Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma Stennew lill-Messija

Huma Stennew lill-Messija

“Il-​poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-​Messija.” —LQ. 3:15, GĦAQDA BIBLIKA MALTIJA.

1. Liema dikjarazzjoni anġelika semgħu ċerti rgħajja?

 IL-​LEJL kien daħal sew. Ir-​rgħajja kienu fl-​għelieqi, jgħassu n-​nagħaġ. Kemm baqgħu skantati xħin deher anġlu taʼ Ġeħova fil-​viċin u l-​glorja t’Alla bdiet tiddi madwarhom! Huma semgħu lill-​anġlu jagħmel din id-​dikjarazzjoni drammatika: “Tibżgħux, għax, ara! Qed inxandrilkom aħbar tajba taʼ ferħ kbir li se jkollhom in-​nies kollha, għax illum . . . twildilkom Salvatur li hu Kristu l-​Mulej,” il-​wieħed li se juri li hu l-​Messija. Ir-​rgħajja setgħu jsibu lil din it-​tarbija f’maxtura f’belt fil-​viċin. F’daqqa waħda, “dehret kotra mill-​armata tas-​sema” u bdiet tfaħħar lil Ġeħova u tgħid: “Glorja lil Alla fl-​ogħla postijiet tas-​smewwiet, u paċi fuq l-​art fost il-​bnedmin taʼ rieda tajba.”—Lq. 2:8-​14.

2. Xi tfisser il-​kelma “Messija,” u n-​nies kif setgħu jkunu jafu min hu?

2 Ovvjament, ir-​rgħajja Lhud kienu jafu li l-​kelma “Messija,” jew “Kristu,” tirreferi għall-​“Midluk” t’Alla. (Eżo. 29:5-​7) Imma kif setgħu jitgħallmu iktar u jikkonvinċu lil oħrajn li t-​tarbija li semma l-​anġlu kienet se tkun il-​Messija maħtur minn Ġeħova? Billi jeżaminaw xi profeziji fl-​Iskrittura Ebrajka u jqabbluhom mal-​attivitajiet u l-​ħajja taʼ dan it-​tifel.

In-​Nies Għala Kienu Qed Jistennew lill-​Messija?

3, 4. Il-​profezija f’​Danjel 9:24, 25 kif twettqet?

3 Meta Ġwanni l-​Għammied beda x-​xogħol tal-​ippritkar tiegħu snin wara, dak li qal u għamel ġiegħel lil xi nies jaħsbu jekk il-​Messija kienx wasal. (Aqra Luqa 3:15.) Jistaʼ jkun li xi wħud fehmu b’mod tajjeb il-​profezija Messjanika dwar is-​“sebgħin ġimgħa.” Jekk dan hu l-​każ, setgħu kienu jafu meta l-​Messija kien se jidher. Parti mill-​profezija kienet tgħid: “Mill-​ħruġ tal-​kelma biex Ġerusalemm tiġi restawrata u mibnija mill-​ġdid sal-​Messija l-​Mexxej, ikun hemm seba’ ġimgħat, kif ukoll tnejn u sittin ġimgħa.” (Dan. 9:24, 25) Diversi studjużi jaqblu li dawn huma ġimgħat taʼ snin. Pereżempju, il-​Bibbja Revised Standard Version tgħid: “Sebgħin ġimgħa taʼ snin huma dikjarati.”

4 Illum, il-​qaddejja taʼ Ġeħova jafu li d-​69 ġimgħa, jew l-​483 sena, taʼ Danjel 9:25 bdew fis-​sena 455 Q.E.K. meta s-​sultan Persjan Artaserse ta l-​awtorità lil Neħemija biex imur jirrestawra u jibni mill-​ġdid lil Ġerusalemm. (Neħ. 2:1-​8) Dawn il-​ġimgħat spiċċaw 483 sena wara, fis-​sena 29 E.K., meta Ġesù taʼ Nazaret tgħammed u ġie midluk bl-​ispirtu qaddis, u b’hekk sar il-​Messija.—Mt. 3:13-​17. a

5. Liema profeziji se nikkunsidraw issa?

5 Issa ejja nikkunsidraw ftit mill-​ħafna profeziji oħra dwar il-​Messija li twettqu permezz tat-​twelid, it-​tfulija, u l-​ministeru taʼ Ġesù. Dan bla dubju se jsaħħilna l-​fidi fil-​kelma profetika t’Alla. Ukoll, se jagħtina evidenza ċara li Ġesù tassew kien il-​Messija tant mistenni.

Tfulitu Mbassra

6. Spjega kif twettaq Ġenesi 49:10.

6 Il-​Messija kellu jitwieled mit-​tribù taʼ Ġuda f’Iżrael. Meta l-​patrijarka Ġakobb kien fuq is-​sodda tal-​mewt tiegħu, hu bierek lil uliedu u bassar: “Ix-​xettru ma jitwarrabx minn Ġuda, lanqas il-​ħatar taʼ kmandant minn bejn riġlejh, sakemm jiġi Silo; u l-​popli se jobdu lilu.” (Ġen. 49:10) Ħafna għalliema Lhud tal-​passat emmnu li dan il-​kliem kien dwar il-​Messija. Mill-​ħakma tas-​Sultan David li kien minn Ġuda, ix-​xettru (is-​sovranità rjali) u l-​ħatar taʼ kmandant (il-​qawwa li jikkmanda) kellhom ikunu fit-​tribù taʼ Ġuda. “Silo” jfisser “Dak li tiegħu hija; Dak li lilu tappartjeni.” Il-​ħakma rjali taʼ Ġuda kienet se tispiċċa b’“Silo” bħala s-​sultan Werriet permanenti, għax Alla qal lil Sedekija, l-​aħħar sultan mit-​tribù taʼ Ġuda, li l-​ħakma kienet se tingħata lil dak li għandu d-​dritt legali għaliha. (Eżek. 21:26, 27) Wara Sedekija, Ġesù kien l-​uniku dixxendent taʼ David li lilu ġiet imwiegħda ħakma. Qabel it-​twelid taʼ Ġesù, l-​anġlu Gabrijel qal lil Marija: “Alla Ġeħova jagħtih it-​tron taʼ David missieru, u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.” (Lq. 1:32, 33) Silo bilfors li hu Ġesù Kristu, li kien dixxendent taʼ Ġuda u David.—Mt. 1:1-​3, 6; Lq. 3:23, 31-​34.

7. Il-​Messija fejn twieled, u dan għala hu sinifikanti?

7 Il-​Messija kien se jitwieled f’Betlehem. Il-​profeta Mikea kiteb: “Int, O Betlehem t’Efrata, li int ċkejkna wisq biex tkun fost l-​eluf taʼ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li għandu jsir ħakkiem f’Israel, li l-​oriġini tiegħu hi mill-​qedem, mill-​jiem taʼ żmien twil ilu.” (Mik. 5:2) Il-​Messija kellu jitwieled fil-​belt Lhudija, Betlehem, li milli jidher xi darba kien jisimha Efrata. Imma omm Ġesù, Marija, u missieru adottiv, Ġużeppi, kienu jgħixu f’belt differenti jisimha Nazaret. Meta kien kważi wasal iż-​żmien biex Ġesù jitwieled, il-​ħakkiem Ruman qal lin-​nies imorru lura fil-​post fejn twieled il-​missier ħalli jirreġistraw isimhom. Allura, Marija u Ġużeppi marru Betlehem, fejn twieled Ġesù fis-​sena 2 Q.E.K. (Mt. 2:1, 5, 6) Xi twettiq tal-​għaġeb tal-​profezija!

8, 9. X’ġie mbassar dwar it-​twelid tal-​Messija u dak li ġara wara?

8 Il-​Messija kien se jitwieled minn verġni. (Aqra Isaija 7:14.) Il-​kelma Ebrajka bethu·lahʹ tfisser “verġni,” imma kelma oħra (ʽal·mahʹ) tidher f’Isaija 7:14. Hemm ġie profetizzat li “t-​tfajla [ha·ʽal·mahʹ]” kienet se tiled iben. Il-​kelma ʽal·mahʹ tintuża b’konnessjoni mat-​tfajla Rebekka qabel ma żżewġet. (Ġen. 24:16, 43) Mattew ġie mnebbaħ juża l-​kelma Griega għal “verġni” (par·theʹnos) meta wera li Isaija 7:14 twettaq b’konnessjoni mat-​twelid taʼ Ġesù. Il-​kittieba tal-​Evanġelji Mattew u Luqa qalu li Marija kienet verġni u li nqabdet tqila permezz tal-​ispirtu t’Alla.—Mt. 1:18-​25; Lq. 1:26-​35.

9 Tfal żgħar kienu se jiġu maqtulin wara t-​twelid tal-​Messija. Ġrat xi ħaġa simili sekli qabel, meta l-​Fargħun tal-​Eġittu ħareġ digriet li t-​trabi subien Lhud jiġu mitfugħin fix-​Xmara Nil. (Eżo. 1:22) Imma xi ħaġa li tassew hi taʼ min jinnotaha hi l-​iskrittura taʼ Ġeremija 31:15, 16, li fiha Rakele tiġi deskritta bħala li qed tibki minħabba wliedha li ttieħdu fil-​“pajjiż taʼ l-​għadu.” Il-​biki tagħha jinstemaʼ sa Rama, fit-​territorju taʼ Benjamin, lejn it-​Tramuntana taʼ Ġerusalemm. Mattew juri li kliem Ġeremija twettaq meta s-​Sultan Erodi ordna li jinqatlu t-​tfal żgħar subien f’Betlehem u fil-​bliet tal-​madwar. (Aqra Mattew 2:16-​18.) Immaġina n-​niket f’dawk l-​inħawi!

10. Spjega kif twettqet f’Ġesù l-​profezija taʼ Ħosea 11:1.

10 Bħall-​Iżraelin, il-​Messija kien se jissejjaħ mill-​Eġittu. (Ħos. 11:1) Biex isalva lil Ġesù minn Erodi, anġlu qal lil Ġużeppi u lil Marija biex jitilqu minn Iżrael u jieħdu lil Ġesù l-​Eġittu. Huma baqgħu hemm “sal-​mewt t’Erodi, sabiex jitwettaq dak li qal Ġeħova permezz tal-​profeta tiegħu [Ħosea]: ‘Mill-​Eġittu sejjaħt lil ibni.’” (Mt. 2:13-​15) M’għandniex xi ngħidu, kien impossibbli li Ġesù kkontrolla l-​affarijiet li ġraw fit-​twelid tiegħu u fi tfulitu.

Il-​Messija Jibda l-​Ministeru Tiegħu!

11. Min ħejja t-​triq għall-​Messija?

11 Messaġġier kellu jħejji t-​triq għall-​Midluk t’Alla. Malakija bassar li “Elija l-​profeta” kien se jagħmel dan ix-​xogħol u jħejji l-​qlub tan-​nies għall-​Messija li kien ġej. (Aqra Malakija 4:5, 6.) Ġesù nnifsu identifika lil dan “Elija” bħala Ġwanni l-​Għammied. (Mt. 11:12-​14) U Marku qal li l-​ministeru taʼ Ġwanni wettaq il-​kliem profetiku t’Isaija. (Is. 40:3; Mk. 1:1-​4) Ġesù ma qalx lil Ġwanni jħejji t-​triq għalih. Kien Alla li ried li n-​nies ikunu jafu min hu l-​Messija. Allura kien Alla li għażel lil Ġwanni biex jagħmel xogħol bħal taʼ Elija u jħejji n-​nies biex jilqgħu lill-​Messija.

12. Liema inkarigu jgħinna nidentifikaw lill-​Messija?

12 Inkarigu mogħti minn Alla jgħinna nidentifikaw lill-​Messija. Fis-​sinagoga taʼ Nazaret, il-​belt fejn trabba, Ġesù qara mir-​romblu t’Isaija u applika l-​kliem għalih innifsu. Dan hu dak li qara: “L-​ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqi, għax Hu dilikni biex inxandar aħbar tajba lill-​foqra, bagħatni nippriedka l-​ħelsien lill-​imjassrin u l-​għoti tad-​dawl lill-​għomja, biex neħles lill-​imgħakksin, biex nippriedka s-​sena aċċettabbli mingħand Ġeħova.” Minħabba li hu tassew kien il-​Messija, Ġesù kellu kull dritt jgħid: “Illum twettqet din l-​iskrittura li għadkom kemm smajtu.”—Lq. 4:16-​21.

13. Il-​ministeru pubbliku taʼ Ġesù fil-​Galilija kif ġie mbassar?

13 Il-​ministeru pubbliku tal-​Messija fil-​Galilija ġie mbassar. Rigward “l-​art taʼ Żebulun u l-​art taʼ Naftali . . . il-​Galilija tal-​ġnus,” Isaija kiteb: “In-​nies li kienu mexjin fid-​dlam raw dawl kbir. U dawk li jgħammru fl-​art taʼ dell iswed ħafna, idda dawl fuqhom.” (Is. 9:1, 2) Ġesù beda l-​ministeru pubbliku tiegħu fil-​Galilija, filwaqt li hu għex f’Kafarnahum, fejn ħafna mir-​residenti taʼ Żebulun u Naftali gawdew il-​benefiċċji tad-​dawl spiritwali li wasslilhom. (Mt. 4:12-​16) Fil-​Galilija, Ġesù ta l-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja li tqanqal il-​ħsieb, għażel lill-​appostli tiegħu, wettaq l-​ewwel miraklu, u x’aktarx deher lil xi 500 dixxiplu wara l-​irxoxt tiegħu. (Mt. 5:1–7:27; 28:16-​20; Mk. 3:13, 14; Ġw. 2:8-​11; 1 Kor. 15:6) B’hekk, hu wettaq il-​profezija t’Isaija billi pprietka “fl-​art taʼ Żebulun u l-​art taʼ Naftali.” Naturalment, Ġesù pprietka l-​messaġġ tas-​Saltna f’postijiet oħra f’Iżrael.

L-​Attivitajiet l-​Oħrajn tal-​Messija Mbassrin

14. B’liema mod twettaq Salm 78:2 permezz taʼ Ġesù?

14 Il-​Messija kien se jitkellem bil-​parabboli, jew bit-​tixbihat. Is-​salmista Asaf kanta: “Bil-​qwiel se niftaħ fommi.” (Salm 78:2) Kif nafu li dan applika b’mod profetiku għal Ġesù? Għax jgħidilna Mattew. Wara li jirrakkonta tixbihat li fihom Ġesù xebbah lis-​Saltna maʼ żerriegħa tal-​mustarda li qed tinbet u mal-​ħmira, Mattew jgħid: “Ma kienx ikellimhom [Ġesù] mingħajr xi tixbiha; sabiex iseħħ dak li ntqal permezz tal-​profeta: ‘Se niftaħ fommi bit-​tixbihat, inxandar affarijiet moħbijin sa mit-​tisjis tad-​dinja.’” (Mt. 13:31-​35) Il-​qwiel, jew il-​parabboli, kienu fost l-​iktar affarijiet effettivi li uża Ġesù biex jgħallem.

15. Uri kif il-​profezija f’​Isaija 53:4 twettqet.

15 Il-​Messija kellu jġorr il-​mard tagħna. Isaija bassar: “Tassew, hu ġarr il-​mard tagħna; u inkwantu għall-​weġgħat tagħna, tgħabba bihom hu.” (Is. 53:4) Wara li qal li Ġesù fejjaq il-​kunjata taʼ Pietru, Mattew qal li Ġesù fejjaq lil oħrajn “sabiex jitwettaq dak li ntqal mill-​profeta Isaija: ‘Hu stess ħa l-​weġgħat tagħna u ġarr il-​mard tagħna.’” (Mt. 8:14-​17) U dan hu biss darba waħda fost il-​ħafna drabi dokumentati meta Ġesù fejjaq lill-​morda.

16. L-​appostlu Ġwanni kif wera li Ġesù wettaq Isaija 53:1?

16 Minkejja t-​tajjeb kollu li għamel il-​Messija, ħafna nies ma kinux se jemmnu fih. (Aqra Isaija 53:1.) L-​appostlu Ġwanni wera li din il-​profezija twettqet meta kiteb: “Għalkemm [Ġesù] kien wettaq ħafna sinjali quddiemhom, ma kinux qed ipoġġu l-​fidi fih, sabiex b’hekk twettqet il-​kelma tal-​profeta Isaija li qal: ‘Ġeħova, min poġġa l-​fidi f’dak li nstemaʼ minna? U lil min ġie rivelat id-​driegħ taʼ Ġeħova?’” (Ġw. 12:37, 38) Anke snin wara, meta l-​appostlu Pawlu pprietka l-​aħbar tajba, ma kienx hemm ħafna nies li emmnu li Ġesù kien il-​Messija.—Rum. 10:16, 17.

17. Il-​profezija f’​Salm 69:4 kif twettqet?

17 In-​nies kienu se jobogħdu lill-​Messija għalxejn. (Salm 69:4) L-​appostlu Ġwanni jikkwota lil Ġesù bħala li qal: “Kieku m’għamiltx fost [in-​nies] l-​għemejjel li ħadd qatt m’għamel, ma kien ikollhom ebda dnub; imma issa raw u bagħdu kemm lili kif ukoll lil Missieri. Imma dan ġara biex jitwettaq dak li hemm miktub fil-​Liġi tagħhom, ‘Bagħduni għalxejn.’” (Ġw. 15:24, 25) Spiss, il-​kelma “Liġi” tfisser l-​Iskrittura kollha. (Ġw. 10:34; 12:34) Ir-​rakkonti tal-​Evanġelji juru biċ-​ċar li Ġesù kien mibgħud, speċjalment mill-​mexxejja reliġjużi Lhud. Iktar minn hekk, Kristu qal: “Id-​dinja m’għandhiex għalfejn tobgħodkom, imma lili tobgħodni, għax nixhed dwarha li l-​għemejjel tagħha huma mill-​agħar.”—Ġw. 7:7.

18. X’se nitgħallmu fl-​artiklu li jmiss?

18 Is-​segwaċi taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu kienu ċerti li Ġesù kien il-​Messija għax tabilħaqq hu wettaq il-​profeziji Messjaniċi li nsibu fl-​Iskrittura Ebrajka. (Mt. 16:16) Bħalma rajna, xi wħud minn dawn twettqu matul it-​tfulija u l-​ministeru taʼ Ġesù taʼ Nazaret. Iktar profeziji Messjaniċi se jiġu eżaminati fl-​artiklu li jmiss. Il-​fatt li nirriflettu fuqhom bit-​talb żgur li se jsaħħaħ il-​konvinzjoni tagħna li Ġesù Kristu tassew hu l-​Messija li ġie maħtur minn Missierna tas-​sema, Ġeħova.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dettaljata tas-​“sebgħin ġimgħa,” ara kapitlu 11 tal-​ktieb Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel!

Int Kif Twieġeb?

• Liema profeziji twettqu b’konnessjoni mat-​twelid taʼ Ġesù?

• Min ħejja t-​triq għall-​Messija?

• Liema kliem profetiku taʼ Isaija kapitlu 53 twettaq permezz taʼ Ġesù?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]