Parir Għaqli lill-Miżżewġin u lil Dawk li Mhumiex
“Dan qed ngħidu . . . biex inqanqalkom għal dak li hu xieraq u nqanqalkom biex taqdu lill-Mulej il-ħin kollu u mingħajr distrazzjoni.”—1 KOR. 7:35.
1, 2. Wieħed għala għandu jfittex parir mill-Bibbja dwar l-istat taʼ li jkun miżżewweġ jew le?
FTIT hemm affarijiet fil-ħajja li jġibu iktar ferħ, frustrazzjoni, jew inkwiet mir-relazzjonijiet tagħna mas-sess oppost. Il-bżonn li nieħdu ħsieb b’mod effettiv emozzjonijiet bħal dawn jagħtina raġuni biżżejjed biex infittxu gwida minn Alla, iżda hemm motivi oħrajn għala nagħmlu dan. Kristjan li hu kuntent li mhux miżżewweġ għandu mnejn iħoss li l-familja tiegħu jew ħbiebu qed jagħmlulu pressjoni biex jiżżewweġ. Ieħor għandu mnejn irid jiżżewweġ iżda għadu ma sabx sieħba adattata għalih. Xi wħud għandhom bżonn id-direzzjoni dwar kif jippreparaw għar-responsabbiltajiet taʼ li jkunu rġiel jew nisa miżżewġin. Ukoll, kemm il-Kristjani miżżewġin u kemm dawk li mhumiex jiffaċċjaw il-provi rigward il-moralità sesswali.
2 Minbarra l-ferħ personali tagħna, dawn l-affarijiet jeffettwaw il-waqfa tagħna m’Alla Ġeħova. F’kapitlu 7 tal-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu ta gwida lill-miżżewġin u lil dawk li mhumiex. Il-mira tiegħu kienet li jqanqal lis-semmiegħa tiegħu għal ‘dak li hu xieraq u jqanqalhom biex jaqdu lill-Mulej il-ħin kollu u mingħajr distrazzjoni.’ (1 Kor. 7:35) Hekk kif toqgħod taħseb fuq il-parir tiegħu fuq dawn l-affarijiet importanti, ipprova ara s-sitwazzjoni tiegħek—miżżewweġ jew le—bħala mod kif taqdi lil Ġeħova iktar bis-sħiħ.
Deċiżjoni Personali Serja
3, 4. (a) Kultant kif iqumu d-diffikultajiet meta n-nies ikunu ansjużi żżejjed dwar ħabib jew qarib li mhux miżżewweġ? (b) Il-parir taʼ Pawlu kif għandu jgħin lil xi ħadd ikollu ħarsa bilanċjata dwar iż-żwieġ?
3 L-istess bħal-Lhud fl-ewwel seklu, ħafna nies fil-kultura tal-lum jenfasizzaw iż-żwieġ bħala xi ħaġa mixtieqa ħafna. Jekk ġuvni jew tfajla taqbeż ċerta età mingħajr ma tkun iżżewġet, ħbieb u qraba ansjużi dwar dan għandhom mnejn iħossu li għandhom jagħtuha xi pariri. Meta jkunu qed jiddiskutu maʼ dawn għandhom mnejn jissuġġerixxu li hu jew hi għandha tagħmel iktar l-almu tagħha biex tfittex sieħeb. Il-familja u l-ħbieb għandhom mnejn jitfgħu xi botta dwar xi ħadd li jaħsbu li hu tajjeb għalihom biex jiżżewġuh. Saħansitra jistgħu jirranġaw minn taħt biex ilaqqgħu tnejn li mhumiex miżżewġin. Dawn l-azzjonijiet kultant iwasslu għal mistħija, ħbiberiji mkissrin, u sentimenti mweġġgħin.
4 Pawlu qatt ma sforza lil xi ħadd biex jiżżewweġ jew biex jibqaʼ ma jiżżewwiġx. (1 Kor. 7:7) Hu kien kuntent li jaqdi lil Ġeħova mingħajr ma jkollu mara imma rrispetta d-dritt t’oħrajn biex igawdu ż-żwieġ. Kristjani individwali llum ukoll għandhom id-dritt li jiddeċiedu għalihom stess jekk jiżżewġux jew jibqgħux ġuvintur u xebbiet. Oħrajn m’għandhomx jagħmlulhom pressjoni biex jagħmlu ħaġa jew oħra.
Suċċess Bħala Persuna Mhix Miżżewġa
5, 6. Pawlu għala inkuraġġixxa li wieħed ma jkunx miżżewweġ?
5 Il-ħarsa pożittiva li Pawlu kellu lejn dawk li mhumiex miżżewġin hija taʼ min jinnotaha f’dak li hu qal lill-Korintin. (Aqra l-1 Korintin 7:8.) Għalkemm Pawlu ma kienx miżżewweġ, m’għolliex lilu nnifsu fuq dawk li kienu, bħalma jagħmel il-kleru tal-Kristjaneżmu li jżomm maċ-ċelibat. Minflok, l-appostlu enfasizza vantaġġ li ħafna ministri tal-aħbar tajba mhux miżżewġin igawdu. X’inhu dan il-vantaġġ?
6 Spiss ikun eħfef għal Kristjan mhux miżżewweġ biex fis-servizz li jagħti lil Ġeħova jaċċetta inkarigi li jkunu diffiċli li jiġu aċċettati minn persuna miżżewġa. Pawlu rċieva privileġġ speċjali bħala “appostlu tal-ġnus.” (Rum. 11:13) Aqra Atti kapitlu 13 sa 20, u segwi lilu u lill-missjunarji sħabu hekk kif jiftħu territorji u jistabbilixxu kongregazzjonijiet f’post wara l-ieħor. Fil-qadi tiegħu, Pawlu ssaporta tbatijiet li ftit illum se jiffaċċjaw. (2 Kor. 11:23-27, 32, 33) Imma l-ferħ tiegħu f’li jgħin lil ħafna jsiru dixxipli kien jisboq dawn id-diffikultajiet. (1 Tess. 1:2-7, 9; 2:19) Kien iwettaq dak kollu li kien għamel kieku kien miżżewweġ jew kellu familja? Wisq probabbli le.
7. Agħti eżempju taʼ Xhieda mhux miżżewġin li użaw iċ-ċirkustanzi tagħhom biex ikabbru l-interessi tas-Saltna.
7 Ħafna Kristjani mhux miżżewġin jużaw iċ-ċirkustanzi tagħhom tal-preżent biex jaħdmu iktar għan-nom tas-Saltna. Sara u Limbania, pijunieri mhux miżżewġin fil-Bolivja, marru jgħixu f’raħal fejn in-nies kienu ilhom is-snin ma jingħataw xhieda. Il-fatt li ma kellhomx dawl kien se jkun problema? Huma rrapportaw: “M’hemm la radju u lanqas televixin, għalhekk in-nies mhumiex aljenati mill-passatemp ewlieni tagħhom, li hu l-qari.” Xi raħħala wrew lill-pijunieri xi kopji tal-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova li kienu għadhom qed jaqraw imma li ma baqgħux jiġu pubblikati. Peress li l-aħwa nisa sabu l-interess kważi f’kull bieb, huma sabu diffikultà biex iżuru kull dar fit-territorju. Mara mdaħħla fiż-żmien qaltilhom: “Żgur li t-tmiem hu fil-qrib għax ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-aħħar sabuna.” Uħud minn dan ir-raħal malajr kienu qed imorru għal-laqgħat tal-kongregazzjoni.
8, 9. (a) X’kellu f’moħħu Pawlu meta tkellem b’mod favorevoli dwar li ma tkunx miżżewweġ? (b) Liema vantaġġi hemm għall-Kristjani mhux miżżewġin?
8 M’għandniex xi ngħidu, Kristjani miżżewġin ukoll ikollhom riżultati mill-aħjar meta jippritkaw l-aħbar tajba f’territorji taʼ sfida. Imma xi ftit inkarigi li pijunieri mhux miżżewġin jistgħu jaċċettaw jistgħu jkunu diffiċli għal dawk miżżewġin jew li għandhom it-tfal. Meta Pawlu kiteb lill-kongregazzjonijiet kien jaf li kien għad hemm ħafna xogħol xi jsir fl-ippritkar tal-aħbar tajba. Ried li kulħadd igawdi l-ferħ, bħalma għamel hu. Għal din ir-raġuni, hu tkellem b’mod favorevoli dwar li taqdi lil Ġeħova bħala persuna mhix miżżewġa.
9 Pijuniera mhix miżżewġa fl-Istati Uniti kitbet: “Xi nies jaħsbu li l-ferħ ma jistax jinkiseb minn dawk mhux miżżewġin. Imma jien rajt li l-kuntentizza dejjiema tiddependi mill-ħbiberija li wieħed ikollu maʼ Ġeħova. Li ma tkunx miżżewweġ, għalkemm sagrifiċċju, hu rigal mill-isbaħ jekk tieħu vantaġġ minnu.” Dwar is-sejba tal-kuntentizza, hi kitbet: “Il-fatt li ma tkunx miżżewweġ jistaʼ jkun l-ewwel imbottatura għall-ferħ, mhux tfixkil għalih. Jien naf li Ġeħova ma jinsa lil ħadd, miżżewweġ jew le, u jurih l-affezzjoni tenera tiegħu.” Hi issa qed taqdi bil-ferħ f’pajjiż fejn hemm iktar bżonn għal pubblikaturi tas-Saltna. Jekk int m’intix miżżewweġ, tistaʼ tuża l-libertà li għandek biex tkabbar is-sehem tiegħek f’li tgħallem il-verità lil oħrajn? Int ukoll tistaʼ ssib li l-fatt li m’intix miżżewweġ huwa għotja imprezzabbli mingħand Ġeħova.
Uħud Mhux Miżżewġin li Jixtiequ Jiżżewġu
10, 11. Ġeħova kif jappoġġa lil dawk li jittamaw li jiżżewġu imma li għadhom ma sabux sieħeb adattat għalihom?
10 Ħafna mill-qaddejja leali taʼ Ġeħova jiddeċiedu li jfittxu għal sieħeb jew sieħba għaż-żwieġ wara li jgħaddu xi żmien waħedhom. Konxji mill-bżonn għal gwida, huma jitolbu l-għajnuna mingħand Ġeħova biex isibu sieħeb jew sieħba adattata għalihom.—Aqra l-1 Korintin 7:36.
11 Jekk tittama li tiżżewweġ lil xi ħadd li bħalek jixtieq jaqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa, kompli itlob Lilu dwar ix-xewqa tiegħek. (Flp. 4:6, 7) Minkejja ż-żmien li għandek mnejn ikollok tistenna, tiddisprax. Afda f’Alla tagħna kollu mħabba bħala l-Wieħed li jgħinek, u hu se jappoġġak emozzjonalment skont il-bżonn tiegħek.—Ebr. 13:6.
12. Kristjan għala għandu jiżen sew il-proposta li ssirlu biex jiżżewweġ?
12 Kristjan li mhux miżżewweġ u li jixtieq jagħmel dan għandu mnejn ikollu proposta għaż-żwieġ minn xi ħadd bi spiritwalità dubjuża jew anke minn xi ħadd li mhux tal-istess twemmin. Jekk jiġrilek hekk, ftakar li l-uġigħ taʼ qalb li jiġi milli tagħmel għażla ħażina fis-sieħeb għaż-żwieġ jistaʼ jikkawża wġigħ ħafna ikbar mix-xewqa li persuna tħoss meta ma tkunx miżżewġa. U ladarba tkun miżżewweġ, fil-ġid jew fid-deni, int tkun marbut mas-sieħeb tiegħek għal għomrok. (1 Kor. 7:27) Qatt tieħu deċiżjoni biex tiżżewweġ, sforz id-disperazzjoni li jkollok, li mbagħad jiddispjaċik li ħadtha.—Aqra l-1 Korintin 7:39.
Ipprepara għar-Realtajiet taż-Żwieġ
13-15. Liema diffikultajiet li jistaʼ jkun hemm għandha koppja titkellem dwarhom qabel jiżżewġu?
13 Għalkemm Pawlu inkuraġġixxa li wieħed jaqdi lil Ġeħova bħala persuna mhix miżżewġa, hu ma maqdarx lil dawk li ddeċidew li jiżżewġu. Minflok, il-parir imnebbaħ tiegħu jgħin lill-koppji jiffaċċjaw ir-realtajiet tal-ħajja miżżewġa u jagħmlu l-għaqda tagħhom waħda permanenti.
14 Xi koppji għandhom mnejn ikollhom bżonn ibiddlu l-ideat tagħhom dwar x’se jsibu fiż-żwieġ. Waqt in-namur, tnejn min-nies jistgħu jqisu mħabbithom bħala unika, straordinarja, garanzija taʼ hena fiż-żwieġ. Huma jidħlu fiż-żwieġ mimlijin b’emozzjonijiet tal-ħolm u jemmnu li xejn ma jistaʼ xi darba jeqred l-hena tagħhom flimkien. Ħsib bħal dan mhux realistiku. L-aspetti romantiċi tal-ħajja miżżewġa huma sbieħ, iżda waħedhom ma jħejjux liż-żewġ għarajjes għat-tribulazzjoni li jkun hemm f’kull żwieġ.—Aqra l-1 Korintin 7:28. a
15 Ħafna miżżewġin friski jistagħġbu, saħansitra jiddiżappuntaw ruħhom, meta l-imseħbin tagħhom ma jaqblux magħhom fuq kwistjonijiet importanti. It-tnejn li huma jistgħu jsibu ruħhom jikkwistinjaw dwar kif għandhom jonfqu l-flus, kif iqattgħu l-ħin tal-mistrieħ, fejn se jgħixu, u kemm spiss għandhom iżuru lill-ġenituri tagħhom. U kull wieħed għandu d-difetti fil-personalità tiegħu li jistgħu jdejqu lill-ieħor. Matul in-namur ikun faċli li ċċekken l-importanza t’affarijiet bħal dawn, imma iktar tard fiż-żwieġ dawn jistgħu joħolqulek problemi kbar. Koppja jagħmlu tajjeb jekk isolvu l-affarijiet li jikkonċernawhom qabel jiżżewġu.
16. Għala koppja għandhom jiftiehmu dwar kif jiffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja miżżewġa?
16 Biex koppja jkollhom suċċess u jkunu ferħanin, huma għandhom jiffaċċjaw l-isfidi tagħhom b’fehma waħda. Għandhom jiftiehmu dwar kif jiddixxiplinaw lil uliedhom u kif jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom li jkunu qed jixjieħu. Il-pressjoni kkaġunata bid-diffikultajiet tal-familja m’għandhiex għalfejn tibni ħajt bejn l-imseħbin. Bl-applikar tal-pariri Bibliċi, huma se jsolvu ħafna problemi, jissaportu dawk li jifdal, u jibqgħu ferħanin flimkien.—1 Kor. 7:10, 11.
17. Il-koppji miżżewġin għala huma ‘ansjużi għal dak li hu tad-dinja’?
17 Pawlu jitkellem dwar realtà oħra taż-żwieġ fl-1 Korintin 7:32-34. (Aqra.) Minħabba li l-bżonn iġegħelhom, in-nies miżżewġin huma ‘ansjużi għal dak li hu tad-dinja,’ bħalma huma l-ikel, l-ilbies, id-dar, u l-affarijiet oħra bażiċi. Għala? Meta kien għadu mhux miżżewweġ, ħu għandu mnejn intefaʼ b’ruħu u ġismu fil-ministeru. Imma bħala raġel miżżewweġ isib li għandu juża ftit minn dak il-ħin u l-enerġija biex jieħu ħsieb martu, u b’hekk jikseb l-approvazzjoni tagħha. L-istess jistaʼ jingħad għall-mara lejn żewġha. Fl-għerf tiegħu, Ġeħova jifhem din il-ħtieġa. Hu jaf li żwieġ taʼ suċċess spiss jirrikjedi ftit mill-ħin u l-enerġija li raġel u mara miżżewġin qabel kienu jużaw biex jaqdu Lilu meta kienu għadhom waħedhom.
18. Liema aġġustamenti dwar attivitajiet soċjali għandhom mnejn ikollhom jagħmlu xi wħud wara ż-żwieġ?
18 Iżda hemm iktar involut. Jekk koppja jkollhom jieħdu ftit ħin u enerġija mis-servizz tagħhom lejn Alla biex jieħdu ħsieb xulxin, m’għandhomx huma jagħmlu l-istess bil-ħin u l-enerġija li qabel kienu jużaw għad-divertiment meta ma kinux miżżewġin? Xi jkun l-effett fuq mara jekk żewġha jibqaʼ involut ħafna fl-isports mal-ħbieb? Jew kif jistaʼ raġel miżżewweġ iħossu jekk martu tibqaʼ mdeffsa sew fil-passatempi maʼ ħbiebha? Is-sieħeb li tħalla waħdu malajr jistaʼ jibda jħossu waħdu, imdejjaq, u mhux maħbub. Dan jistaʼ jiġi evitat jekk koppja jagħmlu dak kollu li jistgħu biex isaħħu l-għaqda taʼ bejniethom bħala miżżewġin.—Efes. 5:31.
Ġeħova Jirrikjedi Ndafa Morali
19, 20. (a) Il-miżżewġin għala mhumiex meħlusin mit-tentazzjoni li jkunu immorali? (b) Liema riskju jieħdu koppja miżżewġa jekk iħallu lilhom infushom ikunu separati għal żmien twil?
19 Il-qaddejja taʼ Ġeħova huma determinati li jibqgħu safjin moralment. Uħud jiddeċiedu li jiżżewġu biex jevitaw problemi taʼ dan it-tip. Madankollu, iż-żwieġ ma jagħtix protezzjoni awtomatika kontra n-nuqqas taʼ ndafa sesswali. Fi żminijiet Bibliċi, belt fortifikata pproteġiet lin-nies biss jekk kienu jibqgħu ġos-swar tagħha. Jekk xi ħadd ikun mar barra l-bibien tagħha meta l-ħallelin u xi nies taʼ qattagħni kienu jħufu, hu setaʼ jinsteraq jew jinqatel. Bl-istess mod, nies miżżewġin isibu l-protezzjoni mill-immoralità biss jekk jibqgħu jobdu l-liġijiet u jżommu mal-limiti li l-Oriġinatur taż-żwieġ stabbilixxa għalihom.
20 Pawlu ddeskriva dawn il-limiti fl-1 Korintin 7:2-5. Il-mara għandha l-privileġġ esklużiv tar-relazzjonijiet sesswali maʼ żewġha; bl-istess mod, ir-raġel għandu l-istess privileġġ magħha biss. Kull wieħed hu mistenni li jipprovdi lill-ieħor b’dak li ‘jmissu’ fiż-żwieġ, jew, b’relazzjonijiet sesswali li persuna miżżewġa għandha d-dritt li jkollha. Madankollu, xi rġiel u nisa miżżewġin jgħaddu ħafna żmien ’il bogħod minn xulxin—imorru għal vaganza b’mod separat, jew ikunu ’l bogħod minn xulxin minħabba xogħol sekulari, u b’hekk iċaħħdu lil xulxin minn dak li ‘jmisshom.’ Immaġina xi traġedja tkun jekk minħabba li ‘ma jkunux jifilħu jżommu,’ huma jċedu għall-pressjoni satanika u jikkommettu adulterju. Ġeħova jbierek lill-kapijiet tal-familja li jipprovdu għall-familji tagħhom mingħajr ma jipperikolaw iż-żwieġ tagħhom.—Salm 37:25.
Benefiċċji li Jiġu mill-Ubbidjenza għall-Pariri Bibliċi
21. (a) Għala huwa diffiċli li jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar li wieħed jiżżewweġ jew le? (b) Għala huwa utli l-parir fl-1 Korintin kapitlu 7?
21 Id-deċiżjonijiet li jinvolvu jekk wieħed jiżżewwiġx jew le huma fost l-iktar diffiċli li xi ħadd qatt jistaʼ jagħmel. L-imperfezzjoni, is-sors tal-biċċa l-kbira mill-problemi fir-relazzjonijiet tal-bniedem, tinsab fin-nies kollha. Allura anke dawk li huma approvati u mberkin minn Ġeħova ma jistgħux ma jkollhomx xi diżappunti, kemm jekk miżżewġin u kemm jekk le. Jekk tapplika l-parir għaqli li nsibu fl-1 Korintin kapitlu 7, int jistaʼ jkollok problemi mill-inqas. F’għajnejn Ġeħova, int se ‘tagħmel sewwa’ kemm jekk int miżżewweġ u kemm jekk le. (Aqra l-1 Korintin 7:37, 38.) Li jkollok l-approvazzjoni t’Alla huwa l-ikbar mira li tistaʼ tilħaq. Bl-approvazzjoni tiegħu, int se tkompli tagħmel progress lejn il-ħajja fid-dinja l-ġdida tiegħu. Hemm, ir-relazzjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa se jkunu meħlusin mill-pressjonijiet tant komuni llum.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja, kapitlu 2, paragrafi 16-19.
Taf Twieġeb?
• Għala ħadd m’għandu jagħmel pressjoni fuq ħaddieħor biex jiżżewweġ?
• Kif tistaʼ tuża ħinek bl-aħjar mod bħala qaddej mhux miżżewweġ taʼ Ġeħova?
• Koppja fin-namur kif jistgħu jippreparaw għall-isfidi taż-żwieġ?
• Iż-żwieġ għala ma joffrix protezzjoni awtomatika kontra l-immoralità sesswali?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 14]
Il-Kristjani mhux miżżewġin li jużaw ħinhom biex ikabbru l-ministeru tagħhom jesperjenzaw il-ferħ
[Stampa f’paġna 16]
Liema aġġustamenti għandhom mnejn ikollhom jagħmlu xi wħud wara li jiżżewġu?