Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Huwa possibbli li tiddetermina l-​ħin eżatt tal-​ġurnata li fih Ġesù Kristu ġie msammar maʼ zokk?

Din il-​mistoqsija tqum għax jidher li hemm nuqqas taʼ qbil bejn ir-​rakkont ispirat tal-​mewt taʼ Ġesù li kitbu Marku, wieħed mill-​kittieba tal-​Evanġelji, u dak li kiteb l-​appostlu Ġwanni. Marku jgħid: “Issa kienet it-​tielet siegħa meta [s-​suldati] sammruh maʼ zokk.” (Mk. 15:25) Skont Ġwanni, kien “madwar is-​sitt siegħa” meta Pilatu ta lil Ġesù f’idejn il-​Lhud biex isammruh maʼ zokk. (Ġw. 19:14-​16) Xi kummentaturi tal-​Bibbja taw diversi spjegazzjonijiet biex jipprovaw isolvu din li donnha hi kontradizzjoni. Madankollu, m’hemmx biżżejjed informazzjoni fl-​Iskrittura biex tispjega d-​differenza bejn iż-​żewġ rakkonti. Xorta waħda, jistaʼ jkun t’għajnuna jekk nikkunsidraw kif in-​nies kienu jqisu l-​ħin lura dak iż-​żmien.

Fl-​ewwel seklu tal-​Era Komuni tagħna, il-​Lhud kienu jaqsmu d-​dawl tal-​jum fi 12-​il siegħa, u kienu jibdew jgħoddu minn tlugħ ix-​xemx. (Ġw. 11:9) Għaldaqstant, “it-​tielet siegħa” kienet mit-​tmienja sad-​disgħa taʼ filgħodu u s-​“sitt siegħa” kienet mill-​ħdax taʼ filgħodu sa madwar nofsinhar. M’għandniex xi ngħidu, ix-​xemx kienet titlaʼ u tinżel f’ħinijiet differenti matul is-​sena. Għalhekk, it-​tul tal-​perijodu tad-​dawl tal-​ġurnata kien ivarja, skont l-​istaġun. Iktar minn hekk, dak li jkun setaʼ jiddetermina l-​ħin tal-​ġurnata billi josserva l-​pożizzjoni tax-​xemx. Minħabba f’hekk, ir-​referenzi għall-​ħin kienu bejn wieħed u ieħor. L-​Iskrittura Griega Kristjana ġeneralment tirreferi għal ġrajjiet bħala li jseħħu fit-​tielet, fis-​sitt, jew fid-​disaʼ siegħa—u dan spiss ifisser li jkunu seħħew madwar dak il-​ħin. (Mt. 20:3, 5; Atti 10:3, 9, 30) Referenza iktar speċifika, bħas-​“sebaʼ siegħa,” kienet issir biss meta l-​ħin kien essenzjali għall-​iżvilupp tar-​rakkont li jkun qed jiġi rakkontat.—Ġw. 4:52.

Ir-​rakkonti tal-​Evanġelju jaqblu rigward il-​ħin tal-​ġrajjiet matul l-​aħħar jum taʼ Ġesù fuq l-​art. L-​erbgħa li huma jindikaw li l-​qassisin u x-​xjuħ iltaqgħu wara s-​sebħ, u mbagħad ħaduh għand il-​Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu. (Mt. 27:1; Mk. 15:1; Lq. 22:66; Ġw. 18:28) Mattew, Marku, u Luqa kollha jirrapportaw li mis-​sitt siegħa, meta Ġesù diġà kien fuq iz-​zokk, waqgħet dalma fuq l-​art “sad-​disaʼ siegħa.”—Mt. 27:45, 46; Mk. 15:33, 34; Lq. 23:44.

Aspett sinifikanti li jistaʼ jkollu effett fuq il-​ħin meta Ġesù ġie msammar maʼ zokk hu dan: Il-​flaġell jew is-​swat kien meqjus bħala parti mill-​proċess tat-​tismir maʼ zokk. Kultant il-​vittma kienet tmut waqt il-​flaġell tant kemm kien ikun aħrax. Fil-​każ taʼ Ġesù, bilfors li l-​flaġell kien aħrax biżżejjed biex ikun neċessarju li raġel ieħor iġorr iz-​zokk tat-​tortura wara li Ġesù beda jġorru waħdu. (Lq. 23:26; Ġw. 19:17) Jekk il-​flaġell kien meqjus bħala l-​bidu tal-​proċedura tat-​tismir maʼ zokk, kellu jgħaddi ftit tal-​ħin qabel ma Ġesù jiġi msammar maz-​zokk tat-​tortura. Għalhekk, individwi differenti għandhom mnejn jagħtu ħinijiet differenti għat-​tismir maʼ zokk, skont f’liema fażi tal-​proċess huma personalment innotaw il-​ħin.

L-​appostlu Ġwanni kiteb ir-​rakkont tiegħu għaxriet taʼ snin wara l-​kittieba l-​oħrajn tal-​Evanġelju. Għalhekk, hu kellu aċċess għar-​rakkonti tagħhom. Huwa minnu li Ġwanni inkluda ħin li donnu jvarja minn dak li kiteb Marku. Madankollu, dan jagħti evidenza ċara li Ġwanni ma qabadx u sempliċement ikkopja r-​rakkont taʼ Marku. Kemm Ġwanni kif ukoll Marku kienu mnebbħin minn Alla. Għalkemm m’għandniex biżżejjed informazzjoni Skritturali disponibbli biex nispjegaw id-​differenza, nistgħu nafdaw ir-​rakkonti tal-​Evanġelju.