Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Hu s-Sehem Tiegħi

Ġeħova Hu s-Sehem Tiegħi

“Jien is-​sehem tiegħek u l-​wirt tiegħek f’nofs ulied Israel.” —NUM. 18:20.

1, 2. (a) X’kienet is-​sitwazzjoni tal-​Leviti inkwantu għal art bħala wirt? (b) Ġeħova liema assiguranza tahom lil-​Leviti?

 WARA li l-​Iżraelin kienu ħadu f’idejhom ħafna mill-​Art Imwiegħda, Ġożwè, il-​Qassis il-​Kbir Elegħażar, u l-​mexxejja tat-​tribujiet qasmu l-​art f’porzjonijiet, jew partijiet. Dawn il-​porzjonijiet kienu s-​sehem tal-​art li ngħataw it-​tribujiet. (Num. 34:13-​29) Inkwantu għal-​Leviti, ma setax ikollhom art bħala wirt bħalma ngħataw it-​tribujiet l-​oħrajn. (Ġoż. 14:1-​5) Il-​Leviti għala ma kellhomx territorju fl-​Art Imwiegħda, jew sehem minnha? Kienu minsijin?

2 Ir-​risposta nsibuha f’dak li Ġeħova qal lil-​Leviti. Ġeħova wiegħed li mhux se jabbandunahom. Hu qalilhom: ‘Jien is-​sehem tagħkom u l-​wirt tagħkom f’nofs ulied Israel.’ (Num. 18:20) X’assiguranza profonda: ‘Jien is-​sehem tagħkom’! Kif kont tħossok kieku Ġeħova qal dan lilek? L-​ewwel reazzjoni tiegħek għandha mnejn tkun, ‘Jistħoqqli jien assiguranza bħal din mingħand Dak li Jistaʼ Kollox?’ Forsi tistaqsi wkoll, ‘Jistaʼ Ġeħova tassew ikun is-​sehem taʼ kwalunkwe Kristjan imperfett illum?’ Dawn il-​mistoqsijiet jinvolvu lilek u lill-​maħbubin tiegħek. Għalhekk, ejja naraw xi tfisser din l-​istqarrija divina. Dan se jgħinna nifhmu kif Ġeħova jistaʼ jkun is-​sehem tal-​Kristjani llum. Iktar speċifikament, hu jistaʼ jkun is-​sehem tiegħek, kemm jekk għandek it-​tama li tgħix fis-​sema kif ukoll jekk tħares ’il quddiem lejn il-​ħajja f’ġenna tal-​art.

Ġeħova Jipprovdi għal-​Leviti

3. X’wassal biex Alla jieħu lil-​Leviti għas-​servizz tiegħu?

3 Qabel ma Ġeħova ta l-​Liġi lill-​Iżraelin, il-​kapijiet tal-​familja qdew bħala qassisin fosthom. Imma meta Ġeħova ta l-​Liġi lil Iżrael, hu għażel lil xi wħud mit-​tribù taʼ Levi biex jaqdu bħala qassisin u assistenti. Dan kif seħħ? Meta Alla qered lill-​ewwel imweldin tal-​Eġittu, hu qaddes lill-​ewwel imweldin taʼ Iżrael. Dan ifisser li kienu jappartjenu lilu għas-​servizz tiegħu. Imbagħad Alla għamel dan l-​aġġustament sinifikanti: “Nieħu l-​Leviti . . . minflok l-​ewwel imweldin kollha taʼ wlied Israel.” Ladarba ċensiment wera li l-​ewwel imweldin taʼ Iżrael kienu iktar mil-​Leviti fl-​għadd, tħallas prezz tal-​fidwa biex ipatti għad-​differenza. (Num. 3:11-​13, 41, 46, 47) B’hekk, il-​Leviti setgħu jwettqu l-​irwol tagħhom f’li jaqdu lill-​Alla taʼ Iżrael.

4, 5. (a) X’kien ifisser għal-​Leviti li jkollhom lil Alla bħala s-​sehem tagħhom? (b) Alla kif kien jipprovdi għal-​Leviti?

4 Dan l-​inkarigu x’kien ifisser għal-​Leviti? Ġeħova qal li hu kien is-​sehem tagħhom fis-​sens li minflok ma jirċievu art bħala wirt, huma ġew fdati bi privileġġ taʼ servizz imprezzabbli. Il-​wirt tagħhom kien il-​fatt li kienu “s-​saċerdozju taʼ Ġeħova.” (Ġoż. 18:7) Il-​kuntest taʼ Numri 18:20 juri li dan ma ħallihomx foqra materjalment. (Aqra Numri 18:19, 21, 24.) Il-​Leviti kellhom jingħataw “kull għaxar parti f’Israel bħala wirt talli qed iwettqu s-​servizz tagħhom.” Kellhom jirċievu 10 fil-​mija mill-​prodott taʼ Iżrael u miż-​żieda tal-​annimali domestiċi. Min-​naħa tagħhom, il-​Leviti kellhom jikkontribwixxu parti waħda minn għaxra taʼ dak li rċivew, “mill-​aqwanett,” għall-​appoġġ tas-​saċerdozju. a (Num. 18:25-​29) Il-​qassisin ngħataw ukoll “il-​kontribuzzjonijiet imqaddsin kollha” li wlied Iżrael kienu jieħdu għand Alla fil-​post taʼ qima tiegħu. B’hekk, membri tas-​saċerdozju kellhom raġun jemmnu li Ġeħova kien se jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom.

5 Xi wħud jemmnu li l-​Iżraelin taw it-​tieni għexur. Il-​familji Iżraelin kienu jużawhom għall-​ikel, għax-​xorb, u għat-​tgawdija matul il-​konvenzjonijiet qaddisin kull sena. (Dt. 14:22-​27) Imma kien hemm użu ieħor għal dawn l-​għexur. L-​Iżraelin kienu jiċċelebraw sena tas-​Sabat kull sebaʼ snin. Fi tmiem kull tielet u sitt sena taʼ dan il-​perijodu taʼ sebaʼ snin, l-​Iżraelin kienu jużaw dawn l-​għexur biex jgħinu lill-​foqra u wkoll lil-​Leviti. Il-​Leviti għala kienu inklużi f’din il-​liġi? Għax ma kellhom “ebda sehem jew wirt” f’Iżrael.—Dt. 14:28, 29.

6. Għalkemm ma kellhom ebda sehem mill-​art f’Iżrael, il-​Leviti fejn kienu se jgħammru?

6 Forsi tistaqsi, ‘Jekk il-​Leviti ma ngħataw ebda art, fejn kienu se jgħammru?’ Alla pprovdielhom. Tahom 48 belt flimkien mal-​mergħat taʼ madwarhom. Dawn inkludew is-​sitt ibliet tar-​refuġju. (Num. 35:6-​8) B’hekk, il-​Leviti kellhom fejn joqogħdu meta ma kinux ikunu qed jaqdu fis-​santwarju t’Alla. Ġeħova pprovda bl-​abbundanza għal dawk li taw ruħhom għas-​servizz tiegħu. Għalhekk, il-​Leviti kif setgħu juru li Ġeħova kien is-​sehem tagħhom? Billi jkunu fiduċjużi li Ġeħova kellu l-​qawwa li jagħtihom dak li kellhom bżonn u li ried jieħu ħsiebhom.

7. X’kien meħtieġ mil-​Leviti biex ikollhom lil Ġeħova bħala s-​sehem tagħhom?

7 Ma kienx hemm kastig fil-​Liġi għal Iżraeli li ma kienx jagħti l-​għexur. Imma meta n-​nies ma kinux jobdu l-​liġi taʼ Ġeħova dwar l-​għexur, il-​qassisin u l-​Leviti kienu jsofru. Dan ġara fi żmien Neħemija. Minħabba f’hekk, il-​Leviti kellhom jaħdmu fl-​għelieqi tagħhom, u b’hekk ittraskuraw il-​ministeru tagħhom. (Aqra Neħemija 13:10.) Kien biss meta l-​ġens obda l-​Liġi taʼ Ġeħova li l-​Leviti setaʼ jkollhom dak li kienu jeħtieġu. Barra minn hekk, il-​qassisin u l-​Leviti nfushom kellhom bżonn il-​fidi f’Ġeħova u fil-​mezzi tiegħu biex jipprovdilhom.

Individwi li Kellhom lil Ġeħova Bħala Sehemhom

8. Iddeskrivi l-​inkwiet li ffaċċja l-​Levita Asaf.

8 Il-​Leviti bħala tribù kellu jkollhom lil Ġeħova bħala sehemhom. Iżda, taʼ min jinnota li Leviti individwali kienu jużaw il-​frażi “Ġeħova huwa sehmi” biex jesprimu kemm kellhom devozzjoni lejn Alla u kemm kienu jistrieħu fuqu. (Lam. 3:24) Levita bħal dan kien għannej u kompożitur. Għalkemm setaʼ kien membru tad-​dar t’Asaf, se nirreferu għalih bħala Asaf, il-​Levita li kien imexxi lill-​għannejja fi żmien is-​Sultan David. (1 Kron. 6:31-​43) F’Salm 73 naqraw li Asaf (jew wieħed mid-​dixxendenti tiegħu) beda jgħir għall-​ħżiena. Hu ma setax jifhem għala donnhom kellhom ħajja komda, u wasal sal-​punt li qal: “Żgur li għalxejn naddaft qalbi u li naħsel idejja fl-​innoċenza.” Milli jidher, hu ma baqax jiffoka fuq il-​privileġġ taʼ servizz tiegħu; naqas li japprezza li Ġeħova kien sehmu. Kien inkwetat spiritwalment ‘sakemm daħal fis-​santwarju grandjuż t’Alla.’—Salm 73:2, 3, 12, 13, 17.

9, 10. Asaf għala setaʼ jirreferi għal Alla bħala ‘s-​sehem tiegħu għal dejjem’?

9 Fis-​santwarju, Asaf beda jħares lejn l-​affarijiet bħalma jħares lejhom Alla. Int għandek mnejn kellek esperjenza simili. Forsi f’xi żmien, sa ċertu punt, ma bqajtx tiffoka fuq il-​privileġġi spiritwali tiegħek u bdejt tiffoka fuq dak li ma kellekx materjalment. Imma billi studjajt il-​Kelma t’Alla u billi mort għal-​laqgħat Kristjani, bdejt tara l-​affarijiet kif jarahom Ġeħova. Asaf induna x’kien se jiġrilhom eventwalment il-​ħżiena. Hu ħaseb dwar l-​affarijiet tajbin li kellu u rrealizza li Ġeħova kien se jaqbadlu idu l-​leminija u jmexxih. B’hekk, Asaf setaʼ jgħid lil Ġeħova: “Ħliefek m’għandi ebda għaxqa oħra fuq l-​art.” (Salm 73:23, 25) Hu mbagħad irrefera għal Alla bħala s-​sehem tiegħu. (Aqra Salm 73:26.) Għalkemm ‘il-​ġisem u l-​qalb’ tas-​salmista setgħu ‘jiġu fix-​xejn,’ Alla kellu jkun ‘is-​sehem tiegħu għal dejjem.’ Is-​salmista kien fiduċjuż li Ġeħova kien se jiftakar fih bħala ħabib. Is-​servizz leali tiegħu ma kienx se jintesa. (Ekk. 7:1) Min jaf kemm kien rassiguranti dan għal Asaf! Hu kanta: “Min-​naħa tiegħi, li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija. Fil-​Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.”—Salm 73:28.

10 Il-​fatt li Ġeħova kien is-​sehem t’Asaf kien iktar importanti għalih mill-​affarijiet materjali li kien jirċievi bħala Levita. Dak li rrefera għalih kien prinċipalment il-​privileġġ taʼ servizz tiegħu u r-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova, il-​ħbiberija li kien ikkultiva mal-​Iktar Għoli. (Ġak. 2:21-​23) Biex jipproteġi din ir-​relazzjoni, is-​salmista kellu jżomm il-​fidi f’Ġeħova, billi jafda fih. Hu kellu jkun żgur li Ġeħova kien se jippremjah b’futur hieni jekk jobdih. Int jistaʼ jkollok l-​istess fiduċja f’Dak li Jistaʼ Kollox.

11. Ġeremija liema mistoqsija kellu, u kif twieġbet?

11 Il-​profeta Ġeremija kien Levita ieħor li rrikonoxxa lil Ġeħova bħala sehmu. Ejja nikkunsidraw x’ried ifisser meta uża din l-​espressjoni. Ġeremija kien jgħix f’Għanatot, belt Levita qrib Ġerusalemm. (Ġer. 1:1) Kien hemm żmien meta Ġeremija wkoll staqsa lil Ġeħova: Il-​ħżiena għala kienu qed jistagħnew waqt li n-​nies sewwa kienu qed ibatu? (Ġer. 12:1) Wara li osserva dak li kien qed iseħħ f’Ġerusalemm u f’Ġuda, ħassu mġiegħel ‘jilmenta’ dwar dak li ra. Ġeremija kien jaf li Ġeħova hu ġust. Dak li Ġeħova mbagħad nebbaħ lil Ġeremija biex jipprofetizza u kif Hu wettaq dak il-​kliem profetiku ta risposta konkreta għall-​mistoqsija tal-​profeta. F’armonija maʼ profeziji divini, dawk li obdew id-​direzzjoni taʼ Ġeħova ‘ħadu ruħhom bħala priża,’ filwaqt li l-​ħżiena li stagħnew injoraw it-​twissija u għabu.—Ġer. 21:9.

12, 13. (a) X’qanqal lil Ġeremija biex jgħid: “Ġeħova huwa sehmi”? (b) Liema attitudni wera? (ċ) It-​tribujiet kollha taʼ Iżrael għala kellhom jikkultivaw attitudni taʼ stennija?

12 Hekk kif iktar tard ħares lejn art twelidu li kienet ħerba, Ġeremija ħassu bħallikieku kien qed jimxi fid-​dlam. Kien bħallikieku Ġeħova kien ġiegħlu jpoġġi bilqiegħda “bħal dawk li ilhom mejtin żmien twil.” (Lam. 1:1, 16; 3:6) Ġeremija kien qal lill-​ġens stinat biex iduru lura lejn Missierhom tas-​sema, imma l-​ħażen tagħhom kien wasal sal-​punt li Alla kellu jħalli lil Ġerusalemm u lil Ġuda jiġu meqrudin. Dan weġġaʼ lil Ġeremija, għalkemm hu ma kellux ħtija. Saħansitra f’dan iż-​żmien taʼ sogħba, Ġeremija qal: “Ma ntemmejniex.” Dwar il-​ħniniet taʼ Ġeħova, hu qal: “Jiġġeddu kull fil-​għodu.” Kien f’dan il-​waqt li Ġeremija ddikjara: “Ġeħova huwa sehmi.” Hu kompla jkollu l-​privileġġ li jaqdi lil Ġeħova bħala profeta.—Aqra Lamentazzjonijiet 3:22-​24.

13 Għal 70 sena, l-​art tal-​Iżraelin kienet se tkun vojta u ħerba. (Ġer. 25:11) Imma l-​espressjoni taʼ Ġeremija, “Ġeħova huwa sehmi,” uriet il-​fiduċja tiegħu fil-​ħniena divina u tatu raġuni biex ‘jistenna b’attitudni xierqa.’ It-​tribujiet kollha taʼ Iżrael kienu tilfu l-​wirt tagħhom, u għalhekk kellhom bżonn jikkultivaw l-​istess attitudni bħall-​profeta. Ġeħova kien l-​unika tama għalihom. Wara 70 sena, in-​nies t’Alla ttieħdu lura lejn art twelidhom u kellhom il-​privileġġ li jaqduh hemmhekk.—2 Kron. 36:20-​23.

Oħrajn Setaʼ Jkollhom lil Ġeħova Bħala Sehemhom

14, 15. Minbarra l-​Leviti, min ħalla lil Ġeħova jkun is-​sehem tiegħu, u għala?

14 Kemm Asaf u kemm Ġeremija kienu mit-​tribù taʼ Levi, imma kienu l-​Leviti biss li setaʼ jkollhom il-​privileġġ li jaqdu lil Ġeħova? Żgur li le! Iż-​żagħżugħ David, dak li kellu jkun is-​sultan taʼ Iżrael fil-​futur, lil Alla sejjaħlu ‘s-​sehem tiegħu fl-​art tal-​ħajjin.’ (Aqra Salm 142:1, 5.) Meta David ikkompona dan is-​salm, hu ma kienx f’xi palazz jew saħansitra f’xi dar. Kien f’għar, jistaħba mill-​għedewwa tiegħu. Għall-​inqas f’żewġ okkażjonijiet, David stkenn fl-​għerien—wieħed ħdejn Għadullam u l-​ieħor fix-​xagħri taʼ Għajn-​gedi. Jistaʼ jkun li hu kkompona Salm 142 f’wieħed minn dawn l-​għerien.

15 Jekk dan kien il-​każ, kien is-​Sultan Sawl li kien qed jiġri wara David biex jipprova joqtlu. David ħarab lejn għar li kien diffiċli biex jintlaħaq. (1 Sam. 22:1, 4) F’dan ir-​reġjun imwarrab, David forsi ħass li ma kellu ebda ħabib maġenbu biex jappoġġah u jipproteġih. (Salm 142:4) Dan kien meta David sejjaħ lil Alla.

16, 17. (a) David għala setaʼ ħass li ma kellu lil ħadd biex jgħinu? (b) David lejn min setaʼ jdur għall-​għajnuna?

16 Qabel ma David kiteb Salm 142, hu għandu mnejn sar jaf x’kien ġralu l-​Qassis il-​Kbir Aħimelek. Bla ma kien jaf li David kien qed jaħrab minn Sawl, Aħimelek kien għen lil David. Is-​Sultan Sawl, li kien għajjur, qatel lil Aħimelek u lil taʼ daru. (1 Sam. 22:11, 18, 19) David ħassu responsabbli għall-​imwiet tagħhom. Kien bħallikieku kien hu li qatel lill-​qassis li kien għenu. Kieku kont fil-​pożizzjoni taʼ David, kont tħossok responsabbli? Il-​fatt li ma kellux mistrieħ għax Sawl baqaʼ jiġri warajh kompla jżid mal-​istress taʼ David.

17 Ftit wara dan miet il-​profeta Samwel, li kien dilek lil David biex ikun is-​sultan futur. (1 Sam. 25:1) Dan setaʼ ġiegħel lil David iħossu waħdu, bħallikieku ma kellu lil ħadd biex jgħinu. Madankollu, David kien jaf lejn min setaʼ jdur għall-​għajnuna—lejn Ġeħova. David ma kellux l-​istess privileġġ taʼ servizz bħal-​Leviti, imma hu kien diġà ġie midluk biex iwettaq tip taʼ servizz ieħor, li maż-​żmien kellu jkun is-​sultan tal-​poplu t’Alla. (1 Sam. 16:1, 13) Għalhekk, David fetaħ qalbu maʼ Ġeħova u kompla jfittex lil Alla għad-​direzzjoni. Int ukoll jistaʼ u għandu jkollok Lilu bħala s-​sehem u r-​refuġju tiegħek hekk kif tistinka fis-​servizz tiegħu.

18. L-​uħud li ddiskutejna f’dan l-​artiklu, kif urew li kellhom lil Ġeħova bħala s-​sehem tagħhom?

18 L-​uħud li kkunsidrajna kellhom lil Ġeħova bħala s-​sehem tagħhom fis-​sens li rċivew inkarigu taʼ xogħol fis-​servizz tiegħu. Huma straħu fuq Alla għall-​bżonnijiet hekk kif qdewh. Kemm il-​Leviti kif ukoll dawk tat-​tribujiet l-​oħrajn taʼ Iżrael, bħal David, setgħu jħallu lil Alla jkun is-​sehem tagħhom. Int kif tistaʼ bl-​istess mod tħalli lil Ġeħova jkun is-​sehem tiegħek? Dan se niddiskutuh fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Biex titgħallem iktar dwar kif Ġeħova ħa ħsieb il-​bżonnijiet tal-​qassisin, ara Insight on the Scriptures, Volume 2, paġna 684.

Int Kif Twieġeb?

• Ġeħova f’liema sens kien is-​sehem tal-​Leviti?

• Asaf, Ġeremija, u David x’għamlu biex juru li Ġeħova kien is-​sehem tagħhom?

• Liema kwalità teħtieġ jekk trid li Alla jkun is-​sehem tiegħek?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kumment f’paġna 8]

Il-​Leviti ma ngħatawx art bħala wirt. Minflok, Ġeħova kien sehemhom, għax huma kellhom il-​privileġġ kbir li jaqduh

[Stampa f’paġna 7]

Ġeħova kif kien is-​sehem tal-​qassisin u tal-​Leviti?

[Stampa f’paġna 9]

X’kien li għen lil Asaf ikompli jkollu lil Ġeħova bħala s-​sehem tiegħu?