Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħu b’Mod Żeluż Appoġġa l-Qima Pura

Ġeħu b’Mod Żeluż Appoġġa l-Qima Pura

ĠEĦU b’mod żeluż appoġġa l-​qima pura. U dan għamlu billi kien enerġetiku, pront, persistenti, ħabrieki, u kuraġġuż. Ġeħu wera kwalitajiet li nagħmlu tajjeb jekk nimitawhom.

Ġeħu ngħata inkarigu meta l-​ġens taʼ Iżrael kien f’qagħda ħażina. Il-​pajjiż kien taħt l-​influwenza mill-​agħar taʼ Ġeżabel, l-​armla t’Aħab u omm Ġeħoram, li kien qed isaltan. Ħeġġet lin-​nies biex jinvolvu ruħhom fil-​qima taʼ Bagħal minflok ma jqimu lil Ġeħova, qatlet lill-​profeti t’Alla, u sfrattat lin-​nies biż-​“żína” u s-​“sħarijiet” tagħha. (2 Slat. 9:22; 1 Slat. 18:4, 13) Ġeħova ordna l-​qerda tad-​dar kollha t’Aħab, inkluż Ġeħoram u Ġeżabel. Ġeħu kellu jkun minn taʼ quddiem f’din l-​azzjoni.

L-​ewwel darba li Ġeħu jissemma fl-​Iskrittura nsibuh bilqiegħda mal-​kapijiet militari meta l-​Iżraelin kienu qed jiġġieldu kontra s-​Sirjani f’Ramot-​gilegħad. Ġeħu kien uffiċjal taʼ kariga għolja, jekk mhux il-​kmandant tal-​armata taʼ Iżrael. Il-​profeta Eliżew bagħat lil wieħed mill-​ulied tal-​profeti biex jidlek lil Ġeħu bħala sultan u biex jistruwih ħalli joqtol lill-​irġiel u s-​subien kollha mid-​dar apostata t’Aħab.—2 Slat. 8:28; 9:1-​10.

Meta l-​uffiċjali sħabu staqsewh dwar l-​iskop taʼ din iż-​żjara, Ġeħu ma riedx jgħidilhom. Imma meta għamlulu pressjoni, qalilhom il-​verità, u hu u sħabu bdew jikkonfoffaw kontra Ġeħoram. (2 Slat. 9:11-​14) X’aktarx li xi membri tal-​armata kienu jopponu lil Aħab u lil Ġeżabel. Kien x’kien il-​każ, Ġeħu ħaseb bis-​serjetà dwar kif isib l-​aqwa mod biex iwettaq l-​inkarigu tiegħu.

Is-​Sultan Ġeħoram kien ġie ferut fil-​battalja u kien mar fil-​belt taʼ Ġeżragħel, bit-​tama li jfiq. Ġeħu kien jaf li biex il-​pjan tiegħu jirnexxi, ħadd ma kellu jsir jaf bil-​pjan f’Ġeżragħel. Ġeħu qal: “Tħallu lil ħadd jaħrab mill-​belt biex imur u jwassal l-​aħbar f’Ġeżragħel.” (2 Slat. 9:14, 15) Forsi stenna minn tal-​inqas ftit reżistenza minn truppi li kienu leali lejn Ġeħoram. Allura Ġeħu ried jagħmel ċert li ma kellhom ebda opportunità biex jopponuh.

“ISUQ BĦAL MIĠNUN”

Biex jissorprendihom, Ġeħu saq il-​karru tiegħu minn Ramot-​gilegħad sa Ġeżragħel, distanza taʼ 72 kilometru. Hekk kif bil-​ħeffa qorob lejn id-​destinazzjoni tiegħu, għassies fuq torri ra “l-​irġiel taʼ Ġeħu ġejjin ilebbtu miegħu ġemgħa sħiħa.” (2 Slat. 9:17) Ġeħu x’aktarx li ħa forza kbira miegħu sabiex ikun ċert li jwettaq l-​iskop tiegħu.

Billi induna li Ġeħu, li kien kuraġġuż, kien f’wieħed mill-​karrijiet, l-​għassies qal: “Isuq bħal miġnun.” (2 Slat. 9:20) Jekk Ġeħu s-​soltu kien isuq b’mod simili, l-​għaġla tiegħu f’din il-​missjoni partikulari żgur li ġegħlitu jsuq saħansitra iktar.

Wara li rrifjuta li jgħid xi ħaġa lil żewġ messaġġiera li ntbagħtu għandu, Ġeħu ltaqaʼ mas-​Sultan Ġeħoram u l-​alleat tiegħu Aħażija, is-​sultan taʼ Ġuda, li kull wieħed kien fil-​karru tiegħu stess. Il-​mistoqsija taʼ Ġeħoram, “Paċi hemm, Ġeħu?” twieġbet b’dan il-​mod: “X’paċi jistaʼ jkun hemm sakemm jibqgħu ż-​żína t’ommok Ġeżabel u l-​ħafna sħarijiet tagħha?” Imbeżżaʼ b’din ir-​risposta, Ġeħoram dar biex jaħrab. Imma Ġeħu kien ħafif wisq għalih! Qabad qaws u spara vleġġa f’qalb Ġeħoram, u s-​sultan waqaʼ mejjet fil-​karru tiegħu. Għalkemm Aħażija rnexxielu jaħrab, Ġeħu iktar tard mar warajh u qabbad lis-​suldati biex joqtluh ukoll.—2 Slat. 9:22-​24, 27.

Il-​membru tad-​dar t’Aħab li kien imissu jinqatel kien is-​sultana mill-​agħar Ġeżabel. Ġeħu bix-​xieraq irrefera għaliha bħala “din il-​misħuta.” Hekk kif Ġeħu daħal isuq f’Ġeżragħel, raha tittawwal minn tieqa fil-​palazz. Mingħajr ma qagħad jomgħodha, Ġeħu ordna lill-​uffiċjali tal-​palazz biex lil Ġeżabel jitfgħuha għal isfel mit-​tieqa. Imbagħad Ġeħu ħalla liż-​żwiemel tiegħu jgħaffġu taħt saqajhom lil Ġeżabel, li kienet sfrattat lil Iżrael kollu. Wara dan, Ġeħu kompla biex jeqred lil ħafna membri oħrajn tad-​dar t’Aħab, li kien mill-​agħar.—2 Slat. 9:30-​34; 10:1-​14.

Għalkemm ma niħdux pjaċir bil-​vjolenza, għandna nirrealizzaw li f’dak iż-​żmien, Ġeħova kien juża lill-​qaddejja tiegħu biex iwettqu l-​ġudizzji tiegħu. L-​Iskrittura tgħid: “Kien minn Alla li seħħet il-​waqgħa t’Aħażija talli mar għand Ġeħoram; u meta mar, ħareġ maʼ Ġeħoram għal għand Ġeħu, li nannuh kien Nimsi, li Ġeħova kien dilku biex jeqred lil dar Aħab.” (2 Kron. 22:7) Meta xeħet ġisem Ġeħoram ’il barra mill-​karru tiegħu, Ġeħu rrikonoxxa li dan l-​att wettaq il-​wegħda li kien għamel Ġeħova biex iħallas lil dar Aħab talli qatel lil Nabot. Iktar minn hekk, Ġeħu kien ġie ordnat biex ‘iħallas għad-​demm tal-​qaddejja’ t’Alla li kienet xerrdet Ġeżabel.—2 Slat. 9:7, 25, 26; 1 Slat. 21:17-​19.

Illum, ebda qaddej taʼ Ġeħova ma juża forza fiżika kontra l-​opponenti tal-​qima pura. “Il-​vendetta hi tiegħi,” jgħid Alla. (Ebr. 10:30) Imma biex jipproteġu lill-​kongregazzjoni minn persuni li jistgħu jikkorrompuha, l-​anzjani Kristjani għandhom mnejn ikollhom jaġixxu b’kuraġġ simili għal dak taʼ Ġeħu. (1 Kor. 5:9-​13) U l-​membri kollha tal-​kongregazzjoni għandhom ikunu determinati li jevitaw il-​kumpanija taʼ individwi maqtugħin mis-​sħubija.—2 Ġw. 9-​11.

ĠEĦU MA TTOLLERA L-​EBDA RIVALITÀ LEJN ĠEĦOVA

Il-​motiv taʼ Ġeħu biex iwettaq l-​inkarigu tiegħu jidher f’dak li qal lil Ġeħonadab, li kien leali: “Imxi miegħi u ara kif jien ma nittollera l-​ebda rivalità lejn Ġeħova.” Ġeħonadab aċċetta din l-​istedina, telaʼ fuq il-​karru taʼ Ġeħu, u mar miegħu s-​Samarija. Hemmhekk, Ġeħu ‘aġixxa b’makakkerija, bl-​iskop li jeqred lil kulmin kien iqim lil Bagħal.’—2 Slat. 10:15-​17, 19.

Ġeħu ħabbar li kellu “sagrifiċċju kbir” għal Bagħal. (2 Slat. 10:18, 19) “Hawnhekk Ġeħu b’mod għaqli kien qed juża logħob bil-​kliem,” jgħid wieħed studjuż. Filwaqt li l-​frażi użata hawnhekk “ġeneralment tfisser ‘sagrifiċċju,’ tintuża wkoll għall-​‘qtil’ tal-​apostati.” Peress li Ġeħu ma riedx li xi ħadd mill-​aduraturi taʼ Bagħal jitlef dan l-​avveniment, ġabarhom kollha fid-​dar taʼ Bagħal u tahom ilbies distintiv. “Malli temm joffri l-​offerta tal-​ħruq,” Ġeħu qabbad 80 raġel armat joqtlu lid-​devoti taʼ Bagħal. Imbagħad ikkmandahom biex iġarrfu d-​dar taʼ Bagħal u jagħmluha latrina, ħalli ma tkunx post xieraq għall-​qima.—2 Slat. 10:20-​27.

Huwa minnu li Ġeħu xerred ħafna demm. Però, fl-​Iskrittura hu deskritt bħala raġel kuraġġuż li ħeles lil Iżrael mill-​ħakma oppressiva taʼ Ġeżabel u tal-​familja tagħha. Biex mexxej taʼ Iżrael jirnexxilu jagħmel dan, kellu jkun raġel taʼ kuraġġ, determinazzjoni, u żelu. “Kien xogħol diffiċli u sar b’diliġenza persistenti,” jgħid wieħed dizzjunarju Bibliku. “Azzjoni inqas drastika x’aktarx li ma kienx jirnexxilha teqred għalkollox il-​qima taʼ Bagħal minn Iżrael.”

Bla dubju tistaʼ tara li ċirkustanzi li jiffaċċjaw il-​Kristjani llum jirrikjedu li dawn juru ċerti kwalitajiet li kellu Ġeħu. Pereżempju, kif għandna nirreaġixxu jekk niġu mħajrin biex nieħdu sehem f’xi attività li Ġeħova jikkundannaha? Għandna nkunu pronti, kuraġġużi, u żelużi f’li niċħduha. Fejn tidħol id-​devozzjoni tagħna lejn Alla, ma nistgħu nittolleraw l-​ebda rivalità lejn Ġeħova.

ĦU ĦSIEB LI TIMXI MAL-​LIĠI TAʼ ĠEĦOVA

It-​tmiem taʼ dan ir-​rakkont jipprovdi twissija. Ġeħu ‘ma warrabx milli jsegwi l-​għoġiela tad-​deheb li kienu f’Betel u f’Dan.’ (2 Slat. 10:29) Kif jistaʼ jkun li wieħed li deher tant żeluż għall-​qima pura ttollera l-​idolatrija?

Ġeħu forsi emmen li biex is-​saltna taʼ Iżrael tibqaʼ indipendenti minn Ġuda kellu jkun hemm separazzjoni reliġjuża bejn iż-​żewġ saltniet. Għaldaqstant, bħal slaten taʼ Iżrael taʼ qablu, hu pprova jżommhom separati billi ħalla lin-​nies ikomplu jqimu l-​għoġol. Imma dan kien juri nuqqas taʼ fidi f’Ġeħova, li kien għamlu sultan.

Ġeħova faħħar lil Ġeħu talli ‘aġixxa tajjeb billi għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.’ Minkejja dan, Ġeħu “ma ħax ħsieb li jimxi mal-​liġi taʼ Ġeħova l-​Alla taʼ Israel b’qalbu kollha.” (2 Slat. 10:30, 31) Meta tqis dak kollu li għamel Ġeħu qabel, dan jistaʼ jissorprendik u jnikktek. Madankollu, lilna jgħallimna lezzjoni. Ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova rridu ngħożżuha dejjem. Kuljum, irridu nikkultivaw lealtà lejn Alla billi nistudjaw il-​Kelma tiegħu, nimmeditaw fuqha, u nitolbu minn qalbna lil Missierna tas-​sema. Għalhekk, ejja nieħdu ħsieb li nibqgħu nimxu mal-​liġi taʼ Ġeħova b’qalbna kollha.—1 Kor. 10:12.

[Kaxxa f’paġna 4]

Ġeħu fl-​Istorja Sekulari

Il-​kritiċi spiss iqajmu dubji dwar jekk karattri msemmijin fl-​Iskrittura kinux verament jeżistu. Allura, hemm xi evidenza minn sorsi oħrajn minbarra l-​Bibbja rigward Ġeħu?

Minn tal-​inqas tliet dokumenti mill-​Assirja tal-​qedem isemmu lil dan is-​sultan taʼ Iżrael b’ismu. Wieħed minn dawn isostni li fih hemm stampa taʼ Ġeħu, jew forsi wieħed mir-​rappreżentanti tiegħu, imil quddiem is-​sultan Assirjan Salmaneser III u joffrilu l-​ħaraġ. L-​iskrizzjoni li hemm mal-​istampa tgħid: “Il-​ħaraġ taʼ Ġeħu (Ia-​ú-​a), bin Għomri (Hu-​um-​ri); mingħandu rċivejt fidda, deheb, skutella saplu tad-​deheb, vażun tad-​deheb bil-​qiegħ ippontat, tazzi tad-​deheb, bramel tad-​deheb, landa, bastun għal sultan, u oġġetti tal-​injam.” Ġeħu ma kienx verament “bin Għomri”, imma din l-​espressjoni kienet tintuża biex issemmi slaten taʼ Iżrael li ġew wara xulxin, x’aktarx minħabba l-​fama taʼ Għomri u l-​fatt li bena l-​belt kapitali taʼ Iżrael, is-​Samarija.

Dak li sostna s-​sultan Assirjan rigward il-​ħaraġ li jingħad li ħallas Ġeħu ma jistax jiġi konfermat. Minkejja dan, isemmi lil Ġeħu tliet darbiet—fuq obelisk, fuq statwa taʼ Salmaneser, u fl-​annali rjali tal-​Assirjani. Dawn ir-​referenzi ma tantx iħallu dubju dwar ir-​realtà storika taʼ dan il-​karattru Bibliku.