Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irsisti għall-Paċi

Irsisti għall-Paċi

“Ħa niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi.”—RUM. 14:19.

1, 2. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għala jgawdu l-​paċi bejniethom?

 KEMM hu diffiċli ssib il-​paċi vera fid-​dinja tal-​lum! Anke nies li huma mill-​istess pajjiż u li jitkellmu l-​istess lingwa spiss ikunu maqsumin reliġjożament, politikament, u soċjalment. B’kuntrast, il-​poplu taʼ Ġeħova huwa magħqud minkejja l-​fatt li ġej minn “kull ġens u tribù u poplu u lsien.”—Riv. 7:9.

2 Il-​kundizzjoni paċifika li ġeneralment teżisti fostna ma ġietx mix-​xejn. Primarjament ġiet għaliex aħna “ngawdu l-​paċi m’Alla” permezz tal-​fidi tagħna f’Ibnu, li d-​demm imxerred tiegħu jpatti għal dnubietna. (Rum. 5:1; Efes. 1:7) Iktar minn hekk, l-​Alla l-​veru jagħti spirtu qaddis lill-​qaddejja leali tiegħu, u l-​frott taʼ dak l-​ispirtu jinkludi l-​paċi. (Gal. 5:22) Raġuni oħra għall-​unità taʼ paċi li għandna hi li m’aħniex “parti mid-​dinja.” (Ġw. 15:19) Minflok ma nżommu maʼ naħa jew oħra fi kwistjonijiet politiċi, aħna nibqgħu newtrali. Billi ‘ħdimna sjufna f’sikek tal-​moħriet,’ ma ninvolvux ruħna fi gwerer ċivili jew internazzjonali.—Is. 2:4.

3. X’tagħmel possibbli l-​paċi li nistgħu ngawdu, u x’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Il-​paċi li nistgħu ngawdu bejnietna tfisser iktar milli sempliċement noqogħdu lura milli nagħmlu l-​ħsara lil ħutna. Għalkemm il-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li nagħmlu parti minnha tistaʼ tkun magħmula minn individwi li jiġu minn ħafna kulturi u gruppi etniċi differenti, aħna ‘nħobbu lil xulxin.’ (Ġw. 15:17) Il-​paċi tagħna tippermettilna biex “nagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-​fidi.” (Gal. 6:10) Il-​ġenna spiritwali kollha paċi tagħna hija xi ħaġa taʼ min jgħożżha u jħarisha. Għalhekk, ejja naraw kif nistgħu nirsistu għall-​paċi fil-​kongregazzjoni.

Meta Nitfixklu

4. X’nistgħu nagħmlu biex nirsistu għall-​paċi meta nkunu nqasna lil xi ħadd?

4 Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi. Jekk xi ħadd ma jitfixkilx f’dak li jgħid, dan ikun raġel perfett.” (Ġak. 3:2) B’hekk, hemm ċans kbir li jkun hemm differenzi u nuqqas taʼ qbil fost nies tal-​istess twemmin. (Flp. 4:2, 3) Madankollu, il-​problemi bejn individwi jistgħu jissolvew mingħajr ma tiġi mtellfa l-​paċi tal-​kongregazzjoni. Pereżempju, ikkunsidra l-​parir li għandna napplikaw jekk nirrealizzaw li nkunu nqasna lil xi ħadd.—Aqra Mattew 5:23, 24.

5. Kif nistgħu nirsistu għall-​paċi meta xi ħadd ikun naqasna?

5 Xi ngħidu jekk xi ħadd ikun naqasna f’xi ħaġa żgħira? Għandna nistennew lil dak li naqasna jiġi jitlobna skuża? L-​1 Korintin 13:5 jgħid: “[L-​imħabba] ma żżommx kont tal-​ħsara.” Meta niġu offiżi, aħna nirsistu għall-​paċi billi naħfru u ninsew, jiġifieri, billi ‘ma nżommux kont tal-​ħsara.’ (Aqra Kolossin 3:13.) Dan hu l-​aħjar mod kif nittrattaw nuqqasijiet żgħar li jkun hemm minn jum għall-​ieħor, għaliex b’hekk inkunu qed naħdmu biex ikollna relazzjoni taʼ paċi mal-​aduraturi sħabna u biex ikollna l-​paċi tal-​moħħ. Proverbju għaqli jgħid: ‘Hija ħaġa sabiħa . . . li tħalli nuqqas għaddej.’—Prov. 19:11.

6. X’għandna nagħmlu jekk ikun diffiċli ħafna għalina li nitfgħu wara spallejna offiża li tkun saritilna?

6 Xi ngħidu jekk insibu li ċerta offiża tkun diffiċli ħafna għalina li nitfgħuha wara spallejna? Li nxerrdu l-​kwistjoni maʼ kemm nies huma lesti li jisimgħu ċertament li mhuwiex il-​pass għaqli li nieħdu. Tqasqis bħal dan iservi biss biex itellef il-​paċi tal-​kongregazzjoni. X’għandu jsir biex tiġi rranġata l-​kwistjoni bil-​paċi? Mattew 18:15 jgħid: “Jekk ħuk jagħmel dnub, mur sibu waħdu u urih l-​iżball tiegħu. Jekk jismaʼ minnek, tkun ksibt lura lil ħuk.” Filwaqt li Mattew 18:15-​17 japplika għal dnub taʼ natura serja, meta nqisu l-​prinċipju li hemm f’vers 15, għandna b’qalb tajba navviċinaw lil dak li naqasna fil-​privat u nipprovaw nerġgħu nġeddu relazzjoni taʼ paċi miegħu. a

7. Għala għandna nkunu pronti biex nirranġaw it-​tilwim?

7 L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk tinkorlaw, tidinbux; tħallux ix-​xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati, u tagħtux wisaʼ lix-​Xitan.” (Efes. 4:26, 27) Ġesù qal: “Irranġa malajr maʼ min jiftaħ kawża kontrik fil-​qorti.” (Mt. 5:25) Għalhekk, li wieħed jirsisti għall-​paċi jirrikjedi li jirranġa d-​diffikultajiet malajr. Għala? Għaliex li nagħmlu dan jgħin biex dawn ma jiggravawx bħal ferita infettata li ma ddewwietx. Ejja ma nħallux il-​kburija, l-​għira, jew li norbtu qalbna żżejjed mal-​affarijiet materjali jżommuna milli nirranġaw it-​tilwim hekk kif jinqalaʼ.—Ġak. 4:1-​6.

Meta Ħafna Jkunu Involuti f’Argument

8, 9. (a) Liema ħarsiet differenti eżistew fil-​kongregazzjoni tal-​ewwel seklu f’Ruma? (b) Liema parir ta Pawlu lil Kristjani Rumani dwar it-​tilwima tagħhom?

8 Kultant, id-​differenzi fil-​kongregazzjoni ma jinvolvux biss żewġ persuni imma ħafna individwi. Dan kien il-​każ tal-​Kristjani f’Ruma li lilhom l-​appostlu Pawlu kiteb ittra ispirata. Kien hemm tilwima bejn il-​Kristjani Lhud u dawk Ġentili. Ċerti wħud f’din il-​kongregazzjoni milli jidher kienu qed imaqdru lil dawk li kellhom kuxjenza dgħajfa jew restrittiva żżejjed. Individwi bħal dawn kienu qed jiġġudikaw oħrajn b’mod mhux xieraq fuq kwistjonijiet persunali għall-​aħħar. Liema parir ta Pawlu lill-​kongregazzjoni?—Rum. 14:1-​6.

9 Pawlu ta parir lin-​nies fuq kull naħa tat-​tilwima. Hu qal lil dawk li fehmu li ma kinux taħt il-​Liġi Mosajka biex ma jmaqdrux lil ħuthom. (Rum. 14:2, 10) Attitudni bħal din setgħet fixklet lil kredenti li kienu għadhom ma jistgħux iniżżluha li jieklu affarijiet li ma kinux permessi bil-​Liġi. Pawlu wissiehom: ‘Tibqgħux iġġarrfu x-​xogħol t’Alla sempliċement minħabba l-​ikel.’ Qalilhom ukoll: ‘Hu sewwa li ma tiklux laħam jew li ma tixorbux inbid jew li ma tagħmlu xejn li jistaʼ jfixkel lil ħutkom.’ (Rum. 14:14, 15, 20, 21) Min-​naħa l-​oħra, Pawlu ta parir lil Kristjani b’kuxjenza iżjed restrittiva biex ma jiġġudikawx bħala żleali lil dawk li l-​kuxjenza tagħhom ippermettitilhom. (Rum. 14:13) Hu qal lil ‘kull wieħed minnhom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.’ (Rum. 12:3) Wara li ta parir liż-​żewġ naħat taʼ dit-​tilwima, Pawlu kiteb: “Għalhekk, mela, ħa niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi u l-​affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.”—Rum. 14:19.

10. L-​istess bħall-​kongregazzjoni tal-​ewwel seklu f’Ruma, x’inhu meħtieġ illum biex jiġu solvuti d-​differenzi?

10 Nistgħu nkunu ċerti li l-​kongregazzjoni f’Ruma ħadet il-​parir taʼ Pawlu u għamlet l-​aġġustamenti meħtieġa. Meta jkun hemm differenzi bejn l-​aħwa Kristjani llum, m’għandniex aħna bl-​istess mod nirranġaw it-​tilwim bil-​ħlewwa billi b’umiltà nfittxu u napplikaw pariri Skritturali? Bħalma ġara lir-​Rumani, illum dawk fuq iż-​żewġ naħat tal-​argument għandhom mnejn ikunu jridu jagħmlu aġġustamenti biex ‘iżommu l-​paċi bejniethom.’—Mk. 9:50.

Meta l-​Anzjani Jiġu Mitlubin Jgħinu

11. Għal xiex anzjan għandu joqgħod attent jekk Kristjan ikun irid ikellmu dwar xi tilwima maʼ sieħbu fit-​twemmin?

11 Xi ngħidu jekk Kristjan ikun irid ikellem lil anzjan dwar problema li għandu maʼ xi qarib jew sieħeb fit-​twemmin? Proverbji 21:13 jgħid: “Kulmin isodd widintu għall-​ilmenti tal-​batut, hu wkoll se jsejjaħ u jibqaʼ bla tweġiba.” Anzjan żgur li mhux ‘se jsodd widintu.’ Madankollu, proverbju ieħor iwissi: “L-​ewwel wieħed li jesprimi l-​każ tiegħu jidher li qiegħed fis-​sewwa, sakemm jidħol għajru u jgħarblu.” (Prov. 18:17) Anzjan għandu jismaʼ b’qalb tajba, iżda għandu joqgħod attent biex ma jżommx maʼ dak li jgħidlu bl-​offiża. Wara li jismaʼ l-​kwistjoni, x’aktarx jistaqsi jekk dak li ġie offiż tkellimx mal-​persuna l-​oħra. L-​anzjan għandu mnejn ukoll jgħaddi pariri Skritturali mal-​wieħed li ġie offiż biex dan jirsisti għall-​paċi.

12. Semmi xi eżempji li juru l-​periklu taʼ li wieħed jaġixxi bl-​għaġla wara li jismaʼ xi lment.

12 Tliet eżempji Bibliċi jenfasizzaw il-​periklu taʼ li wieħed jaġixxi bl-​għaġla wara li jismaʼ naħa waħda biss taʼ argument. Potifar emmen l-​istorja li qaltlu martu dwar li Ġużeppi kien ipprova jistupraha. B’rabja inġusta, Potifar ġiegħel li Ġużeppi jintefaʼ l-​ħabs. (Ġen. 39:19, 20) Is-​Sultan David emmen lil Siba, li qal li sidu, Mefiboset, kien żamm mal-​għedewwa taʼ David. “Ara! Tiegħek hu kulma għandu Mefiboset” kienet it-​tweġiba mgħaġġla taʼ David. (2 Sam. 16:4; 19:25-​27) Lis-​Sultan Artaserse ntqallu li l-​Lhud kienu qed jerġgħu jibnu s-​swar taʼ Ġerusalemm u li dalwaqt kienu se jirribellaw kontra l-​Imperu Persjan. Is-​sultan emmen l-​istqarrija falza u ordna li jieqaf il-​bini kollu f’Ġerusalemm. B’hekk, il-​Lhud waqqfu x-​xogħol tat-​tempju t’Alla. (Esd. 4:11-​13, 23, 24) L-​anzjani Kristjani b’għaqal jieħdu l-​parir li Pawlu ta lil Timotju biex jevitaw li jagħmlu ġudizzji minn qabel.—Aqra l-1 Timotju 5:21.

13, 14. (a) X’limitazzjonijiet għandna lkoll kemm aħna rigward it-​tilwim taʼ ħaddieħor? (b) Liema għajnuna għandhom l-​anzjani biex jiġġudikaw tajjeb lil sħabhom fit-​twemmin?

13 Anke meta jidher li kollox ikun ħareġ fil-​beraħ miż-​żewġ naħat taʼ tilwima, huwa importanti li wieħed jirrealizza li “jekk xi ħadd jaħseb li kiseb l-​għarfien dwar xi ħaġa, hu jkun għadu ma jafhiex kif imissu jafha.” (1 Kor. 8:2) Tassew inkunu nafu d-​dettalji kollha li wasslu għat-​tilwima? Nistgħu aħna nifhmu bis-​sħiħ dak li għaddew minnu l-​individwi tul ħajjithom? Meta l-​anzjani jiġu mitlubin jiġġudikaw is-​sitwazzjoni, kemm huwa importanti li ma jħallux lilhom infushom jiġu ingannati b’gideb, b’tattiki maħsubin sew, jew bi qlajjiet! L-​Imħallef maħtur t’Alla, Ġesù Kristu, jiġġudika bis-​sewwa. Ma ‘jiġġudikax biss fuq dak li jara b’għajnejh, lanqas ma jwiddeb sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh.’ (Is. 11:3, 4) Minflok, Ġesù hu gwidat bl-​ispirtu taʼ Ġeħova. Bl-​istess mod, l-​anzjani Kristjani għandhom il-​benefiċċju li jkunu gwidati bl-​ispirtu qaddis t’Alla.

14 Qabel ma l-​anzjani jiġġudikaw lil sħabhom fit-​twemmin, huma jkollhom bżonn jitolbu għall-​għajnuna tal-​ispirtu taʼ Ġeħova u jiddependu mill-​gwida tiegħu billi jfittxu fil-​Kelma t’Alla u fil-​pubblikazzjonijiet tal-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli.—Mt. 24:45.

Paċi Akkost taʼ Kollox?

15. Meta għandna nirrapportaw dnub serju li sirna nafu bih?

15 Bħala Kristjani, aħna mħeġġin nirsistu għall-​paċi. Madankollu, il-​Bibbja tgħid ukoll: “L-​għerf li ġej minn fuq hu l-​ewwel nett safi, imbagħad iġib il-​paċi.” (Ġak. 3:17) Li nġibu l-​paċi jiġi wara li nkunu safjin, jiġifieri, li nżommu mal-​livelli morali nodfa t’Alla u li nagħmlu dak li b’mod ġust jitlob minna. Jekk Kristjan isir jaf b’xi dnub serju magħmul minn sieħbu fit-​twemmin, hu għandu jinkuraġġixxi lil dan biex jistqarr id-​dnub lill-​anzjani. (1 Kor. 6:9, 10; Ġak. 5:14-​16) Jekk dak li għamel il-​ħażen ma jagħmilx dan, il-​Kristjan li sar jaf bid-​dnub għandu jirrapportah. Jekk dan jonqos milli jirrapporta, bi sforz żbaljat għaż-​żamma tal-​paċi mal-​midneb, ikun qed jidneb ukoll.—Lev. 5:1; aqra Proverbji 29:24.

16. X’nistgħu nitgħallmu mil-​laqgħa li kellu Ġeħu mas-​Sultan Ġeħoram?

16 Rakkont li jinvolvi lil Ġeħu juri li l-​ġustizzja t’Alla tiġi qabel li wieħed iġib il-​paċi. Alla bagħat lil Ġeħu biex jesegwixxi l-​ġudizzju Tiegħu fuq id-​dar tas-​Sultan Aħab. Is-​sultan mill-​agħar Ġeħoram, bin Aħab u Ġeżabel, rikeb fuq il-​karru tiegħu biex jiltaqaʼ maʼ Ġeħu u qal: “Paċi hemm, Ġeħu?” Kif wieġeb Ġeħu? Hu qal: “X’paċi jistaʼ jkun hemm sakemm jibqgħu ż-​żína t’ommok Ġeżabel u l-​ħafna sħarijiet tagħha?” (2 Slat. 9:22) Minnufih, Ġeħu ħa l-​qaws f’idejh u laqat lil Ġeħoram dritt ġo qalbu. L-​istess bħalma Ġeħu ħa azzjoni, l-​anzjani m’għandhomx jagħmlu kompromess maʼ min bla ma jindem jikkommetti dnub li sar apposta bi sforz biex tinżamm il-​paċi. Huma jkeċċu lill-​midinbin li mhumiex niedma biex il-​kongregazzjoni tkun tistaʼ tkompli tgawdi l-​paċi m’Alla.—1 Kor. 5:1, 2, 11-​13.

17. X’għandhom bżonn jagħmlu l-​Kristjani kollha biex iżommu l-​paċi?

17 Il-​biċċa l-​kbira tat-​tilwim fost l-​aħwa ma jinvolvix għemil ħażin serju li jirrikjedi azzjoni ġudizzjarja. Kemm hu tajjeb, mela, li bl-​imħabba ninsew l-​iżbalji taʼ oħrajn. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Dak li qed jgħatti nuqqas qed ifittex l-​imħabba, u dak li jibqaʼ jitkellem dwar kwistjoni qed jifred lil dawk li jafu lil xulxin sew.” (Prov. 17:9) Li naġixxu fi qbil maʼ dan il-​kliem se jgħinna lkoll biex jibqaʼ jkollna l-​paċi fil-​kongregazzjoni u biex inżommu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova.—Mt. 6:14, 15.

Li Nirsistu għall-​Paċi Jġib Barkiet

18, 19. Liema benefiċċji jkollna milli nirsistu għall-​paċi?

18 Li nirsistu għall-​“affarijiet li jġibu l-​paċi” se jġibilna barkiet għonja. Aħna ngawdu relazzjoni persunali mill-​qrib maʼ Ġeħova hekk kif nimitaw triqatu u nagħtu sehemna għall-​unità kollha paċi tal-​ġenna spiritwali tagħna. Li nirsistu għall-​paċi fil-​kongregazzjoni jgħinna wkoll naraw modi li bihom nistgħu nirsistu għall-​paċi maʼ dawk li nxandrulhom “l-​aħbar tajba tal-​paċi.” (Efes. 6:15) B’hekk aħna iktar imħejjijin biex ‘inkunu ġentili maʼ kulħadd, u nżommu ruħna mrażżnin quddiem il-​ħażen.’—2 Tim. 2:24.

19 Ftakar ukoll li se jkun hemm “irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Meta din it-​tama ssir realtà hawn fuq l-​art, miljuni taʼ nies bi sfondi, temperamenti, u personalitajiet differenti jiġu lura għall-​ħajja—u dan minn żmien li jibda “mit-​tisjis tad-​dinja”! (Lq. 11:50, 51) Tabilħaqq, se jkun privileġġ mill-​ikbar li ngħallmu lill-​uħud irxoxtati biex iħobbu l-​paċi. Kemm se jkun t’għajnuna kbira f’dak iż-​żmien it-​taħriġ li qed nieħdu issa bħala wħud li jġibu l-​paċi!

[Nota taʼ taħt]

a Għal gwida Skritturali li turi kif tittratta maʼ dnubiet hekk serji bħal kalunnji u frodi ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru, 1999, paġni 17-​22.

X’Tgħallimt?

• Kif nistgħu nirsistu għall-​paċi jekk inkunu nqasna lil xi ħadd?

• X’għandu jsir biex nirsistu għall-​paċi meta xi ħadd ikun naqasna?

• Għala ma jkunx għaqli li nżommu maʼ naħa jew oħra fit-​tilwim taʼ ħaddieħor?

• Spjega għala m’għandniex nirsistu għall-​paċi akkost taʼ kollox.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 29]

Ġeħova jħobb lil dawk li jaħfru mill-​qalb lil oħrajn