Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Huwa possibbli li ngħidu bl-eżatt kemm hemm profeziji Messjaniċi fl-Iskrittura Ebrajka?
Studju bir-reqqa tal-Iskrittura Ebrajka jagħmilhielna possibbli li nidentifikaw għaxriet taʼ profeziji li twettqu permezz taʼ Ġesù Kristu. Dawn il-profeziji bassru dettalji dwar il-Messija, pereżempju, il-passat tiegħu, iż-żmien meta kellu jidher, dak li kellu jagħmel, kif kellu jiġi trattat, u l-post tiegħu fl-arranġament t’Alla Ġeħova. Dan kollu jagħti stampa grandjuża waħda li tgħinna nidentifikaw lil Ġesù bħala l-Messija. Madanakollu, hemm bżonn t’attenzjoni jekk nipprovaw niddeterminaw bl-eżatt kemm hemm profeziji Messjaniċi fl-Iskrittura Ebrajka.
Mhux kulħadd jaqbel x’inhi jew x’mhijiex profezija Messjanika. Fil-ktieb tiegħu The Life and Times of Jesus the Messiah, Alfred Edersheim qal li l-kitba rabbinika tal-qedem ikklassifikat 456 silta mill-Iskrittura Ebrajka bħala li huma Messjaniċi, għalkemm ħafna minnhom ma jsemmux speċifikament lill-Messija. Ħarsa mill-qrib lejn dawn l-456 silta tqajjem dubji jekk xi wħud minnhom humiex profeziji dwar Ġesù Kristu. Pereżempju, Edersheim qal li l-Lhud qiesu Ġenesi 8:11 bħala profezija Messjanika. Huma emmnu li “l-werqa taż-żebbuġ li nġiebet mill-ħamiema ttieħdet mill-Muntanja tal-Messija.” L-awtur semma wkoll Eżodu 12:42. Waqt li spjega kif il-Lhud fehmu ħażin din is-silta, hu kiteb: “Bħalma Mosè ħareġ mid-deżert, il-Messija kien se joħroġ minn Ruma.” Ħafna studjużi u oħrajn bla dubju kienu se jsibuha diffiċli biex iqabblu dawn iż-żewġ siltiet u spjegazzjonijiet żbaljati maʼ Ġesù Kristu.
Anke jekk nagħtu l-attenzjoni tagħna biss lil dawk il-profeziji li tassew twettqu f’Ġesù Kristu, aħna nħabbtu wiċċna maʼ diffikultajiet fuq li naqblu dwar numru eżatt. Pereżempju, ikkunsidra Isaija kapitlu 53, li fih diversi aspetti profetiċi dwar il-Messija. Isaija 53:2-7 jipprofetizza: “M’għandux sura impressjonanti . . . Kien mistmerr u skartat min-nies . . . Hu ġarr il-mard tagħna . . . Hu kien qed jiġi minfud minħabba li aħna ksirna l-liġi . . . Inġieb bħal nagħġa għall-qatla.” Għandha din is-silta kollha f’Isaija kapitlu 53 titqies bħala profezija Messjanika waħda, jew għandha kull waħda minn dawn il-karatteristiki tal-Messija titqies bħala profezija separata fuq il-mertu tagħha stess?
Ikkunsidra wkoll Isaija 11:1, li jgħid: “Trid toħroġ fergħa żgħira miz-zokk taʼ Ġesse; u mill-għeruq tiegħu rimja se tagħti l-frott.” F’vers 10, din il-profezija terġaʼ tidher, bi kliem simili. Għandna ngħoddu dawn iż-żewġ versi bħala żewġ profeziji separati jew bħala profezija waħda li ġiet ripetuta? Il-konklużjonijiet li tasal għalihom dwar Isaija kapitlu 53 u Isaija kapitlu 11 żgur li jeffettwaw in-numru totali tal-profeziji Messjaniċi.
Għaldaqstant, nagħmlu tajjeb jekk nevitaw li nkunu speċifiċi dwar in-numru totali tal-profeziji Messjaniċi fl-Iskrittura Ebrajka. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova ppubblikat listi li juru għaxriet taʼ profeziji dwar Ġesù u t-twettiq tagħhom. a Dawn il-listi jistgħu jkunu t’għajnuna u taʼ inkuraġġiment għalina fl-istudju persunali u tal-familja u fil-ministeru pubbliku tagħna. Iktar minn hekk, id-diversi profeziji Messjaniċi, hemm kemm hemm, juruna biċ-ċar li Ġesù hu l-Kristu, jew il-Messija.
[Nota taʼ taħt]
a Insight on the Scriptures, Volume 1, paġna 1223; Volume 2, paġna 387; “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial,” paġni 343-344; Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? paġna 200.