Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kienet l-Għaxqa Tiegħi li Naqdi lil Ġeħova

Kienet l-Għaxqa Tiegħi li Naqdi lil Ġeħova

Kif rakkontata minn Fred Rusk

Kmieni fil-​ħajja esperjenzajt kemm hu minnu l-​kliem taʼ David misjub f’​Salm 27:10: “Kieku missieri u ommi stess jitilquni, Ġeħova jilqagħni għandu.” Ħa nirrakkonta kif dan seħħ fil-​każ tiegħi.

TRABBEJT fir-​razzett tan-​nannu bl-​għelieqi tal-​qoton fl-​Istat tal-​Ġeorġja, l-​Istati Uniti, matul id-​Dipressjoni l-​Kbira tas-​snin 30. Missieri, li kien tassew imnikket minħabba l-​mewt t’ommi u taʼ ħija li kien għadu jitwieled, ħallieni maʼ missieru li kien armel u mar jgħix ’il bogħod u hemm sab impjieg. Iktar tard, ipprova jirranġa biex ningħaqad miegħu imma dan qatt ma rnexxa.

Il-​bniet il-​kbar tan-​nannu ħadu ħsieb id-​dar. Għalkemm ma kienx xi raġel reliġjuż, it-​tfal bniet tiegħu kienu reliġjużi ħafna u insistew li ngħix b’mod strett fi qbil mat-​twemmin tagħhom. Kienu jheddu li jsawtuni jekk ma nattendix il-​knisja kull nhar taʼ Ħadd. Għalhekk, minn età żgħira ma tantx kelli stima għar-​reliġjon. Però, l-​iskola u l-​isports kienu jogħġbuni.

Iż-​Żjara li Bidlitli Ħajti

Darba waranofsinhar fl-​1941, meta kelli 15-​il sena, raġel avanzat fl-​età u martu ġew id-​dar tagħna. Ġie introdott bħala “zijuk Talmadge Rusk.” Qatt ma kont smajt bih imma sirt naf li hu u martu kienu Xhieda taʼ Ġeħova. Dak li spjega dwar l-​iskop t’Alla biex il-​bnedmin jgħixu fuq l-​art għal dejjem kien differenti ferm minn dak li tgħallimt fil-​knisja. Il-​biċċa l-​kbira mill-​familja m’aċċettawx, saħansitra ħarsu b’disprezz lejn dak li qalu. Qatt ma reġgħu tħallew jidħlu d-​dar. Madanakollu, iz-​zija Mary, li kienet tliet snin biss ikbar minni, aċċettat Bibbja flimkien maʼ pubblikazzjonijiet li għenu biex jispjegawha.

Mary ma damitx ma kienet konvinta li kienet sabet il-​verità tal-​Bibbja u tgħammdet fl-​1942 bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Esperjenzat ukoll dak li kien bassar Ġesù, jiġifieri: “Bniedem ikollu n-​nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu.” (Mt. 10:34-​36) L-​oppożizzjoni mill-​familja kienet ħarxa. Waħda minn ħutha, li kienet akbar minnha u li kienet involuta sew fil-​kwistjonijiet soċjali u politiċi tad-​distrett, ikkonfoffat mas-​sindku biex iz-​ziju Talmadge jiġi arrestat. L-​akkuża kienet li kien qed ibigħ mingħajr liċenzja. Hu nstab ħati.

Il-​gazzetta tar-​raħal fejn konna ngħixu rrapportat li s-​sindku, li kien ukoll l-​imħallef, qal lil dawk fil-​qorti tal-​belt: “Il-​letteratura li qed iqassam dan ir-​raġel . . . hi perikoluża daqs il-​velenu.” Zijuwi appella u rebaħ il-​kawża, imma sadattant qattaʼ għaxart ijiem ġol-​ħabs.

Kif Għenitni z-​Zija Mary

Minbarra li kellmitni dwar it-​twemmin ġdid tagħha, Mary bdiet tagħti xhieda lill-​ġirien. Mort magħha fuq studju tal-​Bibbja li kkonduċiet maʼ raġel li kien aċċetta l-​ktieb The New World. a Martu qalet li żewġha kien baqaʼ mqajjem il-​lejl kollu jaqrah. Għalkemm ma ridtx ngħaġġel biex nidħol f’xi ħaġa reliġjuża, dak li kont qed nitgħallem ħajjarni. Imma, ma kienx primarjament it-​tagħlim Bibliku li kkonvinċieni li x-​Xhieda kienu n-​nies t’Alla. Kien il-​mod kif ġew trattati.

Pereżempju, ġurnata minnhom meta jien u Mary konna sejrin lura d-​dar wara li naqqejna t-​tadam, sibna evidenza fl-​inċineratur jaqbad li ħutha kienu ħarqu l-​letteratura tagħha, inkluż fonografu u rekords b’messaġġi mill-​Bibbja. Tgħidx kemm irrabjajt imma ziti kkritikatni talli rrabjajt u qalet, “Fil-​futur se tirringrazzjana għal dak li għamilna.”

Mary kienet imġiegħla titlaq mid-​dar fl-​1943 għax irrifjutat li ċċedi l-​fidi ġdida tagħha u li tieqaf tipprietka lill-​ġirien. Sa dak iż-​żmien, kont ferħan ħafna li tgħallimt li Alla mhux talli għandu isem, Ġeħova, imma talli hu Alla taʼ mħabba u mogħdrija, u mhux wieħed li jaħraq lin-​nies f’infern tan-​nar. Ukoll tgħallimt li Ġeħova għandu organizzazzjoni taʼ mħabba, avolja kont għadni m’attendejtx laqgħa.

Iktar tard, waqt li kont qed naqtaʼ l-​ħaxix taʼ quddiem id-​dar, ġiet karozza bil-​mod u wieħed mill-​irġiel li kienu fiha staqsieni jekk kontx Fred. Meta sirt naf li kienu Xhieda għedtilhom, “Ħa nidħol u mmorru f’post fejn nistgħu nitkellmu bil-​kumdità.” Mary kienet ħadet ħsieb biex jiġu jżuruni. Wieħed mill-​irġiel kien Shield Toutjian, ministru li jivvjaġġa u li tani inkuraġġiment u gwida spiritwali fil-​ħin xieraq. L-​oppożizzjoni mill-​familja issa ffokat fuqi hekk kif iddefendejt it-​twemmin tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Mary kitbitli minn Virġinja, fejn kienet marret tgħix, u qaltli li jekk kont determinat li naqdi lil Ġeħova stajt immur noqgħod magħha. Mill-​ewwel iddeċidejt li mmur. Kien il-​Ġimgħa filgħaxija f’Ottubru tal-​1943 meta poġġejt xi affarijiet importanti f’kaxxa u rbattha maʼ siġra ftit ’il bogħod mid-​dar. Is-​Sibt ħadt il-​kaxxa, għaddejt minn fejn ħadd ma setaʼ jarani għal ġo dar taʼ ġar, u ddobbajt rikba sal-​belt. Ivvjaġġajt sal-​belt taʼ Roanoke u sibt lil Mary fid-​dar taʼ Edna Fowlkes.

Avanz Spiritwali, Magħmudija, Betel

Edna kienet Xhud mill-​midlukin u kienet turi mogħdrija, qisha Lidja taʼ żmienna. Kienet kriet dar kbira u minbarra z-​zija Mary ġabet jgħixu magħha lill-​mara u liż-​żewġt ibniet taʼ ħuha. Dawn il-​bniet—Gladys u Grace Gregory—iktar tard saru missjunarji. Gladys, li issa għandha fuq id-​90 sena, għadha taqdi b’lealtà fil-​fergħa tal-​Ġappun.

Waqt li kont ngħix fid-​dar taʼ Edna attendejt il-​laqgħat regolarment u rċivejt taħriġ fil-​ministeru. Il-​fatt li kelli l-​libertà li nistudja l-​Kelma t’Alla u nattendi l-​laqgħat Kristjani ssodisfa x-​xewqa tiegħi li kienet qed tikber li nsir naf lil Ġeħova. Fl-​14 taʼ Ġunju, 1944, tgħammidt. Mary, Gladys, u Grace bdew jaqdu bħala pijunieri u aċċettaw inkarigu fit-​Tramuntana taʼ Virġinja. Hemmhekk għenu biex tifforma kongregazzjoni f’Leesburg. Fil-​bidu tal-​1946 bdejt naqdi bħala pijunier mhux ’il bogħod minnhom. Dak is-​sajf ivvjaġġajna flimkien għall-​konvenzjoni internazzjonali memorabbli li saret fi Cleveland, Ohio, mill-​4 sal-​11 t’Awwissu.

F’din il-​konvenzjoni, Nathan Knorr, li kien qed jieħu t-​tmexxija fl-​organizzazzjoni, spjega fuq fuq il-​pjanijiet għal espansjoni fil-​Betel taʼ Brooklyn. Dawn kienu jinkludu l-​bini taʼ residenza ġdida u t-​tkabbir tal-​istamperija. Kien hemm bżonn taʼ ħafna aħwa rġiel żgħażagħ. Iddeċidejt li kien hemm li xtaqt naqdi lil Ġeħova. Għalhekk, tfajt l-​applikazzjoni tiegħi u fi żmien ftit xhur, fl-​1 taʼ Diċembru, 1946, mort Betel.

Xi sena wara, l-​indokratur tal-​istamperija, Max Larson, waqaf ħdejn l-​iskrivanija tiegħi fid-​Dipartiment tal-​Posta. Hu qalli li kont se niġi inkarigat naqdi fid-​Dipartiment tas-​Servizz. Permezz taʼ dan l-​inkarigu tgħallimt ħafna dwar l-​applikar taʼ prinċipji tal-​Bibbja u l-​mod kif taħdem l-​organizzazzjoni t’Alla, speċjalment meta ħdimt maʼ T. J. (Bud) Sullivan, l-​indokratur tad-​dipartiment.

Missieri żarni diversi drabi f’Betel. Iktar tard fil-​ħajja kien sar bniedem reliġjuż. Fl-​aħħar żjara tiegħu, fl-​1965, qalli, “Int tistaʼ tiġi żżurni imma jien qatt mhu se nerġaʼ niġi narak hawn.” Irnexxieli nżuru ftit drabi qabel ma miet. Kien ċert li kien sejjer is-​sema. It-​tama tiegħi hi li jinsab fil-​memorja taʼ Ġeħova, u jekk inhu hekk, fl-​irxoxt mhux se jkun fejn ħaseb hu imma se jkun hawn fuq l-​art bit-​tama li jgħix għal dejjem fil-​Ġenna tal-​art restawrata.

Konvenzjonijiet u Kostruzzjonijiet Oħrajn Memorabbli

Il-​konvenzjonijiet minn dejjem kienu ġrajjiet sinifikanti li għenu għall-​avanz spiritwali. B’mod speċjali kienu hekk il-​konvenzjonijiet internazzjonali fil-​Yankee Stadium taʼ New York fis-​snin 50. F’sessjoni minnhom fl-​1958, il-​Yankee Stadium u l-​Polo Grounds kienu mimlijin b’253,922 persuna minn 123 pajjiż. Qatt mhu se ninsa xi ħaġa li ġrat f’dik il-​konvenzjoni. Waqt li kont qed ngħin fl-​uffiċċju tal-​konvenzjoni, Ħuna Knorr ġie fuqi b’pass mgħaġġel. Qalli: “Fred, ma nafx kif imma nsejt ninkariga lil ħu biex ikellem lill-​pijunieri kollha li bħalissa jinsabu miġburin f’sala tal-​ikel mikrija fil-​viċin. Jimporta tmur malajr u tagħtihom taħdita tajba fuq dak li jiġik f’moħħok int u sejjer?” Tgħidx kemm tlabt qabel ma wasalt hemm b’nifsi maqtugħ!

Hekk kif in-​numru tal-​kongregazzjonijiet fil-​belt taʼ New York kiber b’mod drammatiku fis-​snin 50 u 60, il-​faċilitajiet li kienu jinkrew għas-​Swali tas-​Saltna ma baqgħux iktar adattati. Għalhekk, mill-​1970 sal-​1990, inxtraw tliet binjiet f’Manhattan u ġew rinnovati biex ikunu postijiet xierqa għal-​laqgħat. Jien kont iċ-​chairman tal-​kumitati tal-​bini għal dawn il-​proġetti u għandi ħafna memorji sbieħ taʼ kif Ġeħova bierek bil-​kbir il-​kongregazzjonijiet involuti f’li jaħdmu flimkien biex iħallsu għal binjiet u jlestu x-​xogħol fihom. Dawn il-​binjiet għadhom iservu tajjeb ħafna bħala ċentri tal-​qima vera.

Bidliet fil-​Ħajja

Ġurnata minnhom fl-​1957, waqt li kont miexi lejn ix-​xogħol minn ġo ġnien bejn id-​Dar Betel u l-​istamperija, bdiet nieżla x-​xita. Rajt Betelita ġdida ħelwa u bjonda quddiemi. Ma kellhiex umbrella allura offrejtilha li tistkenn taħt tiegħi. Dan hu kif iltqajt maʼ Marjorie, u minn meta żżewwiġna fl-​1960, bqajna mexjin flimkien ferħanin fis-​servizz lil Ġeħova, xemx jew xita. F’Settembru 2010 għalaqna 50 sena miżżewġin.

Wara l-​honeymoon bilkemm konna tfajna kollox f’postu meta Ħuna Knorr qalli li kont ġejt inkarigat naqdi bħala struttur fl-​Iskola taʼ Gilegħad. Kemm kien privileġġ speċjali dan! Mill-​1961 sal-​1965, intgħamlu ħames klassijiet b’kors itwal mis-​soltu biex il-​ħaddiema tal-​fergħat jingħataw taħriġ speċjali fuq kif jieħdu ħsieb fergħa. Fil-​Ħarifa tas-​sena 1965, il-​klassijiet reġgħu bdew b’kors taʼ ħames xhur, u t-​tagħlim reġaʼ beda jiffoka fuq it-​taħriġ tal-​missjunarji.

Fl-​1972, ġejt mibgħut mill-​Iskola taʼ Gilegħad għal li naqdi bħala indokratur fid-​Dipartiment tal-​Korrispondenza bil-​Kitba. Ir-​riċerki li kont nagħmel biex nittratta maʼ varjetà taʼ mistoqsijiet u problemi għenuni nifhem aħjar it-​tagħlim tal-​Kelma t’Alla u l-​applikar tal-​prinċipji għoljin tal-​Alla tagħna f’li ngħinu lill-​oħrajn.

Imbagħad fl-​1987, ġejt inkarigat f’dipartiment ġdid imsejjaħ Servizzi taʼ Informazzjoni għall-​Isptarijiet. Saru arranġamenti għal seminars ħalli l-​anzjani li jaqdu fil-​Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet jiġu mgħallmin kif għandhom javviċinaw lil tobba, imħallfin, u social workers biex jiddiskutu l-​waqfa Skritturali tagħna dwar id-​demm. Problema kbira kienet li t-​tobba, mingħajr il-​permess tal-​ġenituri, kienu qed jagħtu trasfużjonijiet tad-​demm lit-​tfal tagħna, u spiss kisbu ordnijiet mill-​qorti biex jagħmlu dan.

Meta konna nissuġġerixxu alternattivi għal trasfużjonijiet tad-​demm lit-​tobba, it-​tweġiba tas-​soltu kienet li dawn ma kinux disponibbli jew kienu għaljin wisq. It-​tweġiba tiegħi lil kirurgu li kien jgħid dan spiss kienet tkun, “Oħroġ idek, jekk jogħġbok.” Meta kien jagħmel dan, jien kont ngħid, “Taf xejn, hemmhekk għandek waħda mill-​aħjar alternattivi għad-​demm.” Dan il-​kumpliment fakkru f’xi ħaġa li hu kien jaf sew—li l-​użu bir-​reqqa tas-​sikkina tat-​tobba jnaqqas ħafna t-​telf tad-​demm.

Matul l-​aħħar għoxrin sena, Ġeħova bierek bil-​kbir dawn l-​isforzi biex it-​tobba u l-​imħallfin jiġu edukati. L-​attitudnijiet tagħhom inbidlu b’mod sinifikanti meta bdew jifhmu aħjar il-​waqfa tagħna. Huma tgħallmu li r-​riċerka medika tagħti prova li alternattivi għad-​demm huma effettivi u li hemm tobba li jikkooperaw kif ukoll sptarijiet fejn jistaʼ jintbagħat pazjent.

Mill-​1996, jien u Marjorie qdejna fiċ-​Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower f’Patterson, New York, li jinsab xi 110 kilometri lejn it-​Tramuntana taʼ Brooklyn. Hawnhekk ħdimt għal ftit żmien fid-​Dipartiment tas-​Servizz u mbagħad għal xi żmien kelli sehem f’li ngħallem lill-​ħaddiema taʼ fergħat u l-​indokraturi li jivvjaġġaw. Fl-​aħħar 12-​il sena, erġajt qdejt bħala l-​indokratur tad-​dipartiment tal-​Korrispondenza bil-​Kitba, li tressaq minn Brooklyn għal Patterson.

Sfidi tax-​Xjuħija

Sar iktar diffiċli għalija li nieħu ħsieb il-​privileġġi tiegħi tas-​servizz f’Betel hekk kif qrobt il-​85 sena. Ili nissielet mal-​kanċer għal iktar minn għaxar snin. Inħossni bħal Ħeżekija li lilu Ġeħova żiedlu l-​ħajja. (Is. 38:5) Is-​saħħa tal-​mara wkoll qed tbatti, u flimkien naħdmu biex inkampaw mal-​marda tagħha tal-​Alzheimer. Marjorie kienet ministru kapaċi taʼ Ġeħova, għalliema għall-​uħud iżgħar, u ajjutanta u sieħba leali għalija. Minn dejjem kienet studenta tajba u għalliema mill-​aħjar tal-​Bibbja, u ħafna wlied spiritwali jżommu l-​kuntatt magħna.

Iz-​zija Mary mietet f’Marzu 2010 taʼ 87 sena. Hi spikkat bħala għalliema tal-​Kelma t’Alla u għenet lil oħrajn jieħdu l-​waqfa tagħhom għall-​qima vera. Hi qattgħet ħafna snin fil-​ministeru full-​time. Jien tassew grat lejha għas-​sehem li kellha f’li tgħinni nitgħallem il-​verità tal-​Kelma t’Alla u nsir bħalha, qaddej tal-​Alla tagħna kollu mħabba, Ġeħova. Mary indifnet ħdejn ir-​raġel tagħha, li iktar kmieni qeda bħala missjunarju fl-​Iżrael. Jien fiduċjuż li jinsabu fil-​memorja taʼ Ġeħova jistennew l-​irxoxt.

Hekk kif inħares lura lejn is-​67 sena taʼ servizz lil Ġeħova, jien grat għall-​barkiet għonja li rċivejt. Kienet l-​għaxqa tiegħi li nagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova! B’fiduċja fil-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu jien tassew nittama li jkolli sehem fil-​wegħda t’Ibnu: “Kulmin telaq id-​djar tiegħu jew lil ħutu subien jew bniet jew lil missieru jew lil ommu jew lit-​tfal jew l-​artijiet minħabba ismi jingħata ħafna iktar u jiret il-​ħajja taʼ dejjem.”Mt. 19:29.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat fl-​1942 imma issa m’għadux jiġi stampat.

[Stampa f’paġna 19]

Fir-​razzett taʼ nannuwi fejn kellna l-​għelieqi tal-​qoton fil-​Ġeorġja, l-​Istati Uniti, 1928

[Stampa f’paġna 19]

Iz-​zija Mary u z-​ziju Talmadge

[Stampa f’paġna 20]

Mary, Gladys, u Grace

[Stampa f’paġna 20]

Il-​magħmudija tiegħi, 14 taʼ Ġunju, 1944

[Stampa f’paġna 20]

Fid-​Dipartiment tas-​Servizz f’Betel

[Stampa f’paġna 21]

Maʼ Mary fil-​konvenzjoni internazzjonali tal-​1958 fil-​Yankee Stadium

[Stampa f’paġna 21]

Maʼ Marjorie fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħna

[Stampa f’paġna 21]

Flimkien fl-​2008