Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Qari tal-Bibbja—Is-Sors Tiegħi taʼ Saħħa Tul Ħajti Kollha

Il-Qari tal-Bibbja—Is-Sors Tiegħi taʼ Saħħa Tul Ħajti Kollha

Kif rakkontata minn Marceau Leroy

“FIL-​BIDU Alla ħalaq is-​smewwiet u l-​art,” bdejt naqra fil-​privatezza taʼ kamarti. Għala kont qed naqra bil-​moħbi? Ċertament li missieri, li kien ateu, ma kienx se japprova l-​ktieb li kelli f’idejja—il-​Bibbja.

Qatt ma kont qrajt il-​Bibbja qabel, u dak il-​kliem tal-​ftuħ tal-​Ġenesi laqatni ħafna. Għedt bejni u bejn ruħi, ‘Din hi l-​ispjegazzjoni għall-​armonija tal-​liġijiet fiżiċi li dejjem immeraviljatni!’ Imsaħħar, qrajt mit-​tmienja taʼ filgħaxija sal-​erbgħa taʼ filgħodu. Dan kien il-​bidu tad-​drawwa tiegħi li naqra l-​Kelma t’Alla tul ħajti. Ħalli nispjega kif il-​qari tal-​Bibbja kien sors taʼ saħħa għalija matul għomri kollu.

“Se Jkollok Taqraha Kuljum”

Jien twilidt fl-​1926, f’Vermelles, raħal fejn kienu jħaffru għall-​faħam fit-​Tramuntana taʼ Franza. Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​faħam kien prodott taʼ importanza nazzjonali. Allura, bħala minatur, jien kont ħieles mis-​servizz militari. Xorta waħda, biex ikolli ħajja aħjar, bdejt nistudja r-​radju u l-​elettriċità, li għallmuni li l-​liġijiet fiżiċi jaħdmu flimkien b’mod tal-​għaġeb. Meta kelli 21 sena, wieħed minn sħabi tal-​klassi tani l-​ewwel Bibbja tiegħi u qalli, “Huwa ktieb taʼ min jaqrah.” Sakemm spiċċajt naqraha, kont konvint li l-​Bibbja hi l-​Kelma t’Alla, rivelazzjoni lill-​umanità.

Peress li ħsibt li anki l-​ġirien tiegħi kienu se jieħdu gost jaqraw il-​Bibbja, akkwistajt tmien kopji. Bqajt sorpriż meta waqqgħuni għaċ-​ċajt u opponewni. Xi qraba superstizzjużi wissewni, “Ladarba tibda taqra dan il-​ktieb, se jkollok taqrah kuljum!” Hekk għamilt u qatt ma ddispjaċieni. Sar id-​drawwa tiegħi tul ħajti kollha.

Billi għarfu li kelli interess fil-​Bibbja, xi ġirien tawni xi pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li kienu rċivew. Kotba żgħar bħal One World, One Government a (muri bil-​Franċiż) spjegaw għala l-​Bibbja tipponta lejn is-​Saltna t’Alla bħala l-​unika tama għall-​umanità. (Mt. 6:10) Kont determinat iktar minn qatt qabel biex naqsam din it-​tama m’oħrajn.

Wieħed mill-​ewwel uħud li aċċettaw Bibbja mingħandi kien Noël, ħabib minn tfuliti. Peress li kien Kattoliku prattikant, hu rranġa biex niltaqgħu maʼ raġel li kien qed jistudja biex isir qassis. Ħassejtni intimidat, imma minħabba li kont qrajt Salm 115:4-​8 u Mattew 23:9, 10, kont naf li Alla ma japprovax l-​użu tal-​idoli fil-​qima u ma jridx li membri tal-​kleru jiġu indirizzati b’titli reliġjużi. Dan tani l-​kuraġġ biex niddefendi t-​twemmin ġdid tiegħi. Minħabba f’hekk, Noël aċċetta l-​verità, u sal-​ġurnata tal-​lum hu għadu Xhud leali.

Żort ukoll lil oħti. Żewġha kellu kotba dwar l-​ispiritiżmu u kien qed jiġi turmentat mid-​demonji. Għalkemm għall-​ewwel ħassejtni bla qawwa, versi Bibliċi bħal Ebrej 1:14 ikkonvinċewni li kelli l-​appoġġ tal-​anġli taʼ Ġeħova. Meta r-​raġel t’oħti applika l-​prinċipji Bibliċi u rema dak kollu li kellu x’jaqsam mal-​okkult, setaʼ jeħles lilu nnifsu mill-​influwenza tad-​demonji. Kemm hu kif ukoll oħti saru Xhieda żelużi.

Fl-​1947, Xhud Amerikan, Arthur Emiot, ġie jħabbatli d-​dar. Eċċitat, staqsejtu fejn kienu jiltaqgħu x-​Xhieda. Hu qalli li kien hemm grupp f’Liévin, xi 10 kilometri ’l bogħod. Kien diffiċli biex tixtri rota lura dak iż-​żmien, u allura għal diversi xhur imxejtha sal-​laqgħat u lura. Ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi Franza kien ilu projbit tmien snin. Kien hemm biss 2,380 Xhud fil-​pajjiż kollu—ħafna minnhom kienu immigranti Pollakki. Imma fl-​1 taʼ Settembru, 1947, ix-​xogħol tagħna fi Franza għal darb’oħra ġie rikonoxxut legalment. Reġaʼ ġie stabbilit uffiċċju tal-​fergħa f’Pariġi, f’Villa Guibert. Peress li lanqas kien hemm pijunier wieħed fi Franza, fil-​ħarġa tal-​Informant (issa Il-​Ministeru tas-​Saltna) taʼ Diċembru tal-​1947 kien hemm appell għal pijunieri regulari, li kellhom jippritkaw 150 siegħa fix-​xahar. (Fl-​1949 dan naqas għal 100 siegħa fix-​xahar.) Fi qbil mal-​kliem taʼ Ġesù fi Ġwanni 17:17, il-​kelma t’Alla “hi l-​verità,” jien tgħammidt fl-​1948, u f’Diċembru tal-​1949, sirt pijunier.

Mill-​Ħabs Lura Lejn Dunkerque

L-​ewwel inkarigu tiegħi, fil-​belt t’Agen, fin-​Nofsinhar taʼ Franza, kien għomru qasir. Minħabba li kont tlaqt mill-​minjieri, kont eliġibbli għas-​servizz militari. Irrifjutajt li nidħol fl-​armata, u għalhekk intbgħatt il-​ħabs. Għalkemm ma kienx permess li jkolli Bibbja, irnexxieli nakkwista ftit paġni mill-​ktieb tas-​Salmi. Meta kont naqrahom kont inħossni inkuraġġit. Meta ġejt meħlus, kelli deċiżjoni x’nieħu: Għandi nieqaf mis-​servizz full-​time biex nissetilja? Għal darb’oħra, dak li qrajt fil-​Bibbja għenni. Immeditajt fuq il-​kliem taʼ Pawlu f’​Filippin 4:11-​13: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.” Iddeċidejt li nkompli naqdi bħala pijunier. Fl-​1950, ngħatajt inkarigu ġdid—Dunkerque, belt fejn kont ippritkajt qabel.

Meta wasalt hemmhekk ma kelli xejn. Il-​belt kienet ġarrbet ħafna ħsara matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, u kien diffiċli biex insib post fejn noqgħod. Iddeċidejt li nżur familja li kont inżurhom qabel, u l-​mara tad-​dar kienet ferħana ħafna: “O, Sur Leroy, ġejt meħlus! Żewġi jgħid illi li kieku kien hawn iktar irġiel bħalek, qatt ma kien ikun hawn gwerra.” Kellhom lukanda żgħira, u allura offrewli post fejn noqgħod sakemm jibda l-​istaġun tat-​turisti. Dakinhar stess, Evans, ħu Arthur Emiot, offrieli xogħol. b Hu kien interpretu fil-​port u kien qed ifittex għassies taʼ billejl biex joqgħod għassa maʼ vapur. Introduċieni maʼ wieħed mill-​uffiċjali ewlenin tal-​vapur. Wara ż-​żmien li kont qattajt il-​ħabs, kont irqiq għuda. Meta Evans spjega għala, l-​uffiċjal qalli biex nieħu li rrid mill-​ikel li kien hemm fil-​friġġ. F’ġurnata waħda, sibt fejn noqgħod, fejn naħdem, u x’niekol! Il-​fiduċja tiegħi fil-​kliem taʼ Ġesù mniżżel f’​Mattew 6:25-​33 tabilħaqq issaħħet.

Meta beda l-​istaġun tat-​turisti, jien u sieħbi fix-​xogħol taʼ pijunier, Simon Apolinarski, kellna nsibu post ieħor fejn noqogħdu, imma konna determinati li nibqgħu fl-​inkarigu tagħna. Ġejna offruti akkomodazzjoni fi stalla qadima taż-​żwiemel, fejn konna norqdu fuq saqqijiet tat-​tiben. Qattajna l-​ġranet tagħna fis-​servizz. Lis-​sid tal-​istalla tajnieh xhieda, u hu sar wieħed mill-​ħafna wħud li aċċettaw il-​verità. Ma damx ma kien hemm artiklu f’ġurnal lokali li wissa lill-​abitanti taʼ Dunkerque dwar iż-​“żieda f’daqqa fl-​attività tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’dak ir-​reġjun.” Madankollu, jien u Simon u grupp żgħir taʼ pubblikaturi konna l-​uniċi Xhieda hemmhekk! Meta ffaċċjajna diffikultajiet, ġejna inkuraġġiti billi mmeditajna fuq it-​tama Kristjana tagħna u kkunsidrajna l-​mod kif Ġeħova kien ħa ħsiebna. Kien hemm xi 30 pubblikatur regulari f’Dunkerque meta nbidel l-​inkarigu tiegħi fl-​1952.

Imsaħħaħ Għal Responsabbiltajiet Ġodda

Wara li qgħadt ftit fil-​belt t’Amiens, inħtart bħala pijunier speċjali biex naqdi f’Boulogne-​Billancourt, distrett taʼ Pariġi. Kelli ħafna studji tal-​Bibbja, u wħud minnhom iktar tard daħlu fis-​servizz full-​time u fix-​xogħol missjunarju. Wieħed żagħżugħ, Guy Mabilat, aċċetta l-​verità u maż-​żmien beda jaqdi bħala indokratur tas-​circuit u mbagħad bħala indokratur tad-​distrett. Iktar tard, hu indokra l-​kostruzzjoni tal-​istamperija fil-​Betel f’Louviers li għadha teżisti llum, ftit ’il bogħod minn Pariġi. Diskussjonijiet regulari fuq il-​Bibbja fil-​ministeru stampaw il-​Kelma t’Alla iktar f’moħħi, u b’hekk imtlejt bil-​ferħ u stajt intejjeb l-​abbiltà tiegħi li ngħallem.

Imbagħad fl-​1953, bla mistenni, ġejt maħtur bħala indokratur tas-​circuit f’Alsace-​Lorraine, reġjun li bejn l-​1871 u l-​1945 darbtejn kien ngħaqad mal-​Ġermanja. Għaldaqstant, kelli nitgħallem ftit Ġermaniż. Meta bdejt fix-​xogħol tas-​circuit, ma tantx kien hemm karozzi, televixins, jew tajprajters f’dak ir-​reġjun u ma kienx hemm radjijiet jew kompjuters persunali. Imma ħajti la kienet taʼ dwejjaq u lanqas monotona. Infatti, kien żmien pjaċevoli għall-​aħħar. Peress li segwejt il-​parir tal-​Bibbja biex inżomm ‘għajn sempliċi,’ kien hemm inqas affarijiet milli hemm illum biex itellfuni milli naqdi lil Ġeħova.—Mt. 6:19-​22.

L-​Assemblea f’Pariġi fl-​1955 bit-​tema “Saltna Trijonfanti” kienet okkażjoni memorabbli għalija. Hemmhekk iltqajt mal-​mara futura tiegħi, Irène Kolanski, li kienet bdiet fis-​servizz full-​time sena qabli. Il-​ġenituri Pollakki tagħha kienu ilhom żmien twil Xhieda żelużi. Fi Franza kienu ltaqgħu maʼ Adolf Weber. Hu kien ħadem bħala l-​ġardinar taʼ Ħuna Russell u kien mar l-​Ewropa biex ixandar l-​aħbar tajba. Jien u Irène żżewwiġna fl-​1956, u hi ngħaqdet miegħi fix-​xogħol tas-​circuit. X’appoġġ mill-​aqwa kienet għalija matul is-​snin!

Sentejn wara, kelli sorpriża oħra—inħtart bħala indokratur tad-​distrett. Xorta waħda, minħabba li ma kienx hemm biżżejjed aħwa kwalifikati disponibbli, komplejt inżur xi kongregazzjonijiet bħala indokratur tas-​circuit. Kemm kien żmien mimli xogħol! Minbarra li kelli nipprietka 100 siegħa fix-​xahar, kull ġimgħa kelli nagħti taħditiet, kelli nżur tliet studji tal-​ktieb, kelli rekords x’niċċekkja, u rapporti xi llesti. Kif kien se jirnexxili nixtri l-​ħin biex naqra l-​Kelma t’Alla? Rajt li kelli soluzzjoni waħda biss—qtajt xi paġni minn Bibbja antika u kont inġorrhom miegħi. Kull meta kelli nistenna lil xi ħadd biex jasal għal xi appuntament, kont noħroġ il-​paġni u naqrahom. Dawk il-​mumenti qosra taʼ serħan spiritwali saħħew id-​determinazzjoni tiegħi biex inkompli fl-​inkarigu li kelli.

Fl-​1967, jien u Irène ġejna mistidnin biex insiru membri permanenti tal-​familja Betel f’Boulogne-​Billancourt. Bdejt naħdem fid-​Dipartiment tas-​Servizz, u iktar minn 40 sena wara għad għandi dan il-​privileġġ. Aspett pjaċevoli taʼ xogħli hu li nwieġeb ittri li fihom mistoqsijiet mill-​Bibbja. Kemm nitgħaxxaq inħaffer fil-​Kelma t’Alla u “niddefendi . . . l-​aħbar tajba”! (Flp. 1:7) Nieħu pjaċir ukoll nikkonduċi diskussjonijiet Bibliċi fil-​qima taʼ filgħodu qabel il-​kolazzjon. Fl-​1976, inħtart bħala membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa fi Franza.

L-​Aqwa Mod taʼ Ħajja

Għalkemm esperjenzajt żminijiet diffiċli, l-​iktar żmien taʼ sfida f’ħajti hu issa, meta l-​età avanzata u l-​problemi tas-​saħħa jillimitaw dak li nistgħu nagħmlu jien u Irène. Xorta waħda, il-​fatt li naqraw u nistudjaw il-​Kelma t’Alla flimkien iżomm it-​tama tagħna ħajja. Nieħdu pjaċir naqbdu tal-​linja biex immorru fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tagħna ħalli naqsmu din it-​tama m’oħrajn. L-​esperjenza tagħna flimkien taʼ iktar minn 120 sena fis-​servizz full-​time tqanqalna biex nirrikkmandaw dan il-​mod taʼ ħajja b’qalbna kollha lil dawk kollha li jixtiequ ħajja eċċitanti, ferriħija, u utli. Meta s-​Sultan David kiteb il-​kliem taʼ Salm 37:25, hu kien ‘xjaħ,’ imma bħalu, jien ukoll “qatt ma rajt lil xi ħadd ġust abbandunat għalkollox.”

Matul ħajti, Ġeħova saħħaħni permezz taʼ Kelmtu. Qrabati bassru iktar minn 60 sena ilu li l-​qari tal-​Bibbja kien se jkun drawwa li nżommha tul ħajti kollha. Kellhom raġun. Hekk kienet—drawwa taʼ kuljum li qatt ma ddispjaċieni minnha!

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat fl-​1944, imma issa m’għadux jiġi stampat.

b Għal iktar informazzjoni dwar Evans Emiot, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Jannar, 1999, paġni 22 u 23.

[Stampa f’paġna 5]

Jien u Simon

[Stampa f’paġna 5]

Bibbja simili għall-​ewwel waħda li rċivejt

[Stampa f’paġna 5]

Meta kont qed naqdi bħala indokratur tad-​distrett

[Stampa f’paġna 6]

Fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħna

[Stampa f’paġna 6]

Jien u Irène nieħdu gost naqraw u nistudjaw il-​Kelma t’Alla