Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarreġ lil Oħrajn Biex Jirsistu

Ħarreġ lil Oħrajn Biex Jirsistu

“Kulmin jiġi mgħallem b’mod perfett ikun bħall-​għalliem tiegħu.”—LQ. 6:40.

1. Ġesù x’għamel matul il-​ministeru tiegħu sabiex iħarreġ lill-​predikaturi li kellhom isiru kongregazzjoni kbira?

 FIT-​tmiem tar-​rakkont tal-​Evanġelju tiegħu, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Fil-​fatt, hemm ukoll ħafna affarijiet oħra li għamel Ġesù, u li kieku kellhom jinkitbu sa l-​iċken dettall, naħseb jien, id-​dinja nfisha ma kinitx tesaʼ r-​rombli miktubin.” (Ġw. 21:25) Ġesù ħadem iebes fil-​ministeru matul iż-​żmien qasir li kien fuq l-​art. Matul dak iż-​żmien, hu kellu bżonn isib irġiel li setaʼ jħarriġhom biex ikomplu x-​xogħol tiegħu wara li jmur lura fis-​sema. Fis-​sena 33 E.K., hu kien ħarreġ biss grupp żgħir, imma dan malajr kiber u sar kongregazzjoni taʼ eluf taʼ predikaturi.—Atti 2:41, 42; 4:4; 6:7.

2, 3. (a) Għala hemm bżonn li l-​aħwa rġiel jirsistu? (b) X’se jiġi kunsidrat f’dan l-​artiklu?

2 Illum, hemm iktar minn sebaʼ miljun proklamatur attiv tas-​Saltna f’iktar minn 100,000 kongregazzjoni mad-​dinja kollha. Hemm bżonn taʼ aħwa rġiel biex jieħdu t-​tmexxija f’dawn il-​kongregazzjonijiet. Pereżempju, hemm ħtieġa kbira għal anzjani Kristjani. Dawk li jirsistu għal dan il-​privileġġ taʼ servizz għandhom jiġu mfaħħrin, għax huma ‘jixtiequ xogħol tajjeb.’—1 Tim. 3:1.

3 Madankollu, l-​irġiel ma jikkwalifikawx awtomatikament għal privileġġi fil-​kongregazzjoni. L-​edukazzjoni, l-​esperjenza, u l-​abbiltajiet ma jippreparawx lil raġel għal dan ix-​xogħol. Ħajtu trid tkun fi qbil maʼ dak li teħtieġ il-​Bibbja mill-​aħwa rġiel li jaqdu fil-​kongregazzjoni. Kif nistgħu ngħinu lill-​irġiel biex jagħmlu progress fil-​verità u biex jikkwalifikaw għal responsabbiltajiet? “Kulmin jiġi mgħallem b’mod perfett ikun bħall-​għalliem tiegħu,” qal Ġesù. (Lq. 6:40) F’dan l-​artiklu, se nitkellmu dwar xi modi kif Ġesù ħarreġ lid-​dixxipli tiegħu u dwar x’nistgħu nitgħallmu minn dan it-​taħriġ.

“Sejjaħtilkom Ħbieb”

4. Ġesù kif kien ħabib tajjeb għad-​dixxipli tiegħu?

4 Ġesù ma ħasibx li kien aħjar mid-​dixxipli tiegħu. Dawn kienu ħbiebu. Hu ried ikun magħhom, u kien jafdahom. Qalilhom: “Kulma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.” (Aqra Ġwanni 15:15.) Immaġina kemm kienu henjin id-​dixxipli meta Ġesù wieġeb il-​mistoqsija tagħhom: “X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?” (Mt. 24:3, 4) Hu riedhom ukoll ikunu jafu x’kien qed jaħseb u jħoss. Pereżempju, fil-​lejl li ġie arrestat, Ġesù ħa lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. Kellu bżonn jitlob f’dak iż-​żmien diffiċli. It-​tliet appostli forsi ma semgħux dak li qal fit-​talba tiegħu, imma kienu jafu li kien qed isofri ħafna. (Mk. 14:33-​38) Aħseb ukoll dwar l-​impatt li t-​trasfigurazzjoni żgur li kellha fuq dawn it-​tlieta. (Mk. 9:2-​8; 2 Pt. 1:16-​18) Il-​ħbiberija b’saħħitha taʼ bejn Ġesù u d-​dixxipli tiegħu tathom il-​qawwa li kellhom bżonn biex ikomplu x-​xogħol importanti li kellhom jagħmlu.

5. L-​anzjani kif jgħinu lil ħaddieħor?

5 Bħal Ġesù, l-​anzjani llum jgħinu lil ħuthom u jridu jkunu l-​ħbieb tagħhom. Huma jħobbuhom u juruhom li huma interessati sinċerament fihom. Kultant ikun hemm sitwazzjonijiet li l-​anzjani ma jkunux jistgħu jitkellmu dwarhom. Imma huma jitkellmu maʼ ħuthom dwar l-​affarijiet li jkunu tgħallmu mill-​Kelma t’Alla. L-​anzjani jafdawhom lil ħuthom. Huma qatt ma jaħsbu li huma iktar importanti minn xi qaddej ministerjali li jkun iżgħar minnhom. L-​anzjani jifhmu li qaddejja ministerjali żgħażagħ ukoll għamlu progress fil-​verità u jistgħu jibqgħu jagħmlu progress. Jafu li dawn l-​irġiel żgħażagħ iħobbu lil Ġeħova u qed jaqdu magħhom biex jieħdu ħsieb il-​kongregazzjoni.

“Ħallejtilkom Mudell”

6, 7. Iddeskrivi l-​eżempju li ħalla Ġesù għad-​dixxipli tiegħu u l-​effett li dan kellu fuqhom.

6 Għalkemm id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu japprezzaw l-​affarijiet spiritwali, il-​ħsib tagħhom kultant kien influwenzat mit-​trobbija u l-​kultura tagħhom. (Mt. 19:9, 10; Lq. 9:46-​48; Ġw. 4:27) Madankollu, Ġesù qatt ma kkritikahom jew irrabja magħhom. Ma talabhomx jagħmlu xi ħaġa li kienet diffiċli wisq għalihom. U qatt ma talabhom jagħmlu xi ħaġa li hu stess ma kienx jagħmilha. Minflok, Ġesù għallimhom bl-​eżempju.—Aqra Ġwanni 13:15.

7 Ġesù liema mudell ħallielhom lid-​dixxipli tiegħu? (1 Pt. 2:21) Żamm ħajtu sempliċi sabiex ikun jistaʼ juża ħinu biex jaqdi lil oħrajn. (Lq. 9:58) Ġesù kien umli u dejjem ibbaża t-​tagħlim tiegħu fuq l-​Iskrittura. (Ġw. 5:19; 17:14, 17) Kellu qalbu tajba u n-​nies ħassewhom komdi jitkellmu miegħu. Kulma għamel kien motivat mill-​imħabba. (Mt. 19:13-​15; Ġw. 15:12) L-​eżempju taʼ Ġesù kellu influwenza pożittiva fuq l-​appostli tiegħu. Pereżempju, Ġakbu ma ħassux imbeżżaʼ meta ffaċċja l-​mewt, imma sakemm inqatel, qeda lil Alla lealment. (Atti 12:1, 2) Ġwanni segwa l-​passi taʼ Ġesù lealment għal iktar minn 60 sena.—Riv. 1:1, 2, 9.

8. L-​anzjani kif jistgħu jagħtu eżempju tajjeb lil irġiel iżgħar u lil oħrajn?

8 L-​anzjani jistgħu jagħtu eżempju tajjeb lil irġiel iżgħar billi jkunu umli, billi juru l-​imħabba, u billi jużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħhom biex jgħinu lil oħrajn. (1 Pt. 5:2, 3) Ukoll, l-​anzjani huma kuntenti li jagħtu eżempju tajjeb sabiex l-​aħwa jkunu jistgħu jimitaw il-​fidi b’saħħitha tagħhom, il-​mod kif jgħallmu, il-​mod kif jgħixu bħala Kristjani, u l-​mod kif jippritkaw.—Ebr. 13:7.

‘Ġesù Tahom l-​Ordnijiet u Bagħathom’

9. Kif nafu li Ġesù ħarreġ lid-​dixxipli tiegħu għax-​xogħol tal-​ippritkar?

9 Wara li kien ipprietka għal madwar sentejn, Ġesù bagħat ukoll lit-​12-​il appostlu tiegħu biex jippritkaw. Iżda, l-​ewwel tahom xi istruzzjonijiet. (Mt. 10:5-​14) Meta kien se jitmaʼ lil folla taʼ eluf mirakolożament, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu kif riedhom jorganizzaw lin-​nies u jqassmu l-​ikel. (Lq. 9:12-​17) Għalhekk, b’mod ċar Ġesù ħarreġ lid-​dixxipli tiegħu billi tahom direzzjonijiet ċari u speċifiċi. Minħabba t-​taħriġ li tahom Ġesù u l-​għajnuna li rċivew mill-​ispirtu qaddis, l-​appostli organizzaw xogħol kbir taʼ ppritkar li beda fis-​sena 33 E.K.

10, 11. L-​anzjani u oħrajn kif jistgħu jħarrġu lill-​irġiel fil-​kongregazzjoni?

10 Illum, l-​istruzzjoni spiritwali tibda meta raġel jaċċetta studju tal-​Bibbja. Forsi jkollna bżonn ngħinuh jaqra sew. L-​assistenza tagħna tkompli hekk kif nikkonduċu studji tal-​Bibbja miegħu. Meta jibda jattendi għal-​laqgħat, hu jitgħallem x’għandu jagħmel biex jipparteċipa fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u jsir pubblikatur mhux mgħammed. Wara l-​magħmudija, it-​taħriġ tiegħu jistaʼ jinkludi affarijiet bħal li jgħin fil-​manutenzjoni tas-​Sala tas-​Saltna. Maż-​żmien, ħu jistaʼ jiġi megħjun jara x’għandu jagħmel biex jikkwalifika bħala qaddej ministerjali.

11 Meta l-​anzjani jagħtu responsabbiltà fil-​kongregazzjoni lil ħu mgħammed, huma jkunu jridu jgħinuh iwettaqha sew. Huma jispjegawlu l-​mod kif l-​aħwa jagħmlu dan ix-​xogħol fil-​kongregazzjonijiet u juruh b’mod ċar x’għandu jagħmel. Jekk ix-​xogħol kultant ikun diffiċli għalih, l-​anzjani ma jaqbdux u jiddeċiedu li mhuwiex kapaċi jagħmlu. Imma b’qalb tajba jerġgħu jispjegawlu x’għandu jagħmel u kif jagħmlu. L-​anzjani jieħdu pjaċir jgħinu lil xi ħu jieħu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tiegħu għaliex jafu li jekk jaqdi lil oħrajn fil-​kongregazzjoni se jkun ferħan.—Atti 20:35.

“Min Jismaʼ mill-​Pariri Huwa Għaref”

12. Il-​pariri taʼ Ġesù għala kienu effettivi?

12 Ġesù ħarreġ lid-​dixxipli tiegħu billi tahom pariri persunali adattati għall-​bżonnijiet tagħhom. Pereżempju, hu ċanfar lil Ġakbu u lil Ġwanni għax riedu jgħidu lin-​nar jinżel mis-​sema fuq xi Samaritani li ma kinux laqgħuh. (Lq. 9:52-​55) Meta omm Ġakbu u Ġwanni resqet lejn Ġesù għan-​nom tagħhom biex titlob li jingħataw pożizzjonijiet importanti fis-​Saltna, Ġesù indirizza direttament lill-​aħwa, billi qal: “Li toqogħdu bil-​qiegħda fuq il-​lemin u fuq ix-​xellug tiegħi ma nistax nagħtih jien, imma hu taʼ dawk li tħejja għalihom minn Missieri.” (Mt. 20:20-​23) Ġesù dejjem ta pariri li kienu ċari, prattiċi, u bbażati b’mod sod fuq il-​Kelma t’Alla, u għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jirraġunaw fuqha. (Mt. 17:24-​27) Ġesù rrikonoxxa wkoll il-​limitazzjonijiet tas-​segwaċi tiegħu u ma kienx jistenna li jkunu perfetti. Il-​pariri tiegħu kienu motivati mill-​imħabba ġenwina.—Ġw. 13:1.

13, 14. (a) Min għandu bżonn il-​pariri? (b) Liema huma xi eżempji taʼ pariri li l-​anzjani jistgħu jagħtu lil ħu?

13 Kull raġel li jirsisti għal xi responsabbiltà fil-​kongregazzjoni Kristjana se jkollu bżonn pariri mill-​Bibbja xi darba jew oħra. “Min jismaʼ mill-​pariri huwa għaref,” jgħid Proverbji 12:15. Ħu żagħżugħ qal li qabel kien iħoss li ma kienx tajjeb biżżejjed biex jaqdi. Hu qal li anzjan għenu jifhem li ma kellux għalfejn ikun perfett biex jaqdi.

14 Jekk l-​anzjani jinnotaw li l-​kondotta taʼ ħu qed iżżommu milli jagħmel progress, huma mill-​ewwel jipprovaw jgħinuh bi “spirtu taʼ ħlewwa.” Iriduh ikun kapaċi jaqdi lil oħrajn fil-​kongregazzjoni. (Gal. 6:1) Drabi oħrajn, l-​anzjani jkollhom bżonn jagħtu l-​pariri biex jgħinu lil xi ħadd jaġġusta l-​attitudni tiegħu. Pereżempju, forsi l-​anzjani jinnotaw li ħu kultant donnu jagħmel inqas milli jistaʼ. Huma jistgħu jinkuraġġuh jaħseb dwar l-​eżempju taʼ Ġesù. Ġesù ħadem iebes fix-​xogħol tal-​ippritkar u qal lid-​dixxipli tiegħu biex isegwu l-​eżempju tiegħu. (Mt. 28:19, 20; Lq. 8:1) Jekk ħu jidher li hu ambizzjuż, l-​anzjani jistgħu juruh kif Ġesù għen lid-​dixxipli Tiegħu jaraw il-​perikli taʼ li jfittxu l-​prominenza. (Lq. 22:24-​27) Jew jistaʼ jkun li ħu jsibha diffiċli biex jaħfer lil oħrajn. L-​anzjani jistgħu jgħinuh billi jużaw it-​tixbiha tal-​ilsir li ma riedx jaħfer lil ħaddieħor avolja ħaddieħor kien ħafirlu ħafna. (Mt. 18:21-​35) Meta l-​anzjani jkollhom bżonn jagħtu l-​pariri, għandhom jagħtuhom malajr kemm jistaʼ jkun.—Aqra Proverbji 27:9.

“Ħarreġ Lilek Innifsek”

15. Il-​familja taʼ ħu, kif tistaʼ tgħinu jaqdi lil oħrajn?

15 L-​anzjani jieħdu t-​tmexxija biex iħarrġu lill-​irġiel ħalli jirsistu, imma oħrajn jistgħu jappoġġaw l-​isforzi tagħhom. Pereżempju, il-​familja taʼ ħu tistaʼ u għandha tgħinu jirsisti. U jekk diġà hu anzjan, martu u wliedu jistgħu jappoġġawh hekk kif jaħdem iebes fil-​kongregazzjoni. Huma jifhmu li hu jrid juża ftit mill-​ħin u l-​enerġija tiegħu għal oħrajn. Hu jieħu pjaċir meta l-​familja tiegħu tkun lesta li tagħmel xi sagrifiċċji sabiex hu jkun jistaʼ jieħu ħsieb sew ir-​responsabbiltajiet tiegħu. Aħna grati għas-​sagrifiċċji li jagħmlu l-​familji tal-​anzjani.—Prov. 15:20; 31:10, 23.

16. (a) Min għandu bżonn juri li għandu x-​xewqa li jaqdi lil ħaddieħor? (b) Raġel kif jistaʼ jirsisti għal privileġġi fil-​kongregazzjoni?

16 Avolja oħrajn jistgħu jgħinuh, huwa l-​ħu nnifsu li għandu bżonn juri li għandu x-​xewqa li jaqdi lil ħaddieħor. (Aqra Galatin 6:5.) Naturalment, ħu m’għandux għalfejn ikun qaddej ministerjali jew anzjan sabiex jgħin lil oħrajn u biex ikollu sehem sħiħ fil-​ministeru. Madankollu, li wieħed jirsisti għal privileġġi fil-​kongregazzjoni jfisser li jistinka biex jilħaq il-​kwalifiki miktubin fl-​Iskrittura. (1 Tim. 3:1-​13; Titu 1:5-​9; 1 Pt. 5:1-​3) Mela jekk raġel ikun jixtieq li jaqdi bħala qaddej ministerjali jew anzjan imma għadu ma nħatarx, għandu jaħseb dwar affarijiet li jistaʼ jagħmel biex jikkwalifika. Dan jirrikjedi qari regulari tal-​Bibbja, studju persunali diliġenti, meditazzjoni bis-​serjetà, talb mill-​qalb, u parteċipazzjoni żeluża fil-​ministeru Kristjan. Jekk jagħmel hekk, ikun jistaʼ japplika personalment il-​parir li Pawlu ta lil Timotju: “Ħarreġ lilek innifsek bid-​devozzjoni lejn Alla bħala l-​mira tiegħek.”—1 Tim. 4:7.

17, 18. Ħu x’jistaʼ jagħmel jekk iħoss li mhuwiex tajjeb biżżejjed jew li m’għandux ix-​xewqa li jaqdi?

17 Imma xi ngħidu jekk raġel ma jkunx qed jirsisti minħabba l-​ansjetà jew għax iħoss li mhuwiex tajjeb biżżejjed? Jagħmel tajjeb li jikkunsidra kemm jagħmlu għalina Alla Ġeħova u Ġesù Kristu. Tabilħaqq, Ġeħova “kuljum iġorr it-​tagħbija għalina.” (Salm 68:19) Għalhekk, Missierna tas-​sema jistaʼ jgħin lil ħu biex jerfaʼ xi responsabbiltà fil-​kongregazzjoni. Ħu li mhuwiex jaqdi bħala qaddej ministerjali jew anzjan se jsibu wkoll taʼ benefiċċju li jqis il-​fatt li hemm ħtieġa kbira għal irġiel maturi biex jaċċettaw privileġġi taʼ servizz fl-​organizzazzjoni t’Alla. Jekk ħu jirrifletti fuq punti bħal dawn jistaʼ jiġi mqanqal biex jagħmel sforz ħalli jegħleb is-​sentimenti negattivi. Jistaʼ jitlob għall-​ispirtu qaddis, billi jżomm f’moħħu li l-​frott tiegħu jinkludi l-​paċi u r-​rażan—kwalitajiet li huma meħtiġin biex jgħinuh ma jibqax iħossu ansjuż jew li mhuwiex tajjeb biżżejjed. (Lq. 11:13; Gal. 5:22, 23) U dak li jkun jistaʼ jkun fiduċjuż li Ġeħova jbierek lil kull min jirsisti b’motiv xieraq.

18 Jistaʼ jkun li ħu mhuwiex jirsisti minħabba nuqqas taʼ motivazzjoni? X’jistaʼ jgħin lil ħu li m’għandux ix-​xewqa li jaqdi? L-​appostlu Pawlu kiteb: “[Alla], għax hekk għoġbu, qed jaħdem fikom kemm biex ikollkom ir-​rieda u kemm biex taġixxu.” (Flp. 2:13) Ix-​xewqa li wieħed jaqdi tingħata minn Alla, u l-​ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jsaħħu biex jagħti servizz sagru. (Flp. 4:13) Iktar minn hekk, Kristjan jistaʼ jitlob lil Alla biex jgħinu jagħmel dak li hu sewwa.—Salm 25:4, 5.

19. Xi jfisser li Ġeħova se jqajjem “sebaʼ rgħajja, iva, tmien duki”?

19 Ġeħova jbierek l-​isforzi li jagħmlu l-​anzjani biex iħarrġu lil ħaddieħor. Hu jbierek ukoll lill-​aħwa rġiel li jwieġbu u jirsistu għal privileġġi fil-​kongregazzjoni. L-​Iskrittura tassigurana li fost il-​poplu t’Alla se jitqajmu “sebaʼ rgħajja, iva, tmien duki”—l-​għadd meħtieġ taʼ rġiel kapaċi—biex jieħdu t-​tmexxija fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. (Mik. 5:5) X’barka hi li ħafna rġiel Kristjani qed jitħarrġu u qed jirsistu bl-​umiltà għal privileġġi taʼ servizz għat-​tifħir taʼ Ġeħova!

Int Kif Twieġeb?

• Liema huma xi modi kif Ġesù ħarreġ lid-​dixxipli tiegħu?

• L-​anzjani kif jistgħu jimitaw lil Ġesù hekk kif jgħinu lill-​irġiel fil-​kongregazzjoni biex jieħdu t-​tmexxija?

• Il-​familja taʼ ħu kif tistaʼ tgħinu jaqdi lil oħrajn fil-​kongregazzjoni?

• Il-​ħu nnifsu x’jistaʼ jagħmel biex jirsisti għal privileġġi?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 31]

Liema taħriġ tistaʼ tagħti lill-​istudent tal-​Bibbja tiegħek hekk kif jistinka biex jagħmel progress?

[Stampa f’paġna 32]

L-​irġiel kif jistgħu juru li qegħdin jirsistu?