Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Għandi Diżabilità Issa Imma mhux Għal Dejjem!”

“Għandi Diżabilità Issa Imma mhux Għal Dejjem!”

Kif Rakkontata Minn Sara van der Monde

In-​nies spiss jgħiduli, “Sara, kemm għandek tbissima ħelwa! Għala int dejjem daqstant ferħana?” Jien ngħidilhom li għandi tama speċjali. It-​tama tiegħi tistaʼ tiġi deskritta b’dan il-​kliem, “Għandi diżabilità issa imma mhux għal dejjem!”

TWILIDT fl-​1974 f’Pariġi, fi Franza. It-​twelid tiegħi kien diffiċli, u iktar tard it-​tobba qalu lill-​ġenituri tiegħi li kelli paralisi ċerebrali. Ma tantx stajt inċaqlaq riġlejja u dirgħajja, u d-​diskors tiegħi kien diffiċli biex jinftiehem. Żviluppajt ukoll l-​epilessija u faċilment kienu jaqbduni l-​infezzjonijiet.

Meta kelli sentejn, il-​familja tiegħi marret toqgħod Melbourne, l-​Awstralja. Sentejn wara, missieri abbanduna lili u lil ommi. Din kienet l-​ewwel darba li niftakar li ħassejtni qrib t’Alla. Ommi, waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, kienet tiħodni regolarment għal-​laqgħat Kristjani, fejn tgħallimt li Alla jħobbni u jieħu ħsiebi. Dan l-​għarfien, flimkien mal-​imħabba u l-​assiguranza t’ommi, għenni nħossni fis-​sigurtà minkejja ċ-​ċirkustanzi mibdulin tagħna.

Ommi għallmitni wkoll kif nitlob lil Ġeħova. Fil-​fatt, sibt li hu ħafna iktar faċli li nitlob milli nitkellem. Fit-​talb, m’għandix għalfejn nissielet biex illissen il-​kliem, imma “nisimgħu” jifforma ċar f’moħħi. U peress li d-​diskors tiegħi hu diffiċli biex jinftiehem, huwa rassiguranti li naf li Ġeħova jifhem kollox, kemm jekk nitfixkel fil-​kliem jien u ngħid it-​talb u kemm jekk ngħidu f’qalbi.—Salm 65:2.

Inkampa mal-​Problemi

Sakemm kelli ħames snin, il-​paralisi tiegħi kienet avanzat sal-​punt li kelli bżonn apparat tqil (caliper splints) biex jgħinni nimxi. Insomma, iktar kont nixxengel milli nimxi! Sakemm kelli 11-​il sena, lanqas biss stajt nimxi. Iktar tard, la stajt nidħol u lanqas noħroġ mis-​sodda mingħajr l-​għajnuna taʼ apparat elettroniku li jerfagħni għal fuq is-​siġġu tar-​roti tiegħi li jaħdem b’mutur u li nħaddmu b’idi permezz taʼ lieva.

Nammetti li kultant id-​diżabilitajiet tiegħi jqabbduni d-​dwejjaq. Imma mbagħad niftakar fil-​motto tal-​familja tagħna: “Tinkwetax dwar l-​affarijiet li ma tistax tagħmel. Imma ffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel.” Dan għenni nagħmel affarijiet bħal nirkeb iż-​żiemel, inbaħħar, immur bil-​kenura, nikkampja, u saħansitra nsuq karozza madwar korsa! Jien artistika, u għalhekk nieħu gost inpitter, inħit, nirrakkma, u nagħmel iċ-​ċeramika.

Minħabba d-​diżabilitajiet serji tiegħi, xi wħud iddubitaw mill-​abbiltà tiegħi li naqdi lil Alla bħala adulta intelliġenti. Meta kelli 18-​il sena, għalliema tal-​iskola ħeġġitni biex nitlaq mid-​dar ħalli “naħrab” mir-​reliġjon t’ommi. Saħansitra offriet li tgħinni nsib post fejn noqgħod. Madankollu, jien għedtilha li qatt ma kont se nitlaq it-​twemmin tiegħi, u li kont se nitlaq mid-​dar biss meta kont se nkun lesta li nkun iktar indipendenti.

Ftit wara li ġara dan mal-​għalliema tiegħi, tgħammidt bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Sentejn wara, mort noqgħod f’appartament żgħir. Hawnhekk ninsab ferħana għax jistaʼ jkolli kemm l-​għajnuna li għandi bżonn kif ukoll l-​indipendenza li nixtieq.

Proposta Mhix Mistennija

Matul is-​snin, iffaċċjajt provi oħrajn tal-​fidi. Darba minnhom bqajt imbellha meta student bħali—li kien ukoll diżabilitat—staqsieni biex niżżewġu. Għall-​ewwel, ħadt gost. Bħall-​biċċa l-​kbira mit-​tfajliet, nixxennaq li jkolli sieħeb fil-​ħajja. Madankollu, il-​fatt li t-​tnejn li aħna għandna diżabilità mhuwiex garanzija taʼ żwieġ hieni. Iktar minn hekk, iż-​żagħżugħ ma kienx jaqdi lil Ġeħova. It-​twemmin, l-​attivitajiet, u l-​miri tagħna kienu kompletament differenti. Allura, kif stajna ngħixu flimkien? Ukoll kont determinata li nobdi d-​direzzjoni ċara t’Alla li niżżewweġ biss lil sieħeb fit-​twemmin. (1 Kor. 7:39) Għalhekk, bil-​ħlewwa għedt liż-​żagħżugħ li ma stajtx naċċetta l-​offerta tiegħu.

Saħansitra llum, naf li għamilt l-​għażla t-​tajba. U m’għandix dubju li se nkun ferħana fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda t’Alla. (Salm 145:16; 2 Pt. 3:13) Sadanittant, jien determinata li nibqaʼ leali lejn Ġeħova u li nkun kuntenta biċ-​ċirkustanzi preżenti tiegħi.

Nixxennaq għall-​jum meta nkun nistaʼ naqbeż mis-​siġġu tar-​roti tiegħi u niġri kemm niflaħ. Imbagħad ngħajjat, “Kelli diżabilità, imma issa nbigħ is-​saħħa—għal dejjem!”