Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tistaʼ Tkun Bħal Fineħas Meta Tiffaċċja l-Isfidi?

Tistaʼ Tkun Bħal Fineħas Meta Tiffaċċja l-Isfidi?

HUWA privileġġ prezzjuż li taqdi bħala anzjan tal-​kongregazzjoni. Però, il-​Kelma t’Alla tirrikonoxxi li l-​anzjani jiffaċċjaw l-​isfidi. Kultant ikollhom jittrattaw maʼ każi t’għemil ħażin li fihom iridu ‘jiġġudikaw għal Ġeħova.’ (2 Kron. 19:6) Jew xi indokratur għandu mnejn jirċievi inkarigu li ma jħossux preparat għalih, bħalma ġralu Mosè, li rigward inkarigu minnhom umilment staqsa: “Jien min jien biex immur għand il-​Fargħun?”—Eżo. 3:11.

L-​Iskrittura, li nkitbet bil-​qawwa tal-​istess forza attiva li taħtar lill-​anzjani, tipprovdi eżempji ħajjin taʼ indokraturi li ffaċċjaw il-​provi b’suċċess. Fineħas kien bin Elegħażar u n-​neputi t’Aron, u b’hekk setaʼ jsir qassis il-​kbir. Tliet ġrajjiet f’ħajtu juru kemm hemm bżonn li l-​anzjani llum jiffaċċjaw l-​isfidi bil-​kuraġġ, bid-​dehen, u billi jistrieħu fuq Ġeħova.

“Hu Qam Minnufih”

Fineħas kien żagħżugħ meta l-​Iżraelin kkampjaw fil-​Pjanuri taʼ Mowab. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​poplu beda jkollu relazzjonijiet immorali mal-​bniet taʼ Mowab. . . . U n-​nies bdew jieklu u jmilu quddiem l-​allat tagħhom.” (Num. 25:1, 2) Ġeħova laqat lil dawk li kkommettew il-​ħażen bi flaġell fatali. Tistaʼ timmaġina kif ġie effettwat Fineħas b’dan ir-​rapport t’għemil ħażin u l-​flaġell li ġab miegħu?

Ir-​rakkont ikompli: “Ara, ġie raġel minn ulied Israel, u ġab ħdejn ħutu mara Midjanija quddiem għajnejn Mosè u quddiem għajnejn il-​ġemgħa kollha taʼ wlied Israel, waqt li kienu qed jibku fid-​daħla tat-​tinda tal-​laqgħa.” (Num. 25:6) X’kien se jagħmel il-​qassis Fineħas? Hu kien relattivament żgħir, u l-​Iżraeli li kien qed jidneb kien kap ewlieni li kien jieħu t-​tmexxija fil-​qima fost il-​poplu.—Num. 25:14.

Imma Fineħas kien jibżaʼ minn Ġeħova, mhux mill-​bniedem. Meta rahom, minnufih ħa lanza f’idu u mar wara r-​raġel ġot-​tinda u nifidhom it-​tnejn. Ġeħova kif qies il-​fatt li Fineħas kien kuraġġuż u deċiżiv? Ġeħova mill-​ewwel temm il-​flaġell u ppremja lil Fineħas b’patt li s-​saċerdozju kien se jibqaʼ fid-​dixxendenza tiegħu “għal żmien indefinit.”—Num. 25:7-​13.

Naturalment, l-​anzjani Kristjani llum ma jirrikorrux għall-​vjolenza. Imma bħal Fineħas, l-​anzjani għandhom ikunu lesti biex ikunu deċiżivi u kuraġġużi. Pereżempju, Guilherme kien ilu jaqdi bħala anzjan ftit xhur biss meta ntalab jaqdi f’kumitat ġudizzjarju. Il-​każ t’għemil ħażin involva lil anzjan li kien għen lil Guilherme meta kien iżgħar. “Ħassejtni skomdu f’dik il-​pożizzjoni,” jgħid hu. “Kont insibha diffiċli biex norqod bil-​lejl. Kont il-​ħin kollu nhewden kif se nittratta dan il-​każ mingħajr ma nħalli l-​emozzjonijiet tiegħi jżommuni lura milli niġġudika s-​sitwazzjoni skont il-​livelli taʼ Ġeħova. Tlabt għal diversi ġranet u fittixt fil-​pubblikazzjonijiet tal-​Bibbja.” Dan għenu jkollu l-​kuraġġ meħtieġ biex jittratta s-​sitwazzjoni unika u jgħin spiritwalment lil ħuh li dineb.—1 Tim. 4:11, 12.

Billi jaġixxu b’kuraġġ u jkunu deċiżivi meta jqumu sitwazzjonijiet fil-​kongregazzjoni li jkunu jeħtieġu dan, l-​anzjani jsiru eżempji taʼ fidi u lealtà. Sintendi, anki Kristjani oħrajn jeħtieġ li jaġixxu b’kuraġġ, billi jirrapportaw għemil ħażin serju li jistgħu jsiru jafu bih. Bl-​istess mod, hemm bżonn il-​lealtà biex ma tkomplix tassoċja maʼ ħabib jew qarib li ġie maqtugħ mis-​sħubija.—1 Kor. 5:11-​13.

Bid-​Dehen Tistaʼ Tiġi Evitata Kriżi

Fineħas ma weriex kuraġġ sempliċement għax kien żagħżugħ impulsiv. Ikkunsidra kif wera d-​dehen—billi aġixxa bil-​prudenza u bid-​diskrezzjoni—meta semaʼ b’rapport ieħor. It-​tribujiet taʼ Ruben u Gad u n-​nofs tribù taʼ Manasse bnew artal viċin ix-​Xmara Ġordan. Iżraelin oħrajn waslu għall-​konklużjoni li l-​artal kien għall-​qima falza u lestew biex jieħdu azzjoni militari.—Ġoż. 22:11, 12.

Fineħas kif irreaġixxa? Fineħas, flimkien mal-​kapijiet ewlenin Iżraelin, bil-​prudenza ddiskuta l-​kwistjoni maʼ dawk li kienu bnew l-​artal. It-​tribujiet li ġew akkużati ċċaraw is-​sitwazzjoni, billi spjegaw li attwalment dan kien artal għas-​“servizz taʼ Ġeħova.” B’hekk ġiet evitata kriżi.—Ġoż. 22:13-​34.

Jekk Kristjan jismaʼ akkuża jew rapport negattiv dwar sieħbu qaddej taʼ Ġeħova, kemm ikun għaqli li jimita lil Fineħas! Id-​dehen iżommna milli nieħdu għalina jew nikxfu xi osservazzjonijiet dwar ħutna li jistgħu jweġġgħuhom.—Prov. 19:11.

Id-​dehen kif jistaʼ jgħin lill-​anzjani biex jaġixxu bħal Fineħas? Jaime, li ilu anzjan iktar minn għaxar snin, jgħid: “Meta pubblikatur jibda jitkellem dwar differenzi persunali li għandu maʼ xi ħadd ieħor, mill-​ewwel nitlob lil Ġeħova biex jgħinni ma nżomm maʼ ħadd minnhom imma biex nipprovdi gwida Skritturali. Darba, oħt avviċinatni dwar problema persunali rigward il-​mod kif kien ittrattaha ħu responsabbli f’kongregazzjoni oħra. Ladarba l-​ħu kien ħabib persunali tiegħi, kien ikun faċli għalija li nkellmu. Minflok, jien u l-​oħt irraġunajna fuq diversi prinċipji tal-​Bibbja. Hi qablet li l-​ewwel nett għandha tkellem lill-​ħu hi stess. (Mt. 5:23, 24) Id-​differenzi ma rranġawhomx mill-​ewwel. Għalhekk, ħeġġiġtha tikkunsidra prinċipji Skritturali oħrajn. Iddeċidiet li terġaʼ titlob dwar is-​sitwazzjoni u tistinka biex taħfer.”

X’kien ir-​riżultat? Jaime jiftakar: “Ftit xhur wara, l-​oħt avviċinatni. Hi spjegat li, maż-​żmien, il-​ħu ddispjaċieh għal dak li kien qal. Irranġa biex jaħdem magħha fil-​ministeru u esprima apprezzament lejha. Il-​kwistjoni ttranġat. Setaʼ jkolli riżultat aħjar kieku jien, li stajt nidher li kont parzjali, involvejt ruħi bla bżonn fit-​tilwima?” Il-​Bibbja tagħti l-​parir: “Tgħaġġilx biex tagħmel kawża legali.” (Prov. 25:8) Anzjani li għandhom id-​dehen, bil-​għaqal jinkuraġġixxu lill-​Kristjani li għandhom differenzi persunali biex japplikaw prinċipji Skritturali ħalli jippromwovu l-​paċi u jiksbuha.

Hu Talab lil Ġeħova

Fineħas kellu l-​privileġġ li jaqdi bħala qassis għall-​poplu magħżul t’Alla. Bħalma diġà rajna, hu kellu kuraġġ u dehen straordinarju, anki f’età relattivament żgħira. Madankollu, is-​suċċess tiegħu f’li jkampa mal-​isfidi kien jiddependi mill-​fiduċja tiegħu f’Ġeħova.

Wara l-​istupru u l-​qtil traġiku taʼ konkubina taʼ wieħed Levita mill-​irġiel taʼ Gibegħa, mit-​tribù taʼ Benjamin, it-​tribujiet l-​oħrajn marru jiggwerraw kontra l-​Benjamini. (Mħ. 20:1-​11) Huma talbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova qabel ma marru jiġġieldu, imma ġew megħlubin darbtejn, b’telf sostanzjali. (Mħ. 20:14-​25) Kienu se jikkonkludu li t-​talb tagħhom ma nstemax? Kien Ġeħova verament interessat f’li jarahom jieħdu azzjoni kontra l-​ħażen li kien sar?

B’fiduċja sħiħa, Fineħas, li issa kien il-​qassis il-​kbir taʼ Iżrael, reġaʼ ħa t-​tmexxija. “Nerġaʼ noħroġ nitqabad kontra wlied ħija Benjamin jew nieqaf nagħmel dan?” talab hu. Bi tweġiba, Ġeħova tahom lill-​Benjamini f’idejhom, u Gibegħa ġiet maħruqa kompletament.—Mħ. 20:27-​48.

Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan? Xi problemi li jkun hemm fil-​kongregazzjoni jippersistu minkejja l-​isforzi diliġenti u t-​talb tal-​anzjani għall-​għajnuna t’Alla. Jekk jiġri dan, l-​anzjani jagħmlu tajjeb li jiftakru kliem Ġesù: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom.” (Lq. 11:9) Anki jekk it-​talb jidher li ma jitwiġibx mill-​ewwel, l-​indokraturi jistgħu jkunu żguri li Ġeħova se jwieġeb fiż-​żmien stabbilit tiegħu.

Pereżempju, kongregazzjoni fl-​Irlanda kellha bżonn kbir taʼ Sala tas-​Saltna, imma ma sabitx għajnuna mill-​uffiċjal tal-​ippjanar lokali. Hu oġġezzjona għall-​proposti kollha għall-​art li fuqha l-​aħwa ttamaw li jibnu. Donnu kien jidher li l-​uffiċjal ewlieni tal-​ippjanar għall-​pajjiż kollu kien l-​unika awtorità oħra li setaʼ japprova l-​proposti. Kien it-​talb se jgħin, bħalma għamel fi żmien Fineħas?

Anzjan lokali jirrakkonta: “Wara ħafna talb u suppliki vvjaġġajna lejn l-​uffiċċju primarju tal-​ippjanar. Qaluli li probabbilment kellhom jgħaddu ġimgħat sħaħ qabel ma nkunu nistgħu naraw l-​uffiċjal ewlieni. Madankollu, irnexxielna niltaqgħu miegħu għal ħames minuti. Wara li ra l-​pjanti għas-​sala, malajr tana permess biex inkomplu, u minn dakinhar ’ il quddiem l-​uffiċjal lokali tal-​ippjanar ħareġ barra minn triqtu biex jgħinna. Din l-​esperjenza wrietna x’saħħa għandu t-​talb.” Iva, Ġeħova se jwieġeb it-​talb sinċier tal-​anzjani li jistrieħu fuqu.

Fineħas kellu responsabbiltà kbira f’Iżrael tal-​qedem; madankollu, bil-​kuraġġ, bid-​dehen, u billi straħ fuq Alla, setaʼ jiffaċċja l-​isfidi b’suċċess. U Ġeħova approva l-​mod kif Fineħas ħa ħsieb il-​kongregazzjoni t’Alla b’diliġenza. Xi 1,000 sena wara, Esdra ġie ispirat jikteb: “Fineħas, bin Elegħażar, kien mexxej fuqhom fl-​imgħoddi. Ġeħova kien miegħu.” (1 Kron. 9:20) Jalla dan ikun minnu għal dawk kollha li jieħdu t-​tmexxija fost il-​poplu t’Alla llum, anzi, għall-​Kristjani kollha li jaqduh lealment.