Iġri Sabiex Tkun Tistaʼ Tikseb il-Premju
“Iġru b’tali mod li tiksbuh.”—1 KOR. 9:24.
1, 2. (a) Pawlu x’uża biex jinkuraġġixxi lill-Kristjani Ebrej? (b) Il-qaddejja t’Alla x’inhuma mħeġġin jagħmlu?
L-APPOSTLU Pawlu uża tixbiha taʼ tiġrija biex jinkuraġġixxi lill-Kristjani Ebrej. Hu fakkarhom li ma kinux waħedhom fit-tiġrija għall-ħajja. Madwarhom kien hemm ‘sħaba kbira taʼ xhieda,’ li b’suċċess kienu temmew it-tiġrija. Jekk il-Kristjani Ebrej kienu dejjem iżommu f’moħħhom l-atti taʼ fidi u l-isforzi taʼ dawn l-uħud leali, kienu se jkunu determinati biex ilestu t-tiġrija.
2 Fl-artiklu taʼ qabel, tkellimna dwar l-eżempju taʼ xi wħud minn dawk il-qaddejja leali taʼ Ġeħova. Il-fidi soda tagħhom f’Alla għenithom jibqgħu leali sat-tmiem taʼ ħajjithom. Huma komplew jiġru t-tiġrija sal-aħħar. Aħna kif nistgħu ntemmu t-tiġrija wkoll, bħalma għamlu huma? Pawlu qal: “Ħa nneħħu aħna wkoll kull piż u dak id-dnub li faċilment ifixkilna, u ħa niġru bis-sabar it-tiġrija li tqiegħdet quddiemna.”—Ebr. 12:1.
3. Il-Kristjani x’jistgħu jitgħallmu minn dak li qal Pawlu dwar il-ġiri fil-logħob Grieg?
3 Pawlu għala qal biex dak li jkun ‘ineħħi kull piż’? Ktieb li jitkellem dwar il-Kristjani fi żmien Pawlu jispjega l-mod kif kienu jiġru l-ġerrejja taʼ żmienu. (Backgrounds of Early Christianity) Dan jgħid: “Il-Griegi kienu jagħmlu l-eżerċizzji u jikkompetu għarwenin.” a Illum, forsi ma jidhirx xieraq li wieħed jiġri b’dan il-mod, imma l-ġerrejja kienu jiġru mingħajr ħwejjeġ għax ma riedu jħallu xejn iwaqqafhom milli jirbħu l-premju. Allura meta Pawlu qal lill-Kristjani Ebrej biex ‘ineħħu kull piż’ ried ifisser li għandhom jipprovaw ineħħu kull ħaġa f’ħajjithom li setgħet twaqqafhom milli jirbħu l-premju tal-ħajja taʼ dejjem. Dan kien parir għaqli għall-Kristjani Ebrej u hu parir għaqli għalina wkoll. Liema affarijiet f’ħajjitna jistgħu jkunu bħal piż u jagħmluhielna diffiċli biex intemmu t-tiġrija?
‘Neħħu Kull Piż’
4. In-nies fi żmien Noè biex kienu preokkupati?
4 Il-parir taʼ Pawlu kien biex ‘inneħħu kull piż.’ Dan jinkludi kull ħaġa li tistaʼ żżommna milli nagħtu l-attenzjoni sħiħa u l-aħjar sforz tagħna lit-tiġrija li qegħdin fiha. X’jistgħu jkunu dawn il-piżijiet? Jekk nikkunsidraw lil Noè—wieħed minn dawk l-eżempji li semma Pawlu—niftakru f’dak li qal Ġesù: “Bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll ikun fi żmien Bin il-bniedem.” (Lq. 17:26) Ġesù ma kienx qed jitkellem primarjament dwar il-qerda li se tiġi u li qatt ma kien hawn bħalha; kien qed jirreferi għall-mod taʼ ħajja tan-nies. (Aqra Mattew 24:37-39.) Il-biċċa l-kbira min-nies fi żmien Noè ma wrewx interess f’Alla, aħseb u ara kemm kienu se jistinkaw biex jogħġbuh. X’kien li aljenahom? Xejn taʼ barra minn hawn. L-ikel, ix-xorb, u ż-żwieġ—affarijiet li huma aspetti normali tal-ħajja. Il-problema vera kienet li “ma tawx kas,” bħalma qal Ġesù.
5. X’jistaʼ jgħinna biex niġru t-tiġrija sat-tmiem?
5 Bħal Noè u familtu, aħna għandna ħafna x’nagħmlu kuljum. Għandna bżonn naqilgħu l-għajxien u nieħdu ħsieb lilna nfusna u lill-familja tagħna. Dan jistaʼ jieħu ħafna mill-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tagħna. Speċjalment fi żminijiet diffiċli ekonomikament, hu faċli li nsiru ansjużi dwar in-neċessitajiet. Bħala Kristjani dedikati, għandna wkoll responsabbiltajiet teokratiċi importanti. Nieħdu sehem fil-ministeru, nippreparaw għal-laqgħat Kristjani u nattenduhom, u nibqgħu b’saħħitna spiritwalment permezz tal-istudju persunali u tal-qima tal-familja. Minkejja dak kollu li Noè kellu x’jagħmel biex jaqdi lil Alla, “għamel preċiż hekk.” (Ġen. 6:22) Huwa importanti ħafna li ma nġorru ebda piż li jistaʼ jagħmilhielna diffiċli biex niġru t-tiġrija sat-tmiem.
6, 7. Liema parir taʼ Ġesù għandna nżommu f’moħħna?
6 Pawlu x’ried ifisser meta qal li għandna nneħħu “kull piż”? M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux ninħelsu kompletament minn kull responsabbiltà li għandna. F’dan ir-rigward, żomm f’moħħok il-kliem taʼ Ġesù: “Qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-affarijiet li l-ġnus qed ifittxu bil-ħerqa. Għax Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha.” (Mt. 6:31, 32) Kliem Ġesù jagħti x’jifhem li anke l-hekk imsejħin affarijiet normali bħall-ikel u l-ilbies jistgħu jsiru taʼ piż jew taʼ tfixkil jekk ma jinżammux fil-post xieraq tagħhom.
7 Iffoka fuq il-kliem taʼ Ġesù: “Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha.” Dan il-kliem jurina li Missierna, Ġeħova, se jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħna. Naturalment, li jkollna “dawn l-affarijiet kollha” ma jfissirx li għandna dak kollu li nixtiequ. Għalhekk, Ġesù qalilna biex lanqas dwar l-affarijiet li għandna bżonn ma nkunu ansjużi. Inkella nkunu bħall-ġnus li “qed ifittxu bil-ħerqa” dawn l-affarijiet. Għala hu perikoluż li nsiru ansjużi dwar il-bżonnijiet tagħna? Ġesù qal: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa.”—Lq. 21:34, 35.
8. Għala għandna ‘nneħħu kull piż’ issa?
8 Hu bħallikieku qed naraw it-tmiem tat-tiġrija. Għaldaqstant, ma rridu nħallu xejn jagħmilhielna diffiċli biex illestu t-tiġrija. Huwa għalhekk li għandna ‘nneħħu kull piż.’ Irridu nkunu kuntenti bl-affarijiet li neħtieġu. L-appostlu Pawlu tana dan il-parir meta qal: “Hi mezz taʼ qligħ kbir din id-devozzjoni lejn Alla flimkien maʼ li wieħed ikun kuntent b’dak li għandu.” (1 Tim. 6:6) Jekk nagħtu widen għall-parir taʼ Pawlu, se jkun eħfef għalina biex inkomplu niġru u nirbħu l-premju.
“Id-Dnub li Faċilment Ifixkilna”
9, 10. (a) X’inhu d-dnub li jistaʼ faċilment ifixkilna? (b) Kif nistgħu nitfixklu?
9 Pawlu semma xi ħaġa oħra li rridu nneħħu, “id-dnub li faċilment ifixkilna.” Il-kelma Griega tradotta ‘faċilment ifixkel’ tidher darba biss fil-Bibbja, f’dan il-vers. Studjuż tal-Bibbja jismu Albert Barnes qal li ġerrej taʼ dak iż-żmien kien joqgħod attent biex ma jilbisx ħwejjeġ li setgħu jitgeżwru maʼ saqajh u jagħmluhielu diffiċli biex jiġri. U qal li bl-istess mod, Kristjan m’għandu jħalli xejn jagħmilhielu diffiċli biex jiġri t-tiġrija tiegħu. Kristjan m’għandu jħalli xejn ifixklu, jiġifieri, idgħajjiflu jew saħansitra jtelliflu l-fidi tiegħu. Kristjan kif jitlef il-fidi?
10 Kristjan ma jitlifx il-fidi tiegħu mil-lejl għan-nhar. Dan jistaʼ jsir bil-mod il-mod, saħansitra b’mod sottili. Iktar qabel fl-ittra tiegħu, Pawlu wissa dwar il-periklu li dak li jkun ‘jinġarr mal-kurrent’ u li ‘jiżviluppa qalb mill-agħar li tkun nieqsa mill-fidi.’ (Ebr. 2:1; 3:12) Meta ġerrej jitfixkel fi ħwejġu, ġeneralment jaqaʼ. Allura ġerrej irid jirrikonoxxi li jekk jagħżel li jiġri bi ħwejjeġ mhux adattati jistaʼ jaqaʼ. X’jistaʼ jġiegħel lil ġerrej jinjora dan il-periklu? Forsi t-traskuraġni jew il-kunfidenza żejda jew xi aljenazzjoni. Liema lezzjoni nistgħu nisiltu mill-parir taʼ Pawlu?
11. X’jistaʼ jġegħelna nitilfu l-fidi?
11 Għandna niftakru li jekk Kristjan jitlef il-fidi tiegħu, dan ikun minħabba l-affarijiet li għażel li jagħmel. Studjuż ieħor ukoll tkellem dwar “id-dnub li faċilment ifixkilna.” Hu spjega li ċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom, in-nies li nissieħbu magħhom, u x-xewqat ħżiena tagħna, kollha jistaʼ jkollhom effett qawwi ħafna fuqna. Dawn l-affarijiet jistgħu jdgħajfu l-fidi tagħna jew saħansitra jġegħluna nitilfuha.—Mt. 13:3-9.
12. Liema twissijiet huma importanti biex nobduhom jekk ma rridux nitilfu l-fidi tagħna?
12 L-ilsir leali u għaqli spiss wissiena biex nagħżlu bil-għaqal dak li naraw u dak li nisimgħu, għax dawn l-affarijiet jeffettwaw il-mod kif naħsbu u dak li nixxennqu għalih. Aħna ġejna mwissijin dwar il-periklu li dejjem inkunu rridu iktar flus u iktar affarijiet. Jekk inħobbu d-divertiment taʼ din id-dinja, jew irridu kull tagħmir elettroniku ġdid, nistgħu tant inkunu medhijin f’dawn l-affarijiet li ma jkollniex ħin għal affarijiet iktar importanti. Ikun żball serju jekk inħossu li parir bħal dan hu restrittiv iżżejjed jew li japplika biss għal oħrajn, filwaqt li aħna personalment b’xi mod ma niġux effettwati mill-perikli. It-tfixkil li d-dinja taʼ Satana tpoġġi quddiemna hu sottili u qarrieq. Xi wħud tilfu l-fidi tagħhom għax saru traskurati, kunfidenti żżejjed, jew aljenati minn affarijiet fid-dinja.—1 Ġw. 2:15-17.
13. Kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna kontra influwenzi taʼ ħsara?
13 Jum wara l-ieħor, aħna esposti għal nies li jippromwovu l-miri, il-valuri, u l-mod taʼ ħsib tad-dinja taʼ madwarna. (Aqra Efesin 2:1, 2.) Imma għandna għażla. Nistgħu niddeċiedu jekk aħniex se nħallu l-mod taʼ ħsib tad-dinja jeffettwana. “L-arja” li tkellem dwarha Pawlu hi fatali. Għandna dejjem noqogħdu għassa biex ma niġux fgati, jew soffokati, u b’hekk ma jirnexxilniex intemmu t-tiġrija. X’jistaʼ jgħinna nkomplu niġru fit-tiġrija? L-eżempju taʼ Ġesù. Hu l-aqwa eżempju taʼ xi ħadd li ġera t-tiġrija sal-aħħar u aħna nistgħu nimitawh. (Ebr. 12:2) Għandna wkoll l-eżempju tal-appostlu Pawlu. Hu ġera t-tiġrija u inkuraġġixxa lil ħutu biex jimitaw l-eżempju tiegħu.—1 Kor. 11:1; Flp. 3:14.
Kif Tistaʼ ‘Tikseb’ il-Premju
14. Kemm kien importanti għal Pawlu biex ilesti t-tiġrija?
14 Kemm kien importanti għal Pawlu biex ilesti t-tiġrija? Meta kellem lill-anzjani minn Efesu għall-aħħar darba, hu qal: “Ma nqisx lil ruħi bħala xi ħaġa għażiża għalija, dment li ntemm il-korsa tiegħi u l-ministeru li rċivejt mingħand il-Mulej Ġesù.” (Atti 20:24) Kien lest li jissagrifika kollox, inkluż ħajtu, sabiex itemm it-tiġrija. Għal Pawlu, l-isforzi u x-xogħol iebes kollu tiegħu b’konnessjoni mal-aħbar tajba kienu se jisfaw fix-xejn kieku b’xi mod naqas milli jtemm it-tiġrija. Kien jaf li kellu jibqaʼ jaħdem iebes sal-aħħar. Ma ħasibx li diġà kien rebaħ il-premju. (Aqra Filippin 3:12, 13.) Madankollu, ftit qabel ma miet, setaʼ jgħid: “Jien iġġilidt il-ġlieda t-tajba, ġrejt il-korsa sat-tmiem, osservajt il-fidi.”—2 Tim. 4:7.
15. Pawlu x’inkuraġġiment tahom lill-ġerrejja sħabu fit-tiġrija?
15 Pawlu ried li ħutu jtemmu t-tiġrija. Hu inkuraġġixxa lill-Kristjani f’Filippi biex jirsistu għas-salvazzjoni tagħhom stess. Hu fakkarhom biex ‘iżommu qabda soda mal-kelma tal-ħajja.’ Qalilhom ukoll għala dan kien importanti għalih: “Biex ikolli għalxiex nifraħ bil-kbir f’jum Kristu, li ma nkunx ġrejt jew ħdimt iebes għalxejn.” (Flp. 2:16) Inkuraġġixxa lill-Kristjani f’Korintu wkoll biex ikomplu jiġru ħalli jirbħu l-premju. Hu qal: “Iġru b’tali mod li tiksbuh [il-premju].”—1 Kor. 9:24.
16. Il-premju għala għandu jkun reali għalina?
16 F’tiġrija twila, bħal maratona, it-tmiem ma jkunx jidher mill-ewwel. Xorta waħda, matul it-tiġrija kollha, ġerrej jibqaʼ ffokat fuq it-tmiem. Dan l-iffokar isir iktar ċar meta jkun jaf li l-mira hi fil-viċin. Għandu jkun simili fit-tiġrija tagħna. Il-mira, jew il-premju, għandha tkun reali għalina. Dan se jgħinna niksbuha.
17. Il-fidi kif tagħmel il-premju reali għalina?
17 Pawlu kiteb: “Il-fidi hi l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom, it-turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.” (Ebr. 11:1) Abraham u Sara kienu lesti li jħallu warajhom ħajja komda u jgħixu bħala “stranġieri u residenti temporanji f’dik l-art.” X’għenhom jagħmlu dan? ‘Raw mill-bogħod’ it-twettiq tal-wegħdi t’Alla. Mosè ċaħad “it-tgawdija temporanja tad-dnub” u “t-teżori taʼ l-Eġittu.” Kif kellu l-fidi u s-saħħa biex jagħmel hekk? Hu “ħares fiss lejn il-ħlas tal-premju.” (Ebr. 11:8-13, 24-26) Pawlu qal li kull wieħed minn dawn l-individwi aġixxa “bil-fidi.” Kellhom fidi soda, u għalhekk il-premju kien dejjem reali għalihom. Ma ħallew ebda sitwazzjoni diffiċli tnessihom il-premju. Kienu jafu li Alla kien qed jgħinhom dak iż-żmien, u kienu jafu li l-wegħdi tiegħu għall-futur kienu se jseħħu.
18. X’għandna nagħmlu biex nevitaw li ma ntemmux it-tiġrija?
18 Billi nimmeditaw fuq l-irġiel u n-nisa taʼ fidi msemmijin f’Ebrej kapitlu 11 u billi nimitaw l-eżempju tagħhom, nistgħu nikkultivaw il-fidi u nwarrbu “d-dnub li faċilment ifixkilna.” (Ebr. 12:1) Ukoll, nistgħu “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin” billi ninġabru flimkien maʼ wħud li qed jikkultivaw l-istess fidi.—Ebr. 10:24.
19. Għala hu importanti li nkomplu niġru t-tiġrija issa?
19 Aħna ninsabu qrib l-aħħar tat-tiġrija tagħna u bħallikieku qed naraw it-tmiem. Permezz tal-fidi u bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna wkoll nistgħu ‘nneħħu kull piż u d-dnub li faċilment ifixkilna.’ Iva, nistgħu niġru b’tali mod li niksbu l-premju—il-barkiet li wegħedna Alla tagħna u Missierna, Ġeħova.
[Nota taʼ taħt]
a Il-Lhud tal-qedem kienu jaħsbu li dan kien xokkanti ħafna. Il-ktieb apokrifu tat-2 Makkabin jgħid li ħafna Lhud kienu rrabjati meta Ġason, il-Qassis il-Kbir apostata, ried li jinbena Ġinnasju f’Ġerusalemm bħalma kellhom il-Griegi.—2 Mak. 4:7-17.
X’Tiftakar Int?
• Kif nistgħu nneħħu “kull piż”?
• X’jistaʼ jġiegħel lil Kristjan jitlef il-fidi tiegħu?
• Il-premju għala għandu jkun reali għalina?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 23]
X’inhu “d-dnub li faċilment ifixkilna,” u kif jistaʼ jfixkilna?