Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Residenti Temporanji” f’Dinja mill-Agħar

“Residenti Temporanji” f’Dinja mill-Agħar

‘Dawn kollha bil-​fidi stqarrew pubblikament li kienu stranġieri u residenti temporanji f’dik l-​art.’—EBR. 11:13.

1. Ġesù x’qal dwar il-​Kristjani veri u din id-​dinja?

 ĠESÙ qal dan dwar id-​dixxipli tiegħu: “Qegħdin fid-​dinja.” Imma qal ukoll: “M’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja.” (Ġw. 17:11, 14) Kliemu juri b’mod ċar kif il-​Kristjani veri għandhom iqisu din id-​dinja. Satana hu l-​alla taʼ “din is-​sistema,” jew dinja. (2 Kor. 4:4) Għalkemm il-​Kristjani jgħixu fid-​dinja, mhumiex parti minnha. Huwa għalhekk li l-​Bibbja tgħid li l-​Kristjani huma bħal “barranin,” jew stranġieri. Huma “residenti temporanji” f’din id-​dinja.—1 Pt. 2:11.

Għexu Bħala “Residenti Temporanji”

2, 3. Għala jistaʼ jingħad li Enok, Noè, u Abraham u Sara kienu jgħixu bħala “stranġieri u residenti temporanji”?

2 Il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova minn dejjem kienu differenti min-​nies tad-​dinja. Qabel id-​Dilluvju, Enok u Noè ‘mxew maʼ l-​Alla l-​veru.’ (Ġen. 5:22-​24; 6:9) It-​tnejn li huma kienu predikaturi kuraġġużi tal-​ġudizzji taʼ Ġeħova kontra d-​dinja mill-​agħar taʼ Satana. (Aqra t-2 Pietru 2:5; Ġuda 14, 15.) Huma għamlu s-​sewwa avolja n-​nies taʼ madwarhom kienu mill-​agħar. Għalhekk, naqraw li Enok “għoġob sew lil Alla” u li Noè “kien bla nuqqas fost in-​nies taʼ żmienu.”—Ebr. 11:5; Ġen. 6:9.

3 Nistgħu nitgħallmu wkoll mill-​eżempju t’Abraham u Sara. Huma obdew lil Alla meta staqsiehom biex jitilqu d-​dar komda tagħhom fil-​belt t’Ur tal-​Kaldin. Kienu lesti li jgħixu mingħajr dar f’art barranija. (Ġen. 11:27, 28; 12:1) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Bil-​fidi Abraham, meta kien imsejjaħ, obda u mar f’post li kellu jirċivih bħala wirt; u mar, għalkemm ma kienx jaf fejn kien sejjer. Bil-​fidi għex bħala barrani fl-​art tal-​wegħda bħallikieku f’art barranija, u għex fit-​tined maʼ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu taʼ l-​istess wegħda.” (Ebr. 11:8, 9) Rigward qaddejja leali taʼ Ġeħova bħal dawn, Pawlu qal: “Dawn kollha mietu waqt li żammew il-​fidi, għalkemm ma qalgħux it-​twettiq tal-​wegħdi, imma rawhom mill-​bogħod u laqgħuhom u stqarrew pubblikament li kienu stranġieri u residenti temporanji f’dik l-​art.”—Ebr. 11:13.

Twissija lill-​Iżraelin

4. Ġeħova liema twissija ta lill-​Iżraelin qabel ma tahom l-​art tagħhom?

4 Abraham kellu ħafna dixxendenti, u Alla organizzahom fil-​ġens taʼ Iżrael u tahom liġijiet u art. (Ġen. 48:4; Dt. 6:1) In-​nies taʼ Iżrael kellhom jiftakru li l-​art ma kinitx tagħhom imma taʼ Ġeħova. (Lev. 25:23) Għalkemm użaw l-​art, kellhom jobdu r-​regoli taʼ Ġeħova. Ukoll, l-​Iżraelin kellhom jiftakru li “mhux bil-​ħobż biss jgħix il-​bniedem,” u li l-​affarijiet tajbin kollha tagħhom kienu ġejjin mingħand Ġeħova. (Dt. 8:1-​3) Huwa għalhekk li qabel ma Ġeħova tahom l-​art tagħhom, hu wissiehom: “Irid iseħħ li meta Ġeħova Alla tiegħek idaħħlek fl-​art li ħalef lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb li jagħtihielek, bliet kbar u sbieħ li ma bnejtx int, djar mimlijin bl-​affarijiet tajbin kollha li ma mlejtx int, ġwiebi mħaffrin li ma ħaffirtx int, u għelieqi bid-​dwieli u siġar taż-​żebbuġ li ma ħawwiltx int, u tkun kilt u xbajt, oqgħod attent li ma tinsiex lil Ġeħova.”—Dt. 6:10-​12.

5. Ġeħova għala ċaħad lil Iżrael, u lil liema ġens ġdid ta l-​approvazzjoni tiegħu?

5 Din it-​twissija ma kinitx bla raġuni. Fi żmien Neħemija, grupp taʼ Leviti bil-​mistħija ftakru f’dak li seħħ wara li l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda. Wara li n-​nies taʼ Iżrael kellhom djar komdi u abbundanza taʼ ikel u nbid, “bdew jieklu u jixbgħu u jeħxienu.” Huma rribellaw kontra Alla, u saħansitra qatlu lill-​profeti li bagħat biex iwissihom. Għalhekk, Ġeħova ħalla lill-​għedewwa tagħhom jaħkmu fuqhom. (Aqra Neħemija 9:25-​27; Ħos. 13:6-​9) Iktar tard, meta r-​Rumani ħakmu fuq Iżrael, l-​Iżraelin saħansitra qatlu lill-​Messija mwiegħed! Ġeħova ċaħadhom u ta l-​approvazzjoni tiegħu lil ġens ġdid, Iżrael spiritwali.—Mt. 21:43; Atti 7:51, 52; Gal. 6:16.

Ebda “Parti mid-​Dinja”

6, 7. (a) Kif tispjega dak li qal Ġesù dwar is-​segwaċi tiegħu u din id-​dinja? (b) Skont Pietru, il-​Kristjani veri għala kellhom ikomplu ma jkunux parti mid-​dinja?

6 Bħalma ntwera qabel f’dan l-​artiklu, il-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana, Ġesù Kristu, għamilha ċara li s-​segwaċi tiegħu kienu se jkunu separati mid-​dinja, is-​sistema mill-​agħar taʼ Satana. Ftit qabel mewtu, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Kieku kontu parti mid-​dinja, id-​dinja kienet tkun ferħana b’dak li hu tagħha. Issa għax m’intomx parti mid-​dinja, imma għażiltkom mid-​dinja, minħabba f’hekk tobgħodkom id-​dinja.”—Ġw. 15:19.

7 Wara xi żmien, il-​Kristjani kienu qed jgħixu f’bosta postijiet madwar id-​dinja fejn kienu jaħkmu r-​Rumani. Il-​Kristjani kellhom ikomplu ma jkunux parti mid-​dinja. Kellhom jiċħdu l-​mod taʼ ħajja tan-​nies taʼ madwarhom. Kull fejn kienu jgħixu, kellhom ikunu differenti. Madwar 30 sena wara l-​mewt taʼ Ġesù, l-​appostlu Pietru kiteb lill-​ewwel Kristjani: “Maħbubin, bħala barranin u residenti temporanji, inħeġġiġkom biex tibqgħu titbiegħdu mix-​xewqat tal-​laħam, għax huma dawn li jitqabdu kontra r-​ruħ. Żommu kondotta tajba fost il-​ġnus.”—1 Pt. 1:1; 2:11, 12.

8. X’qal wieħed kittieb tal-​istorja li juri li l-​Kristjani tal-​bidu ma kinux parti mid-​dinja?

8 Il-​Kristjani kienu jgħixu bħala “stranġieri u residenti temporanji” fid-​dinja Rumana taʼ żmienhom. Wieħed kittieb tal-​istorja kiteb li huma esperjenzaw persekuzzjoni ħarxa u li dan kien jiġri spiss. Hu qal li ġew akkużati li ma kinux jemmnu f’Alla għax ma kinux jieħdu sehem f’ċerimonji reliġjużi foloz. Kienu jissejħu “wħud li jobogħdu r-​razza umana” għax ma kinux jingħaqdu man-​nies taʼ madwarhom f’divertiment u festi li kienu miżgħudin bil-​qima falza u l-​immoralità sesswali.

Ma Nużawx id-​Dinja bis-​Sħiħ

9. Bħala Kristjani veri, kif nuru li m’aħniex “uħud li jobogħdu r-​razza umana”?

9 Bħall-​Kristjani tal-​bidu, aħna wkoll m’aħniex parti “minn din is-​sistema mill-​agħar.” (Gal. 1:4) Minħabba f’hekk, ħafna jifhmuna ħażin u xi wħud saħansitra jobogħduna. Madankollu, aħna ċertament li m’aħniex “uħud li jobogħdu r-​razza umana.” Sforz l-​imħabba għal sħabna l-​bnedmin, aħna mmorru minn dar għal dar u nagħmlu kull sforz biex nikkuntattjaw lil kull inkwilin bl-​“aħbar tajba tas-​saltna” t’Alla. (Mt. 22:39; 24:14) Dan nagħmluh għax aħna konvinti li l-​gvern tas-​Saltna taʼ Ġeħova taħt Kristu dalwaqt se jtemm il-​ħakma umana imperfetta, u minflokha se jkun hawn sistema ġdida taʼ ġustizzja.—Dan. 2:44; 2 Pt. 3:13.

10, 11. (a) Kif nużawha d-​dinja? (b) Il-​Kristjani b’liema modi ma jużawx id-​dinja bis-​sħiħ?

10 Minħabba li d-​dinja taʼ Satana dalwaqt se tispiċċa, aħna nafu li issa mhuwiex iż-​żmien li nipprovaw ngħixu ħajja komda. Aħna nagħtu widen għall-​kliem tal-​appostlu Pawlu: “Dan ngħidilkom, ħuti, iż-​żmien li fadal tqassar. Minn issa ’l quddiem, . . . dawk li jixtru [ħa jkunu] bħal dawk li m’għandhomx, u dawk li jużaw id-​dinja bħal dawk li ma jużawhiex bis-​sħiħ; għax ix-​xena taʼ din id-​dinja qed tinbidel.” (1 Kor. 7:29-​31) Imma llum kif nużawha d-​dinja? Dan nagħmluh billi nużaw it-​teknoloġija moderna u l-​mezzi taʼ komunikazzjoni biex inxerrdu l-​għarfien tal-​Bibbja mad-​dinja kollha b’mijiet taʼ lingwi. Nużaw id-​dinja sa ċertu punt biex naqilgħu l-​għajxien. Nixtru prodotti u servizzi neċessarji li huma disponibbli fid-​dinja. Imma ma nużawx id-​dinja bis-​sħiħ. Dan ifisser li l-​flus, l-​affarijiet li għandna, u l-​impjieg tagħna mhumiex l-​iktar affarijiet importanti f’ħajjitna.—Aqra l-1 Timotju 6:9, 10.

11 Mod ieħor kif il-​Kristjani ma jużawx id-​dinja bis-​sħiħ hu billi ma jagħtux importanza żejda lill-​edukazzjoni li toffri din id-​dinja. Ħafna nies f’din id-​dinja jaħsbu li individwu jrid imur l-​università, isib xogħol tajjeb, u jaqlaʼ ħafna flus. Imma bħala residenti temporanji, aħna ma naħsbuhiex bħalhom. Ma nħabirkux biex niksbu “affarijiet taʼ kburija,” jiġifieri, l-​affarijiet li kieku jagħmluna importanti f’din id-​dinja. (Rum. 12:16; Ġer. 45:5) Aħna nobdu t-​twissija li tana Ġesù: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xenqa b’għira, għax anki meta wieħed ikollu bl-​abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Lq. 12:15) Għalhekk, il-​Kristjani żgħażagħ għandhom jiftakru li l-​iktar ħaġa importanti hi li jaqdu lil Ġeħova. Għandhom jieħdu biżżejjed edukazzjoni biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet bażiċi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova b’qalbhom, b’ruħhom, b’saħħithom, u b’moħħhom kollu. (Lq. 10:27) Jekk jagħmlu dan, jistgħu jsiru ‘għonja m’Alla.’—Lq. 12:21; aqra Mattew 6:19-​21.

Tkunx Ansjuż Dwar l-​Affarijiet Materjali

12, 13. Il-​fatt li nobdu l-​kliem taʼ Ġesù f’Mattew 6:31-​33, għala jagħmilna differenti min-​nies fid-​dinja?

12 Il-​qaddejja taʼ Ġeħova huma differenti min-​nies tad-​dinja fl-​attitudni tagħhom lejn l-​affarijiet materjali. F’dan ir-​rigward, Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-​affarijiet li l-​ġnus qed ifittxu bil-​ħerqa. Għax Missierkom tas-​sema jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet kollha. Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mt. 6:31-​33) Mill-​esperjenza persunali, ħafna minn sħabna fit-​twemmin sabu li Missierna tas-​sema jipprovdilhom l-​affarijiet li għandhom bżonn.

13 Huwa tajjeb li nkunu kuntenti b’dak li għandna. (1 Tim. 6:6) Dan hu l-​oppost taʼ kif jaħsbuha n-​nies fid-​dinja. Pereżempju, meta ż-​żgħażagħ jiżżewġu, ħafna minnhom ikunu jridu kollox mill-​ewwel. Iridu dar jew appartament, għamara, karozza sabiħa, u apparat elettroniku ġdid. Imma l-​Kristjani li jgħixu bħala residenti temporanji jikkontrollaw ix-​xewqat tagħhom, u ma jixtrux iktar milli jifilħu. Nieħdu gost naraw li ħafna ma jaħlux il-​ħin u l-​flus jixtru dawn l-​affarijiet kollha ħalli jkunu jistgħu jużaw iktar ħin u enerġija fis-​servizz taʼ Ġeħova. Xi wħud jistgħu jaqdu bħala pijunieri, f’Betel, fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar, jew bħala missjunarji. Aħna grati għax-​xogħol li jagħmlu ħutna hekk kif jaqdu lil Ġeħova b’qalbhom kollha.

14. X’nistgħu nitgħallmu minn waħda mill-​parabboli taʼ Ġesù?

14 F’waħda mill-​parabboli tiegħu, Ġesù qal li “l-​ansjetà taʼ din is-​sistema u l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi” jistgħu jġegħluna nnaqqsu l-​pass fis-​servizz tagħna lil Alla. (Mt. 13:22) Dan mhuwiex se jiġri jekk aħna kuntenti ngħixu bħala residenti temporanji f’din id-​dinja. Se nżommu għajna “sempliċi” billi niffokaw l-​attenzjoni tagħna kollha kemm hi fuq li naqdu lil Alla u billi nżommu s-​Saltna tiegħu l-​ewwel f’ħajjitna.—Mt. 6:22.

‘Id-​Dinja Qed Tgħaddi’

15. Ġwanni x’qal dwar din id-​dinja?

15 Raġuni importanti għala l-​Kristjani veri jgħixu bħala “barranin u residenti temporanji” hi għax jemmnu li d-​dinja taʼ Satana se tintemm dalwaqt. (1 Pt. 2:11; 2 Pt. 3:7) Din il-​ħarsa teffettwa l-​għażliet tagħna fil-​ħajja, ix-​xewqat tagħna, u l-​miri tagħna. L-​appostlu Ġwanni wissa lil sħabu fit-​twemmin biex ma jħobbux id-​dinja jew l-​affarijiet fid-​dinja għax “id-​dinja [qed] tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġw. 2:15-​17.

16. Kif nistgħu nuru li aħna ġejna mwarrbin bħala poplu differenti?

16 L-​Iżraelin intqalilhom li jekk jobdu lil Ġeħova kienu se jsiru ‘l-​proprjetà speċjali tiegħu mill-​popli l-​oħrajn kollha.’ (Eżo. 19:5) Meta kien leali, Iżrael kien differenti mill-​ġnus l-​oħrajn kollha fil-​qima u fil-​mod taʼ ħajja. B’mod simili llum, Ġeħova warrab għalih innifsu poplu li hu differenti ferm mid-​dinja taʼ Satana. Jintqalilna: ‘Warrbu dak kollu li hu kontra r-​rieda t’Alla u x-​xewqat tad-​dinja u għixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-​sistema. Dan nagħmluh waqt li nistennew it-​tama hienja u l-​manifestazzjoni glorjuża tal-​kbir Alla u taʼ Kristu Ġesù, is-​Salvatur tagħna, li ta lilu nnifsu għalina biex jeħlisna minn kull xorta taʼ ħażen u jnaddaf għalih innifsu poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.’ (Titu 2:11-​14) Dan il-​“poplu” hu magħmul minn Kristjani midlukin u miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù, li jgħinuhom u jappoġġawhom.—Ġw. 10:16.

17. Il-​midlukin u n-​nagħaġ l-​oħrajn, għala qatt ma se jiddispjaċihom li jkunu għexu bħala residenti temporanji f’din id-​dinja mill-​agħar?

17 “It-​tama hienja” tal-​midlukin hi dik li jsaltnu maʼ Kristu fis-​sema. (Riv. 5:10) Meta t-​tama taʼ ħajja eterna fuq l-​art titwettaq għan-​nagħaġ l-​oħrajn, mhux se jkunu iktar residenti temporanji f’dinja mill-​agħar. Se jkollhom djar mill-​isbaħ u abbundanza taʼ ikel u xorb. (Salm 37:10, 11; Is. 25:6; 65:21, 22) Kuntrarju għall-​Iżraelin, qatt ma se jinsew li dan kollu ġej mingħand Ġeħova, “l-​Alla taʼ l-​art kollha.” (Is. 54:5) La l-​midlukin u lanqas in-​nagħaġ l-​oħrajn ma se jiddispjaċihom li jkunu għexu bħala residenti temporanji f’din id-​dinja mill-​agħar.

Int Kif Twieġeb?

• Irġiel leali tal-​qedem b’liema mod kienu jgħixu bħala residenti temporanji?

• Il-​Kristjani tal-​bidu kif kienu jgħixu fid-​dinja taʼ żmienhom?

• Il-​Kristjani veri kif ma jużawx id-​dinja bis-​sħiħ?

• Għala qatt ma se jiddispjaċina li nkunu għexna bħala residenti temporanji f’din id-​dinja mill-​agħar?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 18]

Il-​Kristjani tal-​bidu ma kinux jieħdu sehem f’divertiment vjolenti u immorali