Sabiex Ikollok il-Ħajja u l-Paċi, Imxi Skont l-Ispirtu
‘Imxi skond l-ispirtu u mhux skond il-laħam.’—RUM. 8:4.
1, 2. (a) Għala hu perikoluż li tiġi aljenat waqt li qed issuq? (b) Għala hu perikoluż li niġu aljenati spiritwalment?
UFFIĊJAL tal-gvern fl-Istati Uniti qal li l-problema tan-nies li jiġu aljenati waqt li qed isuqu qed tiggrava kull sena. Pereżempju, jistgħu jaljenaw ruħhom jekk jużaw il-mowbajl waqt li qed isuqu. Ħafna rrapportaw li kienu f’aċċident, jew li kważi kienu f’aċċident, għax is-sewwieq taʼ karozza oħra kien qed juża l-mowbajl waqt li kien qed isuq. In-nies għandhom mnejn jaħsbu li qed jiffrankaw il-ħin jekk jużaw il-mowbajl waqt li jkunu qed isuqu, imma li jagħmlu dan jistaʼ jikkaġuna aċċident serju.
2 Sewwieq li jiġi aljenat għandu mnejn ma jinnotax perikli fit-triq. Xi ħaġa simili tistaʼ tiġri fir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Jistaʼ jkun perikoluż li nħallu l-affarijiet jaljenawna milli naqdu lil Alla u milli nżommu kondotta tajba. Pawlu qal li l-fidi tagħna tistaʼ tiġi mġarrfa sewwasew bħalma bastiment jistaʼ jiġġarraf f’nawfraġju. (1 Tim. 1:18, 19) L-appostlu Pawlu wissa dwar dan il-periklu meta kiteb lil ħutu f’Ruma: “Li tkun moħħok fil-laħam ifisser mewt, imma li tkun moħħok fl-ispirtu jfisser ħajja u paċi.” (Rum. 8:6) Pawlu x’ried ifisser b’dan? Kif nistgħu nevitaw ‘li nkunu moħħna fil-laħam’ u naħdmu iebes biex ‘inkunu moħħna fl-ispirtu’?
“M’Għandhomx Kundanna”
3, 4. (a) Pawlu kiteb dwar liema taqbida persunali? (b) Għala għandna nkunu interessati fis-sitwazzjoni taʼ Pawlu?
3 Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu kiteb dwar taqbida li esperjenza hu stess—konflitt bejn laħmu u moħħu. (Aqra Rumani 7:21-23.) Pawlu ma tkellimx dwar dan biex iġib l-iskużi għall-azzjonijiet tiegħu jew għax tħassar lilu nnifsu. Ma kienx qed jgħid li kien impossibbli għalih biex jagħmel is-sewwa. Wara kollox, hu kien Kristjan matur midluk bl-ispirtu, magħżul biex ikun “appostlu tal-ġnus.” (Rum. 1:1; 11:13) Allura, Pawlu għala kiteb dwar it-taqbida persunali tiegħu?
4 Pawlu kien qed jirrikonoxxi onestament li waħdu ma kienx kapaċi jagħmel ir-rieda t’Alla sal-punt li hu nnifsu xtaq. Għala? “Għax kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla,” qal hu. (Rum. 3:23) Bħall-ulied kollha t’Adam, Pawlu kien imperfett u kellu xewqat ħżiena. Nistgħu nifhmu kif kien iħossu għax ilkoll kemm aħna imperfetti u rridu niffaċċjaw taqbid simili kuljum. Iktar minn hekk, hemm ħafna aljenazzjonijiet li jistgħu jfixkluna u jbegħduna mit-‘triq imħarbta li tieħu għall-ħajja.’ (Mt. 7:14) Madankollu, is-sitwazzjoni ma kinitx bla tama għal Pawlu, u lanqas mhi bla tama għalina.
5. Pawlu fejn sab għajnuna u serħan?
5 Pawlu kiteb: “Min jeħlisni . . . ? Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna!” (Rum. 7:24, 25) Imbagħad indirizza lil dawk “f’unjoni maʼ Kristu Ġesù”—il-Kristjani midlukin. (Aqra Rumani 8:1, 2.) Permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, Ġeħova jadottahom bħala wliedu, u jsejħilhom biex ikunu “werrieta bi sħab maʼ Kristu.” (Rum. 8:14-17) L-ispirtu t’Alla, flimkien mal-fidi tagħhom fis-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, jgħinhom joħorġu rebbiħin fit-taqbida li ddeskriva Pawlu, u b’hekk “m’għandhomx kundanna.” Huma meħlusin mil-“liġi tad-dnub u l-mewt.”
6. Il-qaddejja kollha t’Alla, għala għandhom ikunu jridu jifhmu l-kliem taʼ Pawlu?
6 Filwaqt li Pawlu kien qed ikellem lill-Kristjani midlukin, dak li qal dwar l-ispirtu qaddis t’Alla u s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għall-qaddejja kollha taʼ Ġeħova, kemm jekk għandhom it-tama li jgħixu fis-sema u kemm jekk fuq l-art. Għalkemm Pawlu kien imnebbaħ biex jagħti dan il-parir lill-Kristjani midlukin, huwa vitali li l-qaddejja kollha t’Alla jifhmu u jobdu dak li kiteb.
Kif Alla “Kkundanna d-Dnub fil-Laħam”
7, 8. (a) Il-Liġi f’liema sens kienet “dgħajfa permezz tal-laħam”? (b) Alla x’wettaq permezz tal-ispirtu tiegħu u tal-fidwa?
7 F’Rumani kapitlu 7, Pawlu spjega li l-bnedmin imperfetti huma taħt il-qawwa tad-dnub. F’kapitlu 8, hu tkellem dwar il-qawwa tal-ispirtu qaddis. L-appostlu spjega kif l-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħin lill-Kristjani fit-taqbida tagħhom kontra l-qawwa tad-dnub sabiex ikunu jistgħu jgħixu fi qbil mar-rieda taʼ Ġeħova u jiksbu l-approvazzjoni tiegħu. Pawlu wera li Alla uża l-ispirtu qaddis tiegħu u s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa biex jagħmel xi ħaġa li l-Liġi taʼ Mosè ma setgħetx tagħmilha.
8 Il-Liġi, bil-ħafna kmandamenti tagħha, ikkundannat lill-midinbin. Iżjed minn hekk, il-qassisin il-kbar taʼ Iżrael li kienu qed jaqdu taħt il-Liġi kienu imperfetti u ma setgħux joffru sagrifiċċju adegwat għad-dnub. Għaldaqstant, il-Liġi kienet “dgħajfa permezz tal-laħam.” Imma “billi bagħat lil Ibnu stess fix-xebh tal-laħam midneb” u billi offrieh bħala fidwa, Alla “kkundanna d-dnub fil-laħam,” u b’hekk għeleb “dak li ma setgħetx tagħmel il-Liġi.” Minħabba f’hekk, il-Kristjani midlukin huma meqjusin ġusti fuq il-bażi tal-fidi tagħhom fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Huma mħeġġin biex ‘jimxu skond l-ispirtu u mhux skond il-laħam.’ (Aqra Rumani 8:3, 4.) Tabilħaqq, għandhom jagħmlu hekk fedelment sa tmiem il-ħajja tagħhom fuq l-art sabiex jingħataw “il-kuruna tal-ħajja.”—Riv. 2:10.
9. Xi tfisser il-kelma “liġi” kif inhi użata f’Rumani 8:2?
9 Flimkien mal-“Liġi,” Pawlu semma “l-liġi taʼ dak l-ispirtu” u “l-liġi tad-dnub u l-mewt.” (Rum. 8:2) X’inhuma dawn il-liġijiet? Il-kelma “liġi” hawnhekk ma tirreferix għal ċerti regoli, bħal dawk fil-Liġi Mosajka. Ktieb taʼ referenza jgħid li l-kelma Griega għal “liġi” f’dan il-vers tfisser l-affarijiet tajbin jew ħżiena li jagħmlu n-nies u li jikkontrollawhom bħala liġi. Tistaʼ tfisser ukoll il-prinċipji li jiddeċiedu li jgħixu fi qbil magħhom.
10. Il-liġi tad-dnub u l-mewt kif tikkontrollana?
10 L-appostlu Pawlu kiteb: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rum. 5:12) Minħabba li aħna lkoll ulied Adam, il-liġi tad-dnub u l-mewt tikkontrollana. Ix-xewqa midinba tagħna hi li nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Alla. Imma dawn l-affarijiet iwasslu għall-mewt. Fl-ittra tiegħu lill-Galatin, Pawlu qal li dawn l-azzjonijiet u d-drawwiet midinbin huma “għemejjel tal-laħam.” Imbagħad żied jgħid: “Min jipprattika dawn l-affarijiet ma jiritx is-saltna t’Alla.” (Gal. 5:19-21) Nies taʼ din ix-xorta huma l-istess bħal dawk li jimxu skont il-laħam. (Rum. 8:4) Huma gwidati minn dak li l-laħam imperfett tagħhom jgħidilhom biex jagħmlu. Imma huma n-nies li jikkommettu dnubiet bħaż-żína, l-idolatrija, l-ispiritiżmu, u dnubiet oħrajn l-uniċi wħud li qed isegwu x-xewqat tal-laħam tagħhom? Le. “L-għemejjel tal-laħam” imsemmijin f’Galatin jinkludu wkoll affarijiet li ħafna jistgħu jaħsbu li huma biss nuqqasijiet persunali. Dawn jinkludu affarijiet bħall-għira, l-għadab, it-tilwim, u l-invidja. Qatt m’għandna naħsbu li m’għandniex bżonn niġġieldu kontra l-laħam imperfett tagħna.
11, 12. (a) Ġeħova x’għamel biex jeħlisna mil-liġi tad-dnub u l-mewt? (b) X’għandna nagħmlu biex ikollna l-approvazzjoni t’Alla?
11 Kemm nistgħu nkunu ferħanin li Ġeħova għamilha possibbli għalina biex negħlbu l-liġi tad-dnub u l-mewt! Ġesù qal: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” Billi naċċettaw l-imħabba t’Alla u billi neżerċitaw il-fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu bħala fidwa, nistgħu niġu meħlusin mill-kundanna li jġib miegħu d-dnub li writna. (Ġw. 3:16-18) Għalhekk, nistgħu nħossuna bħalma ħassu Pawlu meta qal: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna!”
12 Is-sitwazzjoni tagħna hi simili għal li nitfejqu minn marda serja. Jekk nixtiequ nfiqu għalkollox, għandna nagħmlu dak li jgħidilna t-tabib. Għalkemm nistgħu niġu meħlusin mil-liġi tad-dnub u l-mewt jekk neżerċitaw il-fidi fil-fidwa, aħna xorta għadna imperfetti u midinbin. Sabiex inżommu relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova u jkollna l-approvazzjoni tiegħu, irridu nagħmlu xi ħaġa. Jekk irridu nfiqu mill-marda tal-imperfezzjoni, Pawlu jgħidilna li rridu nimxu skont l-ispirtu.
Kif Nistgħu Nimxu Skont l-Ispirtu?
13. Xi jfisser li nimxu skont l-ispirtu?
13 Meta nkunu sejrin xi mkien, nibqgħu mexjin lejn dak il-post. Biex nimxu skont l-ispirtu, hemm bżonn li nagħmlu progress fil-verità. (1 Tim. 4:15) Għalkemm ma nistgħux nagħmlu dan perfettament, kuljum nagħmlu l-almu tagħna biex insegwu l-gwida tal-ispirtu t’Alla. Jekk ‘nimxu bl-ispirtu’ jkollna l-approvazzjoni t’Alla.—Gal. 5:16.
14. Nies li jgħixu “f’armonija mal-laħam,” kif jaħsbu u jaġixxu?
14 Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu mbagħad tkellem dwar nies li għandhom żewġ modi taʼ ħsib opposti. (Aqra Rumani 8:5.) Hawnhekk il-laħam mhuwiex neċessarjament il-ġisem fiżiku. Fil-Bibbja, il-kelma “laħam” tistaʼ kultant tirreferi għall-imperfezzjonijiet tagħna. L-imperfezzjonijiet tagħna jikkaġunaw it-taqbida bejn il-laħam u l-moħħ li tkellem dwarha Pawlu. Madankollu, għall-kuntrarju tiegħu, dawk li “huma f’armonija mal-laħam” lanqas biss jissieltu. Minflok ma jikkunsidraw dak li Alla jirrikjedi minnhom u jaċċettaw l-għajnuna li pprovda hu, huma għandhom it-tendenza li “jixħtu moħħhom fuq l-affarijiet tal-laħam.” Spiss jiffokaw fuq li jissodisfaw lil ġisimhom u x-xewqat fiżiċi tagħhom. B’kuntrast, l-inklinazzjoni taʼ dawk li huma “f’armonija maʼ l-ispirtu” hi li jixħtu moħħhom fuq “l-affarijiet taʼ l-ispirtu”—provvedimenti u attività spiritwali.
15, 16. (a) Il-fatt li wieħed jixħet moħħu fuq xi ħaġa, kif jeffettwa l-attitudni mentali tiegħu? (b) Illum, il-biċċa l-kbira min-nies fiex inhuma interessati?
15 Aqra Rumani 8:6. Biex dak li jkun jagħmel xi ħaġa—kemm jekk tajba u kemm jekk ħażina—irid jixħet moħħu fuqha. In-nies li dejjem jixħtu moħħhom fuq l-affarijiet tal-laħam ma jdumux ma jiżviluppaw attitudni jew inklinazzjoni mentali li hi ffokata totalment fuq l-affarijiet tal-laħam. Is-sentimenti, l-interessi, u l-affezzjonijiet tagħhom ġeneralment ikunu okkupati għalkollox b’dawn l-affarijiet.
16 Illum, il-biċċa l-kbira min-nies biex inhuma okkupati? L-appostlu Ġwanni kiteb: “Kulma hemm fid-dinja—ix-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja—ma joriġinax mill-Missier, imma mid-dinja.” (1 Ġw. 2:16) Dawn ix-xewqat jinvolvu affarijiet bħall-immoralità, il-prominenza, u l-affarijiet materjali. Kotba, rivisti, gazzetti, films, programmi tat-televixin, u l-Internet huma miżgħudin b’materjal bħal dan, primarjament għax il-maġġuranza min-nies fuq hekk jixħtu moħħhom u dan hu dak li verament jixtiequ. Madankollu, “li tkun moħħok fil-laħam ifisser mewt”—mewt spiritwali issa u mewt fiżika fil-futur qarib. Għala? “Għax li tkun moħħok fil-laħam ifisser għadwa m’Alla, għax il-laħam m’huwiex sottomess lejn il-liġi t’Alla, fil-fatt, lanqas ma jistaʼ jkun sottomess. Għalhekk, dawk li huma f’armonija mal-laħam ma jistgħux jogħġbu lil Alla.”—Rum. 8:7, 8.
17, 18. (a) Kif nistgħu nħallu l-ispirtu t’Alla jiggwidana? (b) X’se jkun ir-riżultat jekk nagħmlu hekk?
17 Mill-banda l-oħra, “li tkun moħħok fl-ispirtu jfisser ħajja u paċi”—ħajja taʼ dejjem fil-futur kif ukoll paċi ġewwinija u paċi m’Alla issa. Kif nistgħu nuru li aħna moħħna fl-ispirtu? Jekk dejjem insegwu l-gwida t’Alla u tal-ispirtu qaddis tiegħu, se niżviluppaw mod taʼ ħsib li jaqbel mal-mod taʼ ħsib tiegħu. Aħna rridu li l-ħsib tagħna jkun “sottomess lejn il-liġi t’Alla.” Imbagħad, meta nkunu f’sitwazzjoni li rridu nirreżistu t-tentazzjoni, se nkunu nafu x’għandna nagħmlu. Se jkollna x-xewqa li nagħmlu l-għażla t-tajba—waħda li hi gwidata mill-ispirtu t’Alla.
18 Għandha tkun ix-xewqa tagħna li nixħtu moħħna fuq l-affarijiet t’Alla. L-attivitajiet Kristjani rridu nagħmluhom l-iktar parti importanti taʼ ħajjitna. Dawn l-attivitajiet jinkludu t-talb, il-qari u l-istudju tal-Bibbja, l-attendenza għal-laqgħat, u l-ministeru Kristjan fuq bażi regulari. (1 Pt. 1:13) Minflok ma nħallu x-xewqat midinbin tagħna jikkontrollawna, għandna nsegwu l-mod taʼ ħsib t’Alla u nħallu l-ispirtu tiegħu jiggwidana. Jekk nagħmlu dan, se jkollna ħafna barkiet u se jkollna ħajja taʼ dejjem u paċi.—Gal. 6:7, 8.
Tistaʼ Tispjega?
• X’kien “dak li ma setgħetx tagħmel il-Liġi,” u Alla kif għelbu?
• X’inhi “l-liġi tad-dnub u l-mewt,” u kif nistgħu ninħelsu minnha?
• Xi rridu nagħmlu biex ‘inkunu moħħna fl-ispirtu’?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġni 12, 13]
Timxi int skont il-laħam jew skont l-ispirtu?