Mt. 26:59) Infatti, “ħafna, tabilħaqq, kienu qed jixhdu falz kontrih, imma x-​xiehda tagħhom ma kinitx taqbel.” (Mk. 14:56) L-​għedewwa taʼ Ġesù, li kienu f’dagħdigħa u li riedu joqtluh, ma kienx jimpurtahom mill-​fatt li x-​xhieda kienet falza.

10. Spjega kif twettaq Isaija 53:7.

10 Il-​Messija kien se jibqaʼ sieket quddiem dawk li akkużawh. Isaija pprofetizza: “Hu kien magħkus ferm, u ħalla lil min jaħqru; madankollu ma fetaħx fommu. Inġieb bħal nagħġa għall-​qatla; u bħal nagħġa li timmuta quddiem min iġiżżha, hu wkoll ma fetaħx fommu.” (Is. 53:7) Waqt li Ġesù “kien qed jiġi akkużat mill-​qassisin ewlenin u x-​xjuħ, hu ma wieġeb xejn.” Pilatu staqsa: “M’intix tismaʼ kemm qed jixhdu affarijiet kontrik?” Madanakollu, Ġesù “ma wiġbux, le, lanqas kelma waħda, tant li l-​gvernatur stagħġeb ferm.” (Mt. 27:12-​14) Ġesù m’għajjarx lil dawk li akkużawh.—Rum. 12:17-​21; 1 Pt. 2:23.

11. Isaija 50:6 u Mikea 5:1 kif twettqu?

11 Isaija pprofetizza li l-​Messija kellu jiġi msawwat. Il-​profeta kiteb: “Dahri tajtu lil dawk li sawtuni, u ħaddejja lil dawk li jnittfu x-​xagħar. Wiċċi ma ħbejtux minn affarijiet umiljanti u mill-​bżieq.” (Is. 50:6) Mikea bassar: “Bil-​ħatar se jolqtuh fuq ħaddejh lill-​imħallef taʼ Israel.” (Mik. 5:1) Il-​kittieb tal-​Evanġelju, Marku, ikkonferma t-​twettiq taʼ dawn il-​profeziji billi qal: “Xi wħud bdew jobżqu [lil Ġesù] u jgħattulu wiċċu kollu u jagħtuh bil-​ponn u jgħidulu: ‘Ipprofetizza!’ U, wara li tawh bil-​ħarta, il-​qaddejja tal-​qorti ħaduh.” Marku jgħid li s-​suldati “tawh b’qasba fuq rasu u beżqulu u bdew jinżlu għarkopptejhom [biex iwaqqgħu għaċ-​ċajt] u jmilu quddiemu.” (Mk. 14:65; 15:19) M’għandniex xi ngħidu, Ġesù m’għamel xejn biex ikun jistħoqqlu dan l-​abbuż.

Leali sal-​Mewt

12. Salm 22:16 u Isaija 53:12 kif applikaw għal Ġesù?

12 Il-​Messija kien se jmut fuq zokk. Is-​salmista David qal: “Il-​ġemgħa taʼ dawk li jagħmlu l-​ħażen rassitni. Qed jigdmuli idejja u saqajja bħal iljun.” (Salm 22:16) Waqt li tkellem dwar rakkont magħruf sew mill-​qarrejja tal-​Bibbja, il-​kittieb tal-​Evanġelju, Marku, kiteb: “Issa kienet it-​tielet siegħa [madwar id-​disgħa taʼ filgħodu] meta sammruh maʼ zokk.” (Mk. 15:25) Ukoll, kien ġie mbassar li l-​Messija kien se jingħadd mal-​midinbin. Isaija kiteb: “Hu ferraʼ ruħu sal-​mewt, u kien magħdud maʼ dawk li jiksru l-​liġi.” (Is. 53:12) U hekk ġara meta maʼ Ġesù “tpoġġew fuq zokk żewġ ħallelin, wieħed fuq il-​lemin u l-​ieħor fuq ix-​xellug tiegħu.”—Mt. 27:38.

13. Salm 22:7, 8 b’liema mod twettaq permezz taʼ Ġesù?

13 David ipprofetizza li l-​Messija kien se jiġi mkażbar. (Aqra Salm 22:7, 8.) Ġesù ġie mkażbar waqt li sofra fuq iz-​zokk tat-​tortura għax Mattew jgħid: “Dawk li kienu għaddejjin minn hemmhekk bdew jgħajruh, ixenglu rashom, u jgħidulu: ‘Int li kellek twaqqaʼ t-​tempju u tibnih fi tlett ijiem, salva lilek innifsek! Jekk int bin Alla, inżel minn fuq iz-​zokk tat-​tortura!’” Bl-​istess mod, il-​qassisin ewlenin flimkien mal-​iskribi u x-​xjuħ bdew jiżżuffjettaw bih u jgħidu: “Salva lil oħrajn; lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-​Sultan taʼ Israel; ħa jinżel issa minn fuq iz-​zokk tat-​tortura u nemmnu fih. Hu poġġa l-​fiduċja tiegħu f’Alla; ħa jeħilsu Hu issa jekk iridu, għax hu qal, ‘Jien Bin Alla.’” (Mt. 27:39-​43) Iżda, Ġesù ssaporta dan kollu b’dinjità. X’eżempju mill-​aħjar għalina!

14, 15. Uri kif twettqu profeziji speċifiċi dwar l-​ilbies tal-​Messija u dwar il-​fatt li ġie mogħti l-​ħall.

14 Intefgħet ix-​xorti għall-​ilbies tal-​Messija. Is-​salmista kiteb: “Iqassmu ħwejġi bejniethom, u l-​ilbies tiegħi jtellgħuh bix-​xorti.” (Salm 22:18) Hekk ġara, għax “wara li [is-​suldati Rumani] sammru [lil Ġesù] maz-​zokk qassmu ħwejġu billi tellgħuhom bix-​xorti.”—Mt. 27:35; aqra Ġwanni 19:23, 24.

15 Il-​Messija kien se jingħata ħall u xarba morra. Is-​salmista qal: “Bħala ikel tawni pjanta velenuża, u għall-​għatx tiegħi pprovaw jagħtuni nixrob il-​ħall.” (Salm 69:21) Mattew jgħidilna: “Taw [lil Ġesù] jixrob inbid imħallat b’xi ħaġa morra; imma, wara li daqu, ma riedx jixorbu.” Iktar tard, “wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża, xarrabha bl-​inbid qares, poġġieha fuq qasba, u tah jixrob.”—Mt. 27:34, 48.

16. Spjega kif il-​kliem profetiku taʼ Salm 22:1 twettaq.

16 Kien se jidher li l-​Messija kien ġie abbandunat minn Alla. (Aqra Salm 22:1.) Fi qbil mal-​profezija, “fid-​disaʼ siegħa [madwar it-​tlieta taʼ waranofsinhar] Ġesù għajjat b’leħen għoli: ‘Eli, Eli, lama sabaqtani?’ kliem li meta jiġi tradott ifisser: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?’” (Mk. 15:34) Ġesù ma kienx tilef il-​fidi tiegħu f’Missieru tas-​sema. Alla abbanduna lil Ġesù f’idejn l-​għedewwa tiegħu fis-​sens li neħħa l-​protezzjoni tiegħu ħalli l-​integrità taʼ Kristu tiġi provata bis-​sħiħ. U billi għajjat b’dak il-​mod, Ġesù wettaq il-​kliem taʼ Salm 22:1.

17. Żakkarija 12:10 u Salm 34:20 kif twettqu?

17 Il-​Messija kellu jiġi minfud, imma l-​għadam tiegħu ma kellux jiġi mkisser. L-​abitanti taʼ Ġerusalemm kienu se “jħarsu lejn Dak li kienu nifdu.” (Żak. 12:10) U Salm 34:20 jgħid: “[Alla] qed jgħasses l-​għadam kollu taʼ dak il-​wieħed; lanqas waħda minnhom ma ġiet miksura.” L-​appostlu Ġwanni wera li dawn il-​profeziji twettqu meta kiteb: “Wieħed mis-​suldati nifidlu ġenbu b’lanza [lil Ġesù], u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan qed jixhdu wieħed li rah [Ġwanni], u x-​xiehda tiegħu hi vera . . . Dan seħħ sabiex titwettaq l-​iskrittura: ‘Ebda waħda minn għadmu ma tiġi miksura.’ Ukoll, skrittura oħra tgħid: ‘Iħarsu lejn Dak li kienu nifdu.’”—Ġw. 19:33-​37.

18. Ġesù kif spiċċa midfun mal-​għonja?

18 Il-​Messija kien se jindifen mal-​għonja. (Aqra Isaija 53:5, 8, 9.) Iktar tard waranofsinhar tal-​14 taʼ Nisan, “raġel għani minn Arimatija, jismu Ġużeppi,” staqsa lil Pilatu għall-​ġisem taʼ Ġesù u Pilatu tahulu. Ir-​rakkont taʼ Mattew iżid: “Ġużeppi ħa l-​ġisem, keffnu fl-​għażel fin u nadif, u poġġieh fil-​qabar tat-​tifkira ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-​blat. U, wara li gerbeb ġebla kbira mal-​bieb tal-​qabar tat-​tifkira, telaq.”—Mt. 27:57-​60.

Ilqgħu lis-​Sultan Messjaniku!

19. Kif twettqet il-​profezija f’Salm 16:10?

19 Il-​Messija kien se jiġi rxoxtat. David kiteb: “Int [Ġeħova] ma tħallix lil ruħi fil-​Qabar.” (Salm 16:10) Immaġina kemm baqgħu mistagħġbin in-​nisa li marru ħdejn il-​qabar fejn kien tpoġġa l-​ġisem taʼ Ġesù. Hemmhekk iltaqgħu m’anġlu materjalizzat li qalilhom: “Tibqgħux maħsudin. Intom qed tfittxu lil Ġesù n-​Nazzarenu li sammruh maʼ zokk. Ġie mqajjem, mhux qiegħed hawnhekk. Ara! Il-​post fejn poġġewh.” (Mk. 16:6) Lill-​folla preżenti f’Ġerusalemm f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​appostlu Pietru ddikjara: “[David] ra minn qabel u tkellem dwar l-​irxoxt tal-​Kristu, li la kien abbandunat fil-​Qabar u lanqas ġismu ma ra t-​taħsir.” (Atti 2:29-​31) Alla ma ħalliex il-​ġisem fiżiku t’Ibnu l-​għażiż jitħassar. Iktar minn hekk, Ġesù b’miraklu ġie mqajjem għall-​ħajja bħala spirtu!—1 Pt. 3:18.

20. Il-​ħakma tal-​Messija mbassra kif twettqet?

20 Bħalma ġie mbassar, Alla ddikjara li Ġesù hu Ibnu. (Aqra Salm 2:7; Mattew 3:17.) Ukoll, folol laqgħu lil Ġesù u s-​Saltna li ġejja, u aħna bil-​ferħ nitkellmu dwaru u dwar il-​ħakma mbierka tiegħu. (Mk. 11:7-​10) Kristu dalwaqt se jeqred lill-​għedewwa tiegħu hekk kif ‘jirkeb għall-​kawża tal-​verità, l-​umiltà, u s-​sewwa.’ (Salm 2:8, 9; 45:1-​6) Imbagħad, il-​ħakma tiegħu se ġġib paċi u prosperità globali. (Salm 72:1, 3, 12, 16; Is. 9:6, 7) Kemm aħna privileġġati li nipproklamaw dawn il-​veritajiet bħala Xhieda taʼ Ġeħova, li Ibnu l-​maħbub diġà jaħkem fis-​sema bħala s-​Sultan Messjaniku!

Int Kif Twieġeb?

• Ġesù kif ġie tradut u abbandunat?

• Xi profeziji dwar il-​mewt taʼ Ġesù kif twettqu?

• Int għala tinsab konvint li Ġesù hu l-​Messija mwiegħed?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Liema profeziji twettqu meta Ġesù daħal Ġerusalemm bħala sultan?

[Stampi f’paġna 15]

Ġesù miet għal dnubietna, imma issa jaħkem bħala s-​Sultan Messjaniku