Ejjew Nifirħu Flimkien!
IL-FERĦ u l-hena qed isiru iktar u iktar diffiċli biex jinkisbu. Għal ħafna nies, jidher kważi impossibbli li taqsam sentimenti pożittivi m’oħrajn. Il-ħajja tal-lum il-ġurnata, speċjalment fi bliet kbar, iġġiegħel lin-nies jingħalqu fihom infushom u jinqatgħu għalihom waħedhom.
“Is-solitudni hija kundizzjoni komuni ħafna,” jgħid Professur tal-Psikobijoloġija, Alberto Oliverio, u “m’hemm l-ebda dubju li l-ħajja f’postijiet kbar fejn hemm ħafna bini tippromwovi l-iżolazzjoni. F’ħafna sitwazzjonijiet, din iġġegħelna ninjoraw il-ħajja personali taʼ kollega fl-uffiċċju, taʼ ġar, jew tal-kaxxier li jaħdem fis-supermarkit lokali.” Iżolazzjoni bħal din spiss twassal għal dipressjoni.
Però, is-sitwazzjoni taʼ Kristjani sħabna hija differenti u anke l-ispirtu tagħhom. L-appostlu Pawlu kiteb: “Thennew dejjem.” (1 Tess. 5:16) Hemm ħafna raġunijiet għala għandna nkunu henjin u nifirħu flimkien. Aħna nqimu lill-Alla l-Iktar Għoli, Ġeħova; nifhmu l-messaġġ tal-verità tal-Bibbja; għandna t-tama taʼ salvazzjoni u ħajja eterna; u wkoll nistgħu ngħinu lil oħrajn jiksbu l-istess barkiet.—Salm 106:4, 5; Ġer. 15:16; Rum. 12:12.
Li nifirħu u naqsmu l-ferħ tagħna huma karatteristiki taʼ Kristjani veri. Għalhekk ma nissorprendux ruħna li Pawlu kiteb lill-Filippin: “Jien kuntent u nifraħ magħkom ilkoll. Issa, bl-istess mod, kunu kuntenti u ifirħu miegħi intom ukoll.” (Flp. 2:17, 18) Hawnhekk, fi ftit kliem, Pawlu darbtejn jitkellem dwar li nkunu kuntenti u ferħanin flimkien.
M’għandniex xi ngħidu, il-Kristjani jridu joqogħdu attenti biex jevitaw kwalunkwe tendenza li jiżolaw lilhom infushom. Kull min jinqataʼ għalih ma jistax jifraħ maʼ sħabu fit-twemmin. Allura kif nistgħu nsegwu t-tħeġġiġa taʼ Pawlu biex ‘inkomplu nifirħu fil-Mulej’ maʼ ħutna?—Flp. 3:1.
Ifraħ maʼ Sħabek fit-Twemmin
Meta Pawlu kiteb l-ittra tiegħu lill-Filippin, probabbilment kien priġunier f’Ruma minħabba l-attivitajiet tiegħu taʼ ppritkar. (Flp. 1:7; 4:22) Imma l-fatt li kien priġunier ma naqqaslux l-entużjażmu għall-ministeru. Għall-kuntrarju, hu kien ferħan li jaqdi lil Ġeħova kemm jiflaħ u li jiġi “mferraʼ bħal offerta tax-xorb.” (Flp. 2:17) L-attitudni taʼ Pawlu turi li l-ferħ ma jiddependix miċ-ċirkustanzi taʼ dak li jkun. Minkejja l-fatt li kien priġunier, hu qal: “Se nkompli nifraħ.”—Flp. 1:18.
Pawlu kien waqqaf il-kongregazzjoni f’Filippi u ħass affezzjoni partikulari għal ħutu hemmhekk. Hu kien jaf li jekk jaqsam magħhom il-ferħ li kiseb milli jaqdi lil Ġeħova kien se jkun taʼ inkuraġġiment għalihom ukoll. Għaldaqstant, kiteb: “Issa nixtieqkom tkunu tafu, ħuti, li dak li ġrali rriżulta fl-avanz taʼ l-aħbar tajba minflok il-kontra, għax l-irbit tiegħi fi sħubija maʼ Kristu sar jaf bih kulħadd fost il-Gwardja Pretorjana u l-oħrajn kollha.” (Flp. 1:12, 13) Il-fatt li Pawlu qasam din l-esperjenza inkuraġġanti kien wieħed mill-modi kif feraħ u thenna maʼ ħutu. Min-naħa tagħhom, il-Filippin żgur li ferħu maʼ Pawlu. Madankollu, biex jifirħu kellhom ma jkunux skuraġġiti minħabba dak li kien qed jgħaddi minnu Pawlu. Minflok, kellhom jimitaw l-eżempju tiegħu. (Flp. 1:14; 3:17) Iktar minn hekk, il-Filippin setgħu jkomplu jsemmu lil Pawlu fit-talb tagħhom u jipprovdulu kwalunkwe għajnuna u appoġġ li setgħu.—Flp. 1:19; 4:14-16.
Nuru aħna l-istess spirtu ferrieħi li wera Pawlu? Nistinkaw biex naraw l-aspetti pożittivi
taċ-ċirkustanzi f’ħajjitna u tal-ministeru Kristjan tagħna? Meta nkunu qed nissieħbu maʼ ħutna jkun tajjeb li nifirħu dwar ix-xogħol tal-għoti taʼ xhieda. M’għandniex għalfejn noqogħdu nistennew għal xi esperjenzi sensazzjonali biex nagħmlu dan. Forsi rnexxielna nqanqlu l-interess fil-messaġġ tas-Saltna b’introduzzjoni jew raġunar partikolarment effettiv. Forsi kellna konversazzjoni tajba maʼ inkwilin dwar vers Bibliku partikulari. Jew forsi sempliċement in-nies fit-territorju għarfuna bħala Xhieda taʼ Ġeħova, u dan waħdu serva taʼ xhieda mill-aħjar. Li naqsmu esperjenzi bħal dawn hu mod kif nifirħu flimkien.Ħafna min-nies taʼ Ġeħova għamlu u għadhom qed jagħmlu sagrifiċċji biex ilestu x-xogħol tal-ippritkar. Pijunieri, indokraturi li jivvjaġġaw, Beteliti, missjunarji, u qaddejja internazzjonali jaħdmu iebes fis-servizz full-time u jifirħu hekk kif jagħmlu dan. Inħossuna henjin u nifirħu magħhom? Mela ejja nuru l-apprezzament tagħna għal dawn l-aħwa għeżież li ‘jaħdmu magħna għas-saltna t’Alla.’ (Kol. 4:11) Meta nkunu flimkien fil-laqgħat tal-kongregazzjoni jew f’laqgħat Kristjani akbar nistgħu ninkuraġġuhom mill-qalb. Ukoll, nistgħu nimitaw l-eżempju żeluż tagħhom. U nistgħu noħolqu “l-opportunità” li nisimgħu l-esperjenzi u d-diskors tagħhom li jqawwu l-qalb billi nuruhom ospitalità, forsi naqsmu ikla magħhom.—Flp. 4:10.
Ifraħ maʼ Dawk li Qed Jiffaċċjaw il-Provi
Id-determinazzjoni taʼ Pawlu li jibqaʼ leali lejn Ġeħova ssaħħet billi ssaporta l-persekuzzjoni u għeleb il-provi. (Kol. 1:24; Ġak. 1:2, 3) Il-fatt li kien jaf li l-aħwa f’Filippi x’aktarx kienu se jiffaċċjaw provi simili u kienu se jkunu inkuraġġiti bil-perseveranza tiegħu tah raġuni biex ikun hieni u jifraħ magħhom. B’hekk, kiteb: “Lilkom ngħata l-privileġġ għan-nom taʼ Kristu, mhux biss biex tpoġġu l-fidi tagħkom fih, imma wkoll biex issofru għalih. Għax intom għandkom l-istess taqbida bħalma rajtu fil-każ tiegħi u bħalma issa qed tisimgħu li jien għaddej minnha.”—Flp. 1:29, 30.
Bl-istess mod illum, il-Kristjani jsofru l-oppożizzjoni minħabba l-għoti taʼ xhieda tagħhom. Xi kultant din l-oppożizzjoni tkun vjolenti, imma spiss tkun iktar sottili minn hekk. Taf tinqalaʼ permezz taʼ akkużi foloz minn apostati, ostilità minn membri tal-familja, twaqqigħ għaċ-ċajt minn kollegi jew sħabna tal-iskola. Ġesù wissa li dawn il-provi la għandhom jissorprenduna u lanqas m’għandhom jiskuraġġuna. Minflok, huma raġuni biex nifirħu. Hu qal: “Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-ferħ, għax il-premju tagħkom hu kbir fis-smewwiet.”—Mt. 5:11, 12.
M’għandniex nibżgħu jew nitwerwru meta nisimgħu li ħutna qed jiffaċċjaw persekuzzjoni ħarxa f’ċerti pajjiżi. Għall-kuntrarju, għandna nifirħu għax qed jipperseveraw. Nistgħu nitolbu għalihom lil Ġeħova biex hu jsaħħaħ il-fidi u s-sabar tagħhom. (Flp. 1:3, 4) Waqt li forsi m’hemm kważi xejn iktar li nistgħu nagħmlu għal dawn l-aħwa għeżież, nistgħu ngħinu lil dawk fil-kongregazzjoni tagħna stess li għaddejjin minn provi. Nistgħu nieħdu interess fihom u nappoġġawhom. Aħna nistgħu noħolqu opportunitajiet biex nifirħu magħhom billi kull tant żmien nistidnuhom jingħaqdu magħna fil-lejla tal-Qima tal-Familja, billi naħdmu magħhom fix-xogħol tal-ippritkar, u billi nqattgħu ħin flimkien fir-rikreazzjoni.
Għandna ħafna raġunijiet biex nifirħu flimkien! Ejja nirreżistu l-ispirtu taʼ iżolazzjoni taʼ din id-dinja u nkomplu naqsmu l-ferħ tagħna maʼ ħutna. Billi nagħmlu hekk, mhux biss se nikkontribwixxu għall-imħabba u l-unità tal-kongregazzjoni imma wkoll se ngawdu bis-sħiħ il-fratellanza Kristjana. (Flp. 2:1, 2) Iva, “ifirħu dejjem fil-Mulej,” għax Pawlu jħeġġiġna: “Nerġaʼ ngħidilkom, Ifirħu!”—Flp. 4:4.
[Sors tal-Istampa f’paġna 6]
Globu: Courtesy of Replogle Globes