Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Kif għandna nifhmu n-​numri li jidhru fir-​rapport tas-​sena taʼ servizz?

Kull sena nħarsu ’l quddiem għar-​rapport tas-​servizz stampat fil-​Ministeru tas-​Saltna taʼ Frar. Huwa tassew eċċitanti li naraw dak li wettqu n-​nies taʼ Ġeħova bħala grupp fix-​xogħol globali tal-​ippritkar u tat-​tagħlim dwar is-​Saltna. Imma biex niksbu l-​akbar ġid mir-​rapport, għandna bżonn fehma korretta taʼ dak li hemm miktub kif ukoll ħarsa bilanċjata tan-​numri. Ikkunsidra ftit eżempji.

Sena taʼ servizz. Din testendi minn Settembru taʼ sena waħda s’Awwissu tas-​sena taʼ wara. Il-​Ministeru tas-​Saltna fih ir-​rapport tas-​sena taʼ servizz li tkun għadha kemm għaddiet. Għalhekk, Il-​Ministeru tas-​Saltna taʼ Frar 2011 fih ir-​rapport tas-​sena taʼ servizz 2010, li bdiet mill-​1 taʼ Settembru, 2009, sal-​31 t’Awwissu, 2010.

Quċċata taʼ pubblikaturi u medja taʼ pubblikaturi. Il-​kelma “pubblikaturi” tinkludi Xhieda mgħammdin taʼ Ġeħova kif ukoll uħud mhux mgħammdin li jikkwalifikaw biex ikunu proklamaturi tas-​Saltna. “Quċċata taʼ pubblikaturi” hija l-​ogħla numru taʼ nies li rrapportaw għal kwalunkwe xahar mis-​sena taʼ servizz u tistaʼ tinkludi rapporti li daħlu tard u li ma ngħaddux mar-​rapport tax-​xahar taʼ qabel. B’dan il-​mod xi pubblikaturi jistgħu jingħaddu darbtejn. Madanakollu, il-​quċċata ma tinkludix in-​numru taʼ pubblikaturi li fil-​fatt ħadu sehem fil-​ministeru imma nsew jirrapportaw. Dan jenfasizza l-​importanza li kull pubblikatur jirrapporta minnufih kull xahar. “Medja taʼ pubblikaturi” hija n-​numru taʼ wħud differenti li s-​soltu jirrapportaw il-​ħin tagħhom fil-​ministeru kull xahar.

Total taʼ sigħat. Skont Il-​Ministeru tas-​Saltna taʼ Frar 2011, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova qattgħu iktar minn 1.6 biljun siegħa fil-​ministeru tal-​għalqa. Però, dan it-​total ma jirrappreżentax is-​sigħat kollha li nqattgħu fil-​qima tagħna. Pereżempju, ma jinkludix il-​ħin li regolarment nużaw f’attivitajiet bħal li nagħmlu żjajjar pastorali, li nattendu l-​laqgħat, u li nieħdu sehem fi studju persunali tal-​Bibbja u meditazzjoni.

Flus li ntefqu. Matul is-​sena taʼ servizz 2010, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova nefqu iktar minn $155 miljun biex jieħdu ħsieb il-​pijunieri speċjali, il-​missjunarji, u l-​indokraturi li jivvjaġġaw fl-​inkarigi tagħhom fis-​servizz tal-​għalqa. Però, dan in-​numru ma jinkludix il-​flus li ntefqu fl-​istampar taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati mill-​Bibbja li nipproduċu; lanqas ma jinkludi l-​flus li nonfqu f’li nieħdu ħsieb l-​iktar minn 20,000 volontier f’Betel li jaħdmu fl-​uffiċċji tal-​fergħa madwar id-​dinja.

Dawk li jieħdu mill-​emblemi. Dan hu n-​numru taʼ individwi mgħammdin madwar id-​dinja li jieħdu mill-​emblemi tat-​Tifkira. Jirrappreżenta dan it-​total in-​numru taʼ wħud midlukin fuq l-​art? Mhux bilfors. Diversi fatturi—inkluż twemmin reliġjuż li wieħed ikun ħaddan qabel jew anke żbilanċ mentali jew emozzjonali—jistgħu jġiegħlu lil xi wħud jemmnu b’mod żbaljat li huma għandhom is-​sejħa għas-​sema. B’hekk, m’hemm l-​ebda mod li nkunu nafu n-​numru eżatt taʼ wħud midlukin fuq l-​art; lanqas m’għandna għalfejn inkunu nafu. Il-​Ġemgħa li Tiggverna ma żżommx lista tal-​ismijiet taʼ kull min jieħu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira. a

Dak li nafu hu li se jkun hemm xi ftit mill-​“ilsiera t’Alla tagħna” li huma midlukin hawn fuq l-​art meta jintelqu l-​irjieħ qerridin tat-​tribulazzjoni l-​kbira. (Riv. 7:1-​3) Sa dak iż-​żmien, il-​midlukin se jieħdu t-​tmexxija f’xi ħaġa li hi dokumentata sew fir-​rapport tas-​servizz taʼ kull sena—l-​akbar xogħol taʼ ppritkar u tagħlim li qatt sar fl-​istorja tal-​bniedem.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Il-​Prokuratur Leali u l-​Ġemgħa li Tiggverna Tiegħu,” fil-​ħarġa tat-Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Ġunju, 2009, paġna 24.