Afda f’Ġeħova, “l-Alla taʼ Kull Faraġ”
“Ikun imbierek Alla u Missier il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, il-Missier taʼ kull ħniena tenera u l-Alla taʼ kull faraġ.”—2 KOR. 1:3.
1. Ikollhom kemm ikollhom età, il-bnedmin x’għandhom bżonn?
MINN meta nitwieldu jkollna bżonn il-faraġ. Tarbija tibki biex turina meta jkollha bżonn il-faraġ. Forsi trid lil min jerfagħha jew għandha l-ġuħ. Anke meta nikbru, spiss inħossu l-bżonn li niġu mfarrġin. Dan speċjalment ikun il-każ meta nkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli.
2. Ġeħova liema assiguranza jagħti dwar li jfarraġ lil dawk li jafdaw fih?
2 Membri tal-familja u ħbieb spiss jistgħu jagħtuna xi faraġ. Imma ma jistgħux jgħinuna fis-sitwazzjonijiet kollha li jġegħluna nbatu. Alla biss jistaʼ jfarraġna tkun kemm tkun taʼ niket is-sitwazzjoni tagħna. Il-Kelma tiegħu tiżgurana: “Ġeħova hu qrib dawk kollha li jsejħulu, . . . u se jismaʼ l-għajta tagħhom għall-għajnuna.” (Salm 145:18, 19) Iva, “għajnejn Ġeħova huma fuq in-nies sewwa, u widnejh miftuħin għall-għajta tagħhom għall-għajnuna.” (Salm 34:15) Imma jekk irridu nirċievu l-appoġġ u l-faraġ t’Alla, għandna npoġġu l-fiduċja tagħna fih. Is-salmista David wera kemm dan hu minnu meta kanta: “Ġeħova jsir post fl-għoli taʼ sigurtà għal kulmin hu mfarrak, post fl-għoli taʼ sigurtà fi żminijiet taʼ niket. U dawk li jafu ismek jafdaw fik, għax int żgur ma titlaqx lil dawk li jfittxuk, O Ġeħova.”—Salm 9:9, 10.
3. Ġesù x’qal biex jgħinna nifhmu kemm Ġeħova jħobb lill-poplu Tiegħu?
3 L-aduraturi taʼ Ġeħova huma prezzjużi għalih. Ġesù wera dan meta qal: “Ma jinbigħux ħames għasafar tal-bejt għal żewġ muniti taʼ valur żgħir? Madankollu lanqas wieħed minnhom m’hu minsi quddiem Alla. Imma saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Tibżgħux; intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Lq. 12:6, 7) Permezz tal-profeta Ġeremija, Ġeħova qal lill-poplu Tiegħu tal-qedem: “Bi mħabba dejjiema ħabbejtek. Huwa għalhekk li ġbidtek bil-qalb tajba bl-imħabba.”—Ġer. 31:3.
4. Għala nistgħu nafdaw fil-wegħdi taʼ Ġeħova?
4 Il-fatt li nafdaw f’Ġeħova u fit-twettiq tal-wegħdi tiegħu jistaʼ jġibilna faraġ fi żmien l-inkwiet. Għalhekk, għandu jkollna l-istess fidi f’Alla li kellu Ġożwè, li qal: “Lanqas kelma waħda mill-kliem tajjeb kollu li Ġeħova Alla tagħkom qalilkom ma naqset. Kollu seħħ għalikom. Lanqas kelma waħda ma naqset.” (Ġoż. 23:14) Iktar minn hekk, nistgħu nkunu ċerti li anke jekk inħossuna mifnijin għal xi żmien minħabba sitwazzjonijiet diffiċli, “Alla hu leali” u qatt mhu se jabbanduna lill-qaddejja leali tiegħu.—Aqra l-1 Korintin 10:13.
5. Kif inhu possibbli għalina li nfarrġu lil oħrajn?
5 L-appostlu Pawlu jirreferi għal Ġeħova bħala “l-Alla taʼ kull faraġ.” Il-frażi “li tfarraġ” tfisser li ġġib paċi jew serħan lil xi ħadd imnikket jew batut. Dan isir billi ttaffilu mill-miżerja jew min-niket u tfarrġu. Ġeħova żgur li jagħmel dan. (Aqra t-2 Korintin 1:3, 4.) Missierna tas-sema mhu limitat minn xejn jew ħadd, u għalhekk jistaʼ jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex ifarraġ lil dawk li jħobbuh. Min-naħa tagħna, aħna nistgħu nfarrġu lil sħabna fit-twemmin “f’kull xorta taʼ tribulazzjoni.” Nistgħu nagħmlu dan permezz tal-“faraġ li aħna stess qed niġu mfarrġin bih minn Alla.” Dan jurina b’mod tajjeb tassew l-abbiltà taʼ Ġeħova li m’hawnx bħalha biex ifarraġ lil dawk b’qalbhom maqtugħa.
Inkampaw mal-Kaġuni tan-Niket
6. Agħti eżempju t’affarijiet li jistgħu jikkaġunaw in-niket.
6 Aħna neħtieġu l-faraġ f’ħafna oqsma tal-ħajja. Waħda mill-iktar affarijiet li tikkaġuna n-niket hi t-telfa taʼ xi ħadd maħbub fil-mewt, speċjalment sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ jew tifel jew tifla tant maħbubin. Jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ faraġ ukoll għax persuna tkun vittma tad-diskriminazzjoni jew tal-preġudizzju. Saħħa batuta, età avanzata, faqar, problemi fiż-żwieġ, jew kundizzjonijiet tad-dinja inkwetanti jistgħu jwasslu għal bżonn personali tal-faraġ.
7. (a) F’sitwazzjonijiet taʼ niket, x’tip taʼ faraġ ikun meħtieġ? (b) Ġeħova x’jistaʼ jagħmel biex ifejjaq qalb “maqsuma u mgħaffġa”?
7 Fiż-żminijiet tal-inkwiet, jistaʼ jkollna bżonn faraġ li jserraħ il-qalb, il-moħħ, l-emozzjonijiet, u wkoll is-saħħa fiżika u spiritwali tagħna. Pereżempju, ħu l-qalb. Il-Kelma t’Alla tirrikonoxxi li qalbna tistaʼ tiġi “maqsuma u mgħaffġa.” (Salm 51:17) Ġeħova żgur li jistaʼ jittratta maʼ din is-sitwazzjoni għax hu “qed ifejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u qed jinfaxxalhom il-ġrieħi li juġgħuhom.” (Salm 147:3) Anke f’sitwazzjonijiet tassew diffiċli, Alla jistaʼ jserraħ qalb imnikkta jekk nitolbuh b’fidi sħiħa u nobdu l-kmandamenti tiegħu.—Aqra l-1 Ġwanni 3:19-22; 5:14, 15.
8. Ġeħova kif jistaʼ jgħinna meta nġarrbu niket mentali?
8 Moħħna spiss ikollu bżonn faraġ għax diversi provi jistgħu jikkaġunaw niket mentali kbir. Bis-saħħa tagħna biss, x’aktarx ma nkunux nistgħu nkampaw maʼ dawn il-provi tal-fidi. Però, is-salmista kanta: “Meta l-ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-faraġ tiegħek beda jmellisli ruħi.” (Salm 94:19) Barra minn dan, Pawlu kiteb: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 4:6, 7) Il-qari u l-meditazzjoni fuq l-Iskrittura jistgħu jkunu t’għajnuna kbira f’li nkampaw maʼ niket mentali.—2 Tim. 3:15-17.
9. Kif nistgħu nkampaw b’niket emozzjonali?
9 Kultant, nistgħu tant naqtgħu qalbna li nħossuna mimlijin emozzjonijiet negattivi. Forsi ma nħossuniex kapaċi nieħdu ħsieb ċerta responsabbiltà Skritturali jew privileġġ taʼ servizz. Hawnhekk ukoll Ġeħova jistaʼ jfarraġna u jgħinna. Biex nagħtu eżempju: Meta Ġożwè ġie inkarigat imexxi lill-Iżraelin kontra ġnus t’għedewwa b’saħħithom, Mosè qal lin-nies: “Kunu kuraġġużi u agħmlu l-ħila. Tibżgħux u tinħasdux quddiemhom, għaliex hu Ġeħova Alla tiegħek li qed jimxi miegħek. La se jabbandunak u lanqas jitilqek għalkollox.” (Dt. 31:6) Bl-appoġġ taʼ Ġeħova, Ġożwè rnexxielu jmexxi l-poplu t’Alla għal ġol-Art Imwiegħda u jikseb rebħa fuq l-għedewwa kollha tagħhom. Iktar qabel ħdejn il-Baħar l-Aħmar, Mosè kien esperjenza appoġġ divin simili.—Eżo. 14:13, 14, 29-31.
10. Jekk is-saħħa fiżika tagħna tiġi effettwata min-niket, liema għajnuna nistgħu nirċievu?
10 Ġrajjiet li jnikktuna jistaʼ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa fiżika tagħna. Naturalment, ikun t’għajnuna meta nieklu bil-bilanċ, nistrieħu biżżejjed, nagħmlu eżerċizzju regulari, u nżommu lilna nfusna u darna nodfa. Ukoll, jekk naħsbu dwar dak li tgħid il-Bibbja dwar il-futur, dan se jkollu effett pożittiv fuq ġisimna. Għalhekk ikun t’għajnuna jekk meta nkunu għaddejjin minn xi għawġ inżommu f’moħħna l-esperjenza u l-kliem inkuraġġanti taʼ Pawlu: “Aħna magħfusin b’kull mod, imma mhux marsusin li ma nistgħux niċċaqalqu; mifxulin, imma mhux li m’għandniex assolutament minfejn noħorġu; persegwitati, imma mhux abbandunati; mitfugħin maʼ l-art, imma mhux meqrudin.”—2 Kor. 4:8, 9.
11. Kif nistgħu nikkumbattu l-mard spiritwali?
11 Ċerti provi jistaʼ jkollhom effett taʼ ħsara fuq is-saħħa spiritwali tagħna. Ġeħova jistaʼ jgħinna f’dan ir-rigward ukoll. Il-Kelma tiegħu tassigurana: “Ġeħova qed iżomm lil kulmin qed jaqaʼ, u qed iqajjem lil kulmin hu mtaqqal.” (Salm 145:14) Għall-għajnuna biex nikkumbattu l-mard spiritwali għandna nfittxu l-assistenza tal-anzjani Kristjani. (Ġak. 5:14, 15) U l-fatt li dejjem inżommu f’moħħna t-tama Skritturali tal-ħajja taʼ dejjem jistaʼ jgħinna nissaportu matul il-provi tal-fidi tagħna.—Ġw. 17:3.
Eżempji taʼ Faraġ Mogħti Minn Alla
12. Ġeħova kif farraġ lil Abraham?
12 Salmista mnebbaħ iddikjara: “Ftakar fil-kelma li għedt lill-qaddej tiegħek, li biha tajtni għalxiex nistenna. Dan ifarraġni fis-sofferenza tiegħi, għax dak li għedt int [Ġeħova] żammni ħaj.” (Salm 119:49, 50) Illum għandna l-Kelma miktuba taʼ Ġeħova, li fiha ħafna eżempji taʼ faraġ mogħti minn Alla. Pereżempju, Abraham għandu mnejn kien imnikket ferm meta sar jaf li Ġeħova kien se jeqred lil Sodoma u Gomorra. Dan il-patrijarka leali staqsa lil Alla: “Int tassew li se teqred lin-nies sewwa maʼ dawk li huma mill-agħar?” Ġeħova farraġ lil Abraham billi assigurah li jekk jinstabu biss 50 persuna sewwa, Hu ma jeqridx lil Sodoma. Imma għal ħames darbiet oħra Abraham staqsa lil Ġeħova: Suppost li jinstabu biss 45 persuna sewwa? 40? 30? 20? 10? Kull darba, Ġeħova bil-paċenzja kollha u b’qalb tajba żgura lil Abraham li Sodoma tinħeles. Għalkemm ma kien hemm lanqas għaxar persuni sewwa fl-inħawi, Ġeħova salva lil Lot u l-bniet tiegħu.—Ġen. 18:22-32; 19:15, 16, 26.
13. Ħanna kif uriet li fdat f’Ġeħova?
13 Ħanna, il-mara t’Elkana, tassew xtaqet li jkollha tarbija. Imma ma setgħetx ikollha tfal u dan nikkitha ferm. Hi talbet lil Ġeħova dwar il-ħaġa, u l-Qassis il-Kbir Eli qalilha: “Jalla l-Alla taʼ Israel jismaʼ t-talba tiegħek u jagħtik dak li tlabtu.” Dan farraġ lil Ħanna u “wiċċha ma baqax jidher imħasseb bħal qabel.” (1 Sam. 1:8, 17, 18) Ħanna fdat f’Ġeħova u bil-fiduċja ħalliet kollox f’idejh. Għalkemm ma kinitx taf kif kienu se jiżvolġu l-affarijiet, Ħanna esperjenzat paċi ġewwinija. Maż-żmien, Ġeħova wieġeb it-talb tagħha. Hi nqabdet tqila u wildet iben li semmietu Samwel.—1 Sam. 1:20.
14. David għala kellu bżonn il-faraġ, u lejn min dar?
14 Is-Sultan David t’Iżrael tal-qedem hu eżempju ieħor taʼ individwu mfarraġ minn Alla. Peress li Ġeħova “jara l-qalb,” meta għażel lil David biex ikun is-sultan futur t’Iżrael, kien jaf li David kien sinċier u devot għall-qima vera. (1 Sam. 16:7; 2 Sam. 5:10) Imma mbagħad, David għamel adulterju maʼ Bat-seba u pprova jgħatti d-dnub billi ordna l-qtil tar-raġel tagħha. Meta David ġie megħjun jirrealizza kemm tassew kien serju d-dnub tiegħu, hu talab lil Ġeħova: “Skond l-abbundanza tal-ħniniet tiegħek ħassar għalkollox in-nuqqasijiet tiegħi. Aħsilni sew mill-iżball tiegħi, u naddafni minn dnubi. Għax jien naf in-nuqqasijiet tiegħi, u dnubi quddiemi l-ħin kollu.” (Salm 51:1-3) David kien verament niedem, u Ġeħova ħafirlu. Madanakollu, David kellu jiffaċċja l-konsegwenzi taʼ dnubu. (2 Sam. 12:9-12) Minkejja dan, il-ħniena taʼ Ġeħova kienet sors taʼ faraġ għall-qaddej umli tiegħu.
15. Ġeħova liema għajnuna ta lil Ġesù eżatt qabel il-mewt tiegħu?
15 Meta kien fuq l-art, Ġesù ħabbat wiċċu maʼ ħafna ċirkustanzi diffiċli. Alla ppermetta dawn il-provi tal-fidi, u Ġesù żamm l-integrità tiegħu bħala bniedem perfett li dejjem fada f’Ġeħova u appoġġa s-sovranità Tiegħu. Ftit qabel ma ġie tradut u maqtul, Ġesù talab lil Ġeħova: “Ħa sseħħ ir-rieda tiegħek u mhux tiegħi.” Imbagħad deherlu anġlu u beda jqawwilu qalbu. (Lq. 22:42, 43) Alla ta lil Ġesù l-faraġ, is-saħħa, u l-appoġġ li kellu bżonn dak il-ħin.
16. Ġeħova kif jistaʼ jgħinna jekk ħajjitna tkun fil-periklu minħabba l-fidi tagħna?
16 Anke jekk aħna stess niffaċċjaw il-mewt minħabba l-waqfa soda tagħna bħala Kristjani, Ġeħova jistaʼ jgħinna nżommu l-integrità tagħna lejh u hekk se jagħmel. Iktar minn hekk, aħna mfarrġin bit-tama tal-irxoxt. U kemm inħarsu ’l quddiem għall-jum meta l-aħħar għadu, il-mewt, ‘se jinġieb fix-xejn’! (1 Kor. 15:26) Il-qaddejja leali t’Alla li mietu, kif ukoll oħrajn, huma fil-memorja infallibbli taʼ Ġeħova u se jiġu rxoxtati. (Ġw. 5:28, 29; Atti 24:15) Il-fiduċja fil-wegħda taʼ Ġeħova dwar l-irxoxt iġġibilna faraġ u tama ċerta matul żminijiet taʼ persekuzzjoni.
17. Ġeħova kif jistaʼ jfarraġna meta xi ħadd maħbub imut?
17 Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li l-maħbubin tagħna li bħalissa jinsabu reqdin fil-qabar komuni tal-bnedmin għandhom it-tama li jerġgħu jgħixu f’dinja ġdida meraviljuża! Din se tkun ħielsa minn dak kollu li jikkaġuna l-inkwiet illum il-ġurnata. U xi privileġġ se jkun għall-“folla kbira” taʼ qaddejja taʼ Ġeħova li jsalvaw mit-tmiem taʼ din is-sistema u li jilqgħu u jgħallmu lil dawk irxoxtati għall-ħajja fuq l-art!—Riv. 7:9, 10.
Taħt Hemm id-Dirgħajn Dejjiema t’Alla
18, 19. Il-qaddejja t’Alla kif ġew imfarrġin meta kienu persegwitati?
18 Permezz t’għanja li ssaħħaħ u li tqawwi l-qalb, Mosè assigura lin-nies t’Iżrael: “Moħba għalik hu l-Alla taʼ żmien il-qedem, u taħtek id-dirgħajn dejjiema hemm.” (Dt. 33:27) Il-profeta Samwel iktar tard qal lill-Iżraelin: “Titwarrbux milli ssegwu lil Ġeħova, u aqdu lil Ġeħova b’qalbkom kollha. . . . Ġeħova ma jabbandunax lill-poplu tiegħu minħabba ismu l-kbir.” (1 Sam. 12:20-22) Sakemm inżommu sod maʼ Ġeħova fil-qima vera, hu qatt ma se jabbandunana. Dejjem se jagħtina l-appoġġ li neħtieġu.
19 Mingħajr waqfien, Alla qed jagħti lin-nies tiegħu l-għajnuna u l-faraġ li għandhom bżonn f’dawn iż-żminijiet tal-aħħar kritiċi. Għal iktar minn seklu, eluf mill-aduraturi sħabna madwar id-dinja ġew persegwitati u mitfugħin il-ħabs sempliċement għax qdew lil Ġeħova. L-esperjenzi tagħhom juru ċar li fi żminijiet taʼ provi, Ġeħova tassew ifarraġ lill-qaddejja tiegħu. Pereżempju, wieħed minn ħutna f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika ġie kundannat għal 23 sena ħabs minħabba t-twemmin tiegħu. Xorta waħda, instab mod kif jirċievi l-ikel spiritwali ħalli jkun imsaħħaħ u mfarraġ. Hu qal: “Matul dawk is-snin kollha, tgħallimt nafda f’Ġeħova u nirċievi s-saħħa mingħandu.”—Aqra l-1 Pietru 5:6, 7.
20. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova mhux se jabbandunana?
20 Ikun xi jkun dak li għad irridu niffaċċjaw, nagħmlu tajjeb jekk inżommu f’moħħna l-kliem li jfarraġ tas-salmista: “Ġeħova mhux se jabbanduna lill-poplu tiegħu.” (Salm 94:14) Għalkemm personalment għandna bżonn inkunu mfarrġin, aħna wkoll għandna l-privileġġ grandjuż li nfarrġu ’l ħaddieħor. Bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss, jistaʼ jkollna sehem f’li nfarrġu lil uħud imnikktin f’din id-dinja mimlija inkwiet.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhuma xi affarijiet li jikkaġunawlna n-niket?
• Ġeħova kif ifarraġ lill-qaddejja tiegħu?
• Jekk niffaċċjaw il-mewt, x’jistaʼ jfarraġna?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa/Stampi f’paġna 25]
KIF INKAMPAW M’AFFARIJIET LI JISTGĦU JEFFETTWAW . . .
▪ lil qalbna Salm 147:3; 1 Ġw. 3:19-22; 5:14, 15
▪ lil moħħna Salm 94:19; Flp. 4:6, 7
▪ lill-emozzjonijiet tagħna Eżo. 14:13, 14; Dt. 31:6
▪ lis-saħħa fiżika tagħna 2 Kor. 4:8, 9
▪ lis-saħħa spiritwali tagħna Salm 145:14; Ġak. 5:14, 15