Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għin lill-Irġiel Jagħmlu Progress Spiritwali

Għin lill-Irġiel Jagħmlu Progress Spiritwali

“Minn issa ’l quddiem tibda taqbad nies ħajjin.”—LQ. 5:10.

1, 2. (a) Xi rġiel kif wieġbu għall-​ippritkar taʼ Ġesù? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

 MATUL vjaġġ taʼ ppritkar fil-​Galilija, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu telgħu fuq dgħajsa biex imorru jistrieħu f’post kwiet. Imma l-​folol xorta waħda segwewhom bil-​mixi. Kien hemm “madwar ħamest elef raġel, minbarra n-​nisa u t-​tfal żgħar.” (Mt. 14:21) Darb’oħra, folla resqet lejn Ġesù għaliex riduh ifejjaqhom u riedu jisimgħuh jgħallem. Fil-​folla kien hemm “erbat elef raġel, barra n-​nisa u t-​tfal żgħar.” (Mt. 15:38) B’mod evidenti, ħafna rġiel kienu fost in-​nies li marru għand Ġesù u wrew interess fit-​tagħlim tiegħu. Fil-​fatt, hu kien jistenna li jwieġbu ħafna oħrajn, għax wara li pprovda qabda mirakoluża taʼ ħut, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: ‘Minn issa ’l quddiem tibdew taqbdu nies ħajjin.’ (Lq. 5:10) Ġesù ried ifisser li l-​ippritkar tagħhom kien bħas-​sajd tagħhom. Hu setaʼ jgħinhom isibu bosta nies li kienu se jaċċettaw il-​verità. Dawn kellhom jinkludu ħafna rġiel.

2 Illum, xi rġiel bl-​istess mod jinteressaw ruħhom fil-​messaġġ Skritturali li nxandrulhom u jwieġbu għalih. (Mt. 5:3) Madankollu, ħafna rġiel iżommu lura u ma jagħmlux progress spiritwali. Kif nistgħu ngħinuhom? Fil-​ministeru tiegħu, Ġesù ma ppritkax lill-​irġiel b’mod differenti. Imma ried jgħinhom għaliex hemm xi sitwazzjonijiet li jinkwetaw speċjalment lilhom. F’dan l-​artiklu, se nitgħallmu kif Ġesù għen lill-​irġiel u kif aħna nistgħu nimitawh. Se nitkellmu dwar tliet sitwazzjonijiet: (1) jekk raġel ikun ansjuż dwar il-​flus, (2) jekk raġel jibżaʼ minn dak li jaħseb ħaddieħor, u (3) jekk raġel iħoss li mhux tajjeb daqs ħaddieħor.

Jekk Raġel Ikun Ansjuż Dwar il-​Flus

3, 4. (a) Ħafna rġiel x’jaħsbu li hu l-​iktar importanti? (b) Xi rġiel għala jaħsbu li l-​flus u l-​impjieg huma iktar importanti milli jaċċettaw il-​verità?

3 “Għalliem,” wieħed skriba qal lil Ġesù, “jien niġi warajk kulfejn tmur.” Madankollu, meta Ġesù qallu li “Bin il-​bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu,” l-​iskriba reġaʼ bdielu. Infatti, il-​Bibbja ma tgħidx li hu sar segwaċi taʼ Ġesù. Għalhekk, jistaʼ jkun li r-​raġel kien ansjuż dwar fejn kien se jgħix u x’se jiekol.—Mt. 8:19, 20.

4 Ħafna rġiel jaħsbu li hu iktar importanti li jkollhom flus u impjieg milli jistudjaw il-​Bibbja u jobdu dak li tgħallem. Hu iktar importanti għalihom li jiksbu lawrja fl-​università u impjieg b’paga għolja. Huma jafu li għandhom bżonn il-​flus għall-​ħajja taʼ kuljum. Għalhekk, jaħsbu li l-​flus u l-​impjieg jistgħu jkunu iktar taʼ benefiċċju għalihom milli jistudjaw il-​Bibbja u jsiru l-​ħbieb t’Alla. Forsi jogħġobhom dak li tgħallem il-​Bibbja, imma “l-​ansjetajiet taʼ din is-​sistema [u] l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi” jwaqqfuhom milli jkomplu jitgħallmu dwar Alla jew milli jobdu dak li jgħid. (Mk. 4:18, 19) Imma Ġesù għen lid-​dixxipli tiegħu jiddeċiedu x’kien l-​iktar importanti, u aħna nistgħu nimitaw l-​eżempju tiegħu.

5, 6. X’għen lil Indrì, Pietru, Ġakbu, u Ġwanni jiddeċiedu liema xogħol kien l-​iktar importanti għalihom?

5 Indrì u ħuh Xmun Pietru kienu sħab fin-​negozju tas-​sajd. Huma ħadmu maʼ Ġwanni, ħuh Ġakbu, u missierhom, Żebedew. In-​negozju tant kien sejjer tajjeb li impjegaw xi rġiel oħrajn. (Mk. 1:16-​20) L-​ewwel darba li Indrì u Ġwanni semgħu dwar Ġesù mingħand Ġwanni l-​Għammied, kienu konvinti li kienu sabu lill-​Messija. Indrì qal l-​aħbar lil ħuh Xmun Pietru, u forsi Ġwanni għamel l-​istess maʼ ħuh Ġakbu. (Ġw. 1:29, 35-​41) Fix-​xhur taʼ wara, l-​erbgħa li huma qattgħu xi ħin maʼ Ġesù hekk kif ipprietka fil-​Galilija, fil-​Lhudija, u fis-​Samarija. Imbagħad l-​erbaʼ dixxipli marru lura lejn in-​negozju tas-​sajd. Kellhom interess fl-​affarijiet spiritwali, imma l-​ministeru kien għadu ma kienx l-​iktar xogħol importanti għalihom.

6 Xi żmien wara, Ġesù stieden lil Pietru u lil Indrì biex imorru warajh u jsiru “sajjieda tal-​bnedmin.” Dawn it-​tnejn kif wieġbu? “Mill-​ewwel abbandunaw ix-​xbieki, u marru warajh.” Ġara l-​istess fil-​każ taʼ Ġakbu u Ġwanni. “Minnufih telqu d-​dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.” (Mt. 4:18-​22) X’għen lil dawn l-​irġiel biex jibdew jippritkaw full-​time? Kienet din deċiżjoni emozzjonali taʼ dak il-​ħin? Żgur li le! Matul ix-​xhur taʼ qabel, dawn l-​irġiel kienu semgħu lil Ġesù, rawh iwettaq il-​mirakli, osservaw iż-​żelu tiegħu għas-​sewwa, u raw b’għajnejhom stess li n-​nies tassew għoġobhom dak li għallem. Minħabba f’hekk, il-​fidi tagħhom f’Ġeħova u l-​fiduċja tagħhom fih issaħħew!

7. Kif nistgħu ngħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja jitgħallmu jafdaw f’Ġeħova?

7 Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù u ngħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja tagħna jitgħallmu jafdaw f’Ġeħova? (Prov. 3:5, 6) Nistgħu ngħinuhom bil-​mod kif ngħallmu. Meta ngħallmu, nistgħu nenfasizzaw il-​wegħda t’Alla li jberikna bil-​kbir jekk inpoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel. (Aqra Malakija 3:10; Mattew 6:33.) Għalkemm nistgħu nużaw diversi skritturi biex nenfasizzaw kif Ġeħova jipprovdi għan-​nies tiegħu, m’għandniex ninsew l-​effett li jħalli l-​eżempju tagħna stess. Meta lill-​istudenti tal-​Bibbja ngħidulhom kif Ġeħova għen lilna, dan jistaʼ jgħinhom jitgħallmu jafdaw fih ukoll. Nistgħu wkoll naqsmu magħhom esperjenzi inkuraġġanti li naqraw dwarhom fil-​letteratura tagħna. a

8. (a) Għala hu importanti li student tal-​Bibbja ‘jduq u jara li Ġeħova hu tajjeb’? (b) Kif nistgħu ngħinu lil student tal-​Bibbja jara li Ġeħova hu tajjeb?

8 Biex student tal-​Bibbja jkollu fidi qawwija, mhuwiex biżżejjed li jaqra u jismaʼ kif Ġeħova bierek lil oħrajn. Għandu bżonn ukoll jesperjenza t-​tjubija taʼ Ġeħova personalment. Is-​salmista għanna: “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb; hieni r-​raġel b’saħħtu li jistkenn fih.” (Salm 34:8) Kif nistgħu ngħinu lill-​istudent jara li Ġeħova hu tajjeb? Ejja ngħidu li student li għandu inkwiet finanzjarju qed jipprova jegħleb ukoll xi vizzju, bħat-​tipjip, il-​logħob tal-​flus, jew ix-​xorb żejjed. (Prov. 23:20, 21; 2 Kor. 7:1; 1 Tim. 6:10) Nistgħu ngħallmuh jitlob lil Alla għall-​għajnuna biex jaqtaʼ l-​vizzju tiegħu. Meta ħajtu tmur għall-​aħjar, hu se jara li Ġeħova hu tajjeb. Imbagħad nistgħu ninkuraġġuh biex iqiegħed il-​qima taʼ Ġeħova l-​ewwel f’ħajtu. Nistgħu ngħallmuh li għandu bżonn jistudja l-​Bibbja kull ġimgħa u jipprepara għal-​laqgħat u jattendihom. U meta l-​istudent jara li Ġeħova qed ibierek l-​isforzi tiegħu, il-​fidi tiegħu se tkun iktar b’saħħitha, u se jkun inqas ansjuż dwar affarijiet oħrajn, bħall-​flus.

Jekk Raġel Jibżaʼ Minn Dak li Jaħseb Ħaddieħor

9, 10. (a) Nikodemu u Ġużeppi minn Arimatija, għala ma qalux lil oħrajn li kienu dixxipli taʼ Ġesù? (b) Xi rġiel illum għala jibżgħu jkunu segwaċi taʼ Kristu?

9 Xi rġiel jinkwetaw dwar dak li forsi jaħsbu nies oħrajn dwarhom, u għalhekk ma jsirux segwaċi taʼ Ġesù. Pereżempju, Nikodemu u Ġużeppi minn Arimatija ma qalux lil nies oħrajn li kienu dixxipli taʼ Ġesù, għax kienu jibżgħu minn dak li jagħmlu jew jgħidu Lhud oħrajn. (Ġw. 3:1, 2; 19:38) Kien hemm raġuni għala kienu qed jibżgħu. Il-​mexxejja reliġjużi tant kienu jobogħduh lil Ġesù li kull min kien jemmen fih kien jitkeċċa mis-​sinagoga.—Ġw. 9:22.

10 Illum, f’xi postijiet, jekk raġel jinteressa ruħu ħafna f’Alla, fil-​Bibbja, jew fir-​reliġjon, għandu mnejn jiġi kritikat minn sħabu fuq ix-​xogħol, minn ħbiebu, jew minn qrabatu. F’postijiet oħrajn, jistaʼ jkun saħansitra perikoluż li jitkellem dwar li jbiddel ir-​reliġjon tiegħu. Il-​pressjoni minn dawk taʼ madwaru tistaʼ tkun speċjalment diffiċli meta raġel ikun qed jaqdi fil-​militar, fil-​politika, jew fil-​komunità lokali. Pereżempju, raġel fil-​Ġermanja ammetta: “Dak li tippritkaw intom ix-​Xhieda dwar il-​Bibbja hu minnu. Imma kieku kelli nsir Xhud illum, s’għada kulħadd isir jaf. X’se jaħsbu dawk tax-​xogħol, il-​ġirien, u dawk li jafu lili u lil familti? Kieku dan ma nkunx nifilħu.”

11. Ġesù kif għen lid-​dixxipli tiegħu biex ikampaw mal-​biżaʼ mill-​bniedem?

11 Għalkemm ħadd mill-​appostli taʼ Ġesù ma kien beżżiegħ, kollha tqabdu mal-​biżaʼ mill-​bniedem. (Mk. 14:50, 66-​72) Ġesù kif għenhom jagħmlu progress minkejja l-​pressjoni qawwija minn dawk taʼ madwarhom? Ġesù pprepara lid-​dixxipli tiegħu għall-​oppożizzjoni li kienu se jiffaċċjaw iktar tard. “Henjin intom kulmeta n-​nies jobogħdukom,” qal hu, “u kulmeta jwarrbukom u jmaqdrukom u jarmu isimkom bħala xi ħaġa ħażina minħabba Bin il-​bniedem.” (Lq. 6:22) Ġesù wissa lis-​segwaċi tiegħu li kellhom jistennew it-​tmaqdir. Kwalunkwe tmaqdir kien “minħabba Bin il-​bniedem.” Ġesù assigurahom ukoll li Alla kien se jappoġġahom dment li jistrieħu Fuqu għall-​għajnuna u s-​saħħa. (Lq. 12:4-​12) Iktar minn hekk, Ġesù stieden lil dawk li bdew isegwuh biex jassoċjaw mad-​dixxipli tiegħu u jkunu ħbiebhom.—Mk. 10:29, 30.

12. B’liema modi nistgħu ngħinu lil uħud ġodda jegħlbu l-​biżaʼ mill-​bniedem?

12 Aħna wkoll għandna bżonn ngħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja biex ma jibżgħux minn dak li oħrajn jistgħu jaħsbu dwarhom. Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan hu billi ngħinu lil student ikun jaf x’għandu jagħmel meta jopponuh in-​nies. (Ġw. 15:19) Pereżempju, sħabu fuq ix-​xogħol u oħrajn għandhom mnejn ma jaqblux mat-​twemmin ġdid tiegħu, jew forsi jkollhom xi mistoqsijiet dwar dak li jemmen. Nistgħu ngħinuh jipprepara tweġibiet sempliċi mill-​Bibbja. Nistgħu nkunu ħbiebu, u nistgħu nintroduċuh m’oħrajn fil-​kongregazzjoni, speċjalment maʼ dawk li forsi hu għandu xi ħaġa inkomuni magħhom. Fuq kollox, għandna ngħallmuh jitlob regolarment u mill-​qalb. Dan jistaʼ jgħinu jersaq qrib lejn Alla u jagħmel lil Ġeħova l-​Kenn u l-​Blata tiegħu.—Aqra Salm 94:21-​23; Ġakbu 4:8.

Jekk Raġel Iħoss li Mhux Tajjeb Daqs Ħaddieħor

13. Jekk ħu jaħseb li mhux tajjeb daqs ħaddieħor, dan kif jistaʼ jżommu lura milli jinvolvi ruħu f’attivitajiet spiritwali?

13 Ċerti rġiel iżommu lura milli jinvolvu ruħhom f’attivitajiet spiritwali għax ma jaqrawx sew jew għax ma jistgħux jesprimu ruħhom b’mod fluwenti jew sempliċement għax jistħu. Xi rġiel ma jħossuhomx komdi jitkellmu dwar it-​twemmin tagħhom quddiem nies oħrajn. Għalhekk, hu diffiċli ħafna għalihom biex jistudjaw, jikkummentaw fil-​laqgħat, jew jippritkaw lil oħrajn. “Meta kont żagħżugħ,” jammetti ħu Kristjan, “kont nersaq malajr lejn il-​bieb, taparsi nċempel il-​qanpiena, u nitlaq ’l hemm inkiss inkiss bit-​tama li ħadd ma jismagħni jew jarani. . . . Bil-​ħsieb biss li mmur minn bieb għal bieb ma kontx inħossni f’sikkti.”

14. Id-​dixxipli taʼ Ġesù għala ma setgħux ifejqu lil tifel maħkum minn demonju?

14 Aħseb dwar in-​nuqqas taʼ fiduċja li d-​dixxipli taʼ Ġesù żgur li esperjenzaw meta ma setgħux ifejqu lil tifel maħkum minn demonju. Missier it-​tifel resaq lejn Ġesù u qallu: “[Ibni] hu epilettiku u marid, u sikwit jaqaʼ fin-​nar u fl-​ilma; u ġibtu għand id-​dixxipli tiegħek, imma ma setgħux ifejquh.” Ġesù keċċa lid-​demonju, u b’hekk fejjaq lit-​tifel. Iktar tard, id-​dixxipli resqu lejn Ġesù u staqsewh: “Għala ma stajniex inkeċċuh?” Ġesù wiġibhom: “Minħabba l-​fidi żgħira tagħkom. Għax tassew ngħidilkom, Jekk ikollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-​mustarda, tgħidu lil din il-​muntanja, ‘Inqalaʼ minn hawn u mur hemm,’ u din tmur, u xejn ma jkun impossibbli għalikom.” (Mt. 17:14-​20) Individwu li jkollu l-​fidi f’Ġeħova se jkun jistaʼ jagħmel affarijiet li jistgħu jidhru impossibbli. Imma jekk jafda fl-​abbiltajiet tiegħu stess, mhux se jirnexxi, u mbagħad jistaʼ jħoss li mhuwiex tajjeb biżżejjed biex jaqdi lil Ġeħova.

15, 16. Kif nistgħu ngħinu lil student tal-​Bibbja li jħoss li ma jistax jaqdi lil Ġeħova b’mod tajjeb daqs ħaddieħor?

15 Jekk student tal-​Bibbja jħoss li ma jistax jaqdi lil Ġeħova b’mod tajjeb daqs ħaddieħor, aħna nistgħu ninkuraġġuh biex ma jaħsibx dwar l-​abbiltajiet tiegħu stess imma biex ikollu l-​fidi li Ġeħova se jgħinu. Pietru kiteb: “Umiljaw ruħkom taħt l-​id setgħana t’Alla, sabiex jeżaltakom fiż-​żmien xieraq; waqt li titfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuqu.” (1 Pt. 5:6, 7) Għandna bżonn ngħinu lil student biex iħobb lil Ġeħova u sabiex ikollu xewqa li jiġi gwidat minnu. Dan ifisser li jrid iħobb dak li jitgħallem mill-​Bibbja u juri “l-​frott taʼ l-​ispirtu” f’ħajtu. (Gal. 5:22, 23) It-​talb għandu jkun importanti ħafna għalih. (Flp. 4:6, 7) U għandu jifhem li huwa Alla li se jagħtih il-​kuraġġ u s-​saħħa biex jagħmel dak li Hu jitlob minnu. —Aqra t-2 Timotju 1:7, 8.

16 Xi studenti forsi jkollhom bżonn l-​għajnuna biex itejbu l-​abbiltajiet tagħhom fil-​qari u fil-​mod kif jitkellmu. Oħrajn forsi ma jħossuhomx denji li jaqdu lil Alla minħabba l-​għemejjel ħżiena li wettqu qabel ma saru jafu lil Ġeħova. Fiż-​żewġ każijiet, aħna nistgħu ngħinu lil student billi nuruh l-​imħabba u nkunu paċenzjużi miegħu. “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib,” qal Ġesù, “imma l-​morda iva.”—Mt. 9:12.

Għin lil Iktar Irġiel Jitgħallmu Dwar Ġeħova

17, 18. (a) Kif nistgħu nitkellmu maʼ iktar irġiel fil-​ministeru tagħna? (b) X’se nistudjaw fl-​artiklu li jmiss?

17 Hi x-​xewqa tagħna li ħafna iktar irġiel jaċċettaw il-​messaġġ li jistaʼ jagħmel lin-​nies tassew henjin u li jinsab biss fil-​Bibbja. (2 Tim. 3:16, 17) Kif nistgħu nsibu iktar irġiel fil-​ministeru tagħna? Billi nqattgħu iktar ħin fl-​għoti taʼ xhieda filgħaxija, waranofsinhar fi tmiem il-​ġimgħa, jew fil-​festi meta iktar irġiel ikunu d-​dar. Jekk inhu possibbli, nistgħu nistaqsu biex nitkellmu mar-​raġel tad-​dar. Meta jkun xieraq, nistgħu nagħtu xhieda lil sħabna rġiel fuq ix-​xogħol. Xi aħwa nisa fil-​kongregazzjoni huma miżżewġin lil irġiel li mhumiex Xhieda, u nistgħu nipprovaw ngħinu lil dawn l-​irġiel biex juru interess fil-​verità.

18 Hekk kif nippritkaw lil kull min niltaqgħu miegħu, nistgħu nkunu fiduċjużi li dawk li qed ifittxu l-​verità se jwieġbu favorevolment. Ejja ngħinu bil-​paċenzja lil dawk kollha li juru interess sinċier fil-​verità. Iżda, kif nistgħu ngħinu lil irġiel mgħammdin fil-​kongregazzjoni biex jirsistu u jikkwalifikaw għal responsabbiltà fl-​organizzazzjoni t’Alla? L-​artiklu li jmiss se jwieġeb din il-​mistoqsija.

[Nota taʼ taħt]

a Ara Yearbooks of Jehovah’s Witnesses kif ukoll bijografiji pubblikati fit-​Torri tal-​Għassa u fi Stenbaħ!

Int Kif Twieġeb?

• Kif nistgħu ngħinu lill-​irġiel biex jiddeċiedu dak li hu l-​iktar importanti fil-​ħajja?

• Kif nistgħu ngħinu lil uħud ġodda biex ikampaw mal-​pressjoni minn dawk taʼ madwarhom?

• Kif nistgħu ngħinu lil xi ħadd li jħoss li ma jistax jaqdi lil Ġeħova b’mod tajjeb daqs ħaddieħor?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 25]

Toħloq int opportunitajiet biex titkellem maʼ rġiel dwar l-​aħbar tajba?

[Stampa f’paġna 26]

Kif tistaʼ tipprepara lill-​istudent tal-​Bibbja tiegħek biex jiffaċċja l-​provi?