Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Internet—Nużaw b’Għaqal Din l-Għodda Globali

L-Internet—Nużaw b’Għaqal Din l-Għodda Globali

L-​invenzjoni tal-​istampar, sekli ilu, bidlet il-​mod kif in-​nies jikkomunikaw maʼ xulxin. L-​invenzjoni tal-​Internet fi żminijiet moderni ġiet imqabbla maʼ dan. Din l-​għodda prattika ġiet imsejħa għodda globali taʼ komunikazzjoni, u bir-​raġun. Hekk kif tuża din l-​għodda, tistaʼ ssib fatti, statistiki, u opinjonijiet fuq varjetà kbira taʼ suġġetti.

L-​abbiltà li nikkomunikaw hija għotja mill-​isbaħ mingħand il-​Ħallieq tagħna. Tagħmilha possibbli għalina li naqsmu ideat u informazzjoni m’oħrajn. Ġeħova kien l-​ewwel wieħed li kkomunika mal-​familja umana tiegħu billi tahom informazzjoni ċara u li tinftiehem dwar kif jistgħu jgħixu ħajja sinifikanti. (Ġen. 1:28-​30) Però, kif jidher ċar minn dak li ġara kmieni fl-​istorja tal-​bniedem, l-​għotja tal-​komunikazzjoni tistaʼ tintuża b’mod ħażin. Satana ta lil Eva informazzjoni falza għall-​aħħar. Hi aċċettat dak li qal u għaddietu lil Adam, li wassal lill-​umanità f’diżastru.—Ġen. 3:1-​6; Rum. 5:12.

X’nistgħu ngħidu dwar l-​użu tal-​Internet? Filwaqt li l-​Internet jistaʼ jipprovdi informazzjoni taʼ valur, jiffrankalna l-​ħin, u jagħmel xogħol utli, jistaʼ wkoll jagħtina informazzjoni żbaljata, jaħlilna ħafna ħin, u jħassarna moralment. Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nużaw din l-​għodda globali għall-​ġid tagħna.

L-​Informazzjoni​—Ġenwina jew Falza?

Qatt m’għandek tassumi li l-​informazzjoni kollha li ssib fuq l-​Internet hi tajba u taʼ ġid. Is-​search engines fuq l-​Internet, websajts li jgħinuk tfittex l-​informazzjoni, jistgħu jitqabblu maʼ grupp taʼ nies li bla heda jiġbru kull tip taʼ faqqiegħ—kemm dak li jistaʼ jittiekel kif ukoll dak velenuż—jitfgħuh ġo reċipjent wieħed u mbagħad jagħtuhulna biex nikluh. Kieku int taqbad u tiekol dan il-​faqqiegħ mingħajr ma teżamina bir-​reqqa kull waħda minnhom? Dażgur li le! Is-​search engines fuq l-​Internet jużaw numru kbir taʼ kompjuters biex jagħżlu minn biljuni taʼ websajts li fihom kollox, minn l-​aħjar sal-​agħar informazzjoni. Għandna bżonn id-​dixxerniment biex nifirdu l-​qamħ mill-​karfa, biex ngħidu hekk, li ma mmorrux nivvelenaw moħħna b’informazzjoni żbaljata.

Fl-​1993, rivista magħrufa kellha cartoon li wera żewġt iklieb quddiem kompjuter. Kelb minnhom spjega lill-​ieħor: “Fuq l-​Internet ħadd ma jaf li int kelb.” Ħafna żmien ilu, Satana nħeba wara serp biex “jiċċettja” maʼ Eva u qalilha li setgħet tkun bħal Alla. Illum, kull min għandu aċċess għall-​Internet jistaʼ jippreżenta ruħu bħala espert u jippretendi li jkun jifhem f’kollox, mingħajr ma lanqas biss jgħid x’jismu. U m’hemm l-​ebda regola dwar min jistaʼ jippubblika ideat, informazzjoni, stampi, u suġġerimenti.

Meta tuża l-​Internet, tiblax kollox bħalma għamlet Eva. Kun kritikuż u suspettuż dwar l-​informazzjoni. Qabel ma tafdaha, staqsi: (1) Min ippubblika dan il-​materjal? X’awtorità jew taħriġ għandu l-​awtur? (2) Għala ġie pubblikat? Xi mmotiva lill-​kittieb? Hemm xi preġudizzju? (3) L-​awtur minn fejn ġab l-​informazzjoni? Jagħti sorsi li tistaʼ tiċċekkja? (4) L-​informazzjoni hija kurrenti? Fl-​ewwel seklu l-​appostlu Pawlu ta lil Timotju parir li japplika bl-​istess mod illum. Pawlu kiteb: “Għasses dak li ġejt fdat bih u tbiegħed mid-​diskors vojt li jipprofana dak li hu qaddis u mill-​kontradizzjonijiet taʼ dak li b’mod falz jissejjaħ ‘għarfien.’”—1 Tim. 6:20.

Jiffrankalek il-​Ħin jew Jiħodhulek?

Jekk jintuża b’għaqal, l-​Internet mingħajr dubju jistaʼ jiffrankalna l-​ħin, l-​enerġija, u l-​flus. Nistgħu b’mod konvenjenti nixtru xi ħaġa mingħajr ma noħorġu mid-​dar. Nistgħu niffrankaw il-​flus billi nqabblu l-​prezzijiet. Is-​servizzi bankarji fuq l-​Internet għamlu l-​ħajja eħfef għal ħafna nies; kwistjonijiet finanzjarji jistgħu jiġu setiljati fi kwalunkwe ħin mill-​kumdità taʼ darna. L-​Internet jipprovdi għodod essenzjali biex nippjanaw skeda konvenjenti u ekonomika għal vjaġġ li beħsiebna nagħmlu u jgħinna nibbukkjaw dak li għandna bżonn. Bi ftit sforz, nistgħu nfittxu numri tat-​telefon, indirizzi, u modi differenti kif nistgħu naslu fil-​post li rridu mmorru. Madwar id-​dinja, uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jużaw ħafna minn dawn is-​servizzi biex jiffrankaw il-​ħin, il-​ħaddiema, u l-​flus.

Madanakollu, hemm aspett negattiv li għandna nikkunsidraw. Dan jikkonċerna l-​ammont taʼ ħin li jistaʼ jiħdilna l-​Internet. Għal xi wħud, l-​Internet sar ġugarell affaxxinanti minflok għodda utli. Huma jqattgħu ammonti kbar taʼ ħin jilagħbu, jixtru, jiċċettjaw, jibagħtu e-​mails, ifittxu, u jqallbu fl-​Internet. Eventwalment jibdew jittraskuraw l-​affarijiet iktar importanti li jinvolvu l-​familja, il-​ħbieb, u l-​kongregazzjoni. L-​Internet jistaʼ saħansitra jsir xi ħaġa li ma joqogħdux mingħajrha. Pereżempju, stima li ġiet pubblikata fl-​2010 indikat li 18.4 fil-​mija t’adoloxxenti Koreani kienu effettwati b’dipendenza mill-​Internet. Riċerkaturi Ġermaniżi stqarrew li “iktar u iktar nisa qed igergru dwar id-​dipendenza mill-​Internet [tal-​]imseħbin tagħhom.” Waħda mara lmentat li din id-​dipendenza biddlet lir-​raġel tagħha b’mod drammatiku, tant li kissret iż-​żwieġ tagħhom.

Uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova rċieva ittra mingħand xi ħadd li qal li kien sar jiddependi mill-​Internet. Kultant kien iqattaʼ sa 10 sigħat kuljum fuq l-​Internet. Wara li qal li “għall-​ewwel kollox kien jidher li ma fih xejn ħażin,” hu żied: “Maż-​żmien l-​attendenza tiegħi għal-​laqgħat majnat u waqaft nitlob.” Meta kien imur il-​laqgħat, ma kienx ikun preparat u kien ikun moħħu biex imur lura d-​dar għax kien ikollu sebaʼ mitt sena biex “jerġaʼ jidħol fuq l-​Internet.” B’ferħ, irrealizza s-​serjetà tal-​problema u ħa l-​passi biex jirranġaha. Jalla qatt ma naslu sal-​punt li l-​użu tal-​Internet isir xi ħaġa li niddependu minnha.

L-​Informazzjoni​—Siewja jew Le?

Fl-​1 Tessalonikin 5:21, 22 naqraw: “Aċċertaw ruħkom minn kollox; żommu sod mat-​tajjeb. Tbiegħdu minn kull xorta taʼ ħażen.” Aħna neħtieġu niddeterminaw jekk l-​informazzjoni li nsibu fuq l-​Internet jistħoqqilhiex l-​approvazzjoni t’Alla, fi qbil mal-​livelli għoljin tiegħu. Għandha tkun moralment aċċettabbli u xierqa għall-​Kristjan. Il-​pornografija fuq l-​Internet saret xi ħaġa tassew komuni, u jekk ma noqogħdux attenti, faċilment tistaʼ twaqqagħna fin-​nassa tagħha.

Inkunu għaqlin jekk nistaqsu lilna nfusna, ‘Dak li nara fuq l-​iskrin hu xi ħaġa li kieku naħbi malajr mis-​sieħeb jew is-​sieħba, mill-​ġenituri, jew minn ħuti Kristjani jekk jidħlu fil-​kamra?’ Jekk it-​tweġiba hija iva nagħmlu tajjeb li nużaw l-​Internet meta ħaddieħor ikun preżenti biss. L-​Internet tassew biddel il-​mod kif nikkomunikaw u nixtru. Minbarra dan, introduċa mod kompletament ġdid kif ‘nagħmlu adulterju f’qalbna.’—Mt. 5:27, 28.

Nibagħtu ’l Ħaddieħor jew Le?

L-​użu tal-​Internet jinkludi li tikseb informazzjoni kif ukoll li tqassamha. Għalkemm għandna l-​libertà li niksbu u ngħaddu l-​informazzjoni, aħna għandna wkoll ir-​responsabbiltà li nagħmlu ċert li hi vera u tajba moralment. Nistgħu aħna nikkonfermaw li dak li niktbu jew nibagħtu lil ħaddieħor hu minnu? Għandna l-​permess li ngħaddu l-​informazzjoni lil ħaddieħor? a Hija siewja u inkuraġġanti? X’inhuma l-​motivi tagħna għala qed nagħmluha disponibbli? Qed nagħmlu dan sempliċement biex nimpressjonaw lil oħrajn?

Jekk jintuża kif suppost, l-​e-​mail jistaʼ jkun barka. Imma wkoll jistaʼ jibbombardjana bl-​informazzjoni. Qegħdin aħna ngħabbu żżejjed lil oħrajn billi nibagħtu dak li ġara reċentement u dettalji mhux importanti lil-​listi twal taʼ nies li nafu u forsi nisirqulhom mill-​ħin prezzjuż tagħhom? M’għandniex aħna neżaminaw il-​motivi tagħna qabel ma nagħfsu l-​buttuna biex nibagħtu xi ħaġa? X’inhu dak li tassew nixtiequ nwettqu? In-​nies kienu jiktbu l-​ittri biex jaqsmu l-​esperjenzi tagħhom mal-​familja u l-​ħbieb, u b’hekk iżommuhom aġġornati b’dak li qed jiġri f’ħajjithom. M’għandux dan ikun l-​iskop tal-​e-​mail tagħna? Għala tgħaddi lil ħaddieħor xi ħaġa li ma tistax tikkonferma?

Allura x’għandna nagħmlu rigward l-​Internet? Nevitawh għalkollox? F’xi każi forsi hekk ikun hemm bżonn. Ir-​raġel li semmejna qabel, li kien jiddependi mill-​Internet, hekk għamel sabiex jegħleb snin taʼ dipendenza minnu. Min-​naħa l-​oħra, l-​użu tal-​Internet jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina, sakemm inħallu ‘l-​abbiltà li naħsbu tibqaʼ tgħasses fuqna, u d-​dixxerniment iħarisna.’—Prov. 2:10, 11.

[Nota taʼ taħt]

a L-​istess jgħodd għar-​ritratti. Għalkemm nistgħu nieħdu ritratti għall-​użu persunali tagħna, forsi m’għandniex il-​jedd li nqassmuhom, aħseb u ara li nagħtu l-​ismijiet tan-​nies li jidhru fir-​ritratti u ngħidu fejn jgħixu.

[Stampa f’paġna 4]

Kif tistaʼ tevita li ssir vittma taʼ informazzjoni żbaljata?

[Stampa f’paġna 5]

X’għandek tikkunsidra qabel ma tagħfas il-​buttuna biex tibgħat xi ħaġa?