“Tistrieħx fuq Fehmtek Stess”
“Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess.”—PROV. 3:5.
1, 2. (a) X’inhuma xi problemi li nistgħu nesperjenzaw? (b) F’min għandna nafdaw meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli, nieħdu deċiżjonijiet importanti, jew nirreżistu t-tentazzjonijiet, u għala?
L-IMGĦALLEM taʼ Cynthia a diġà keċċa lil xi ħaddiema mill-kumpanija tiegħu. Cynthia issa qed tinkwieta li anki hi tistaʼ titlef l-impjieg. Kif se tħallas il-kontijiet tagħha? Oħt Kristjana jisimha Pamela tixtieq tmur tgħix fejn il-bżonn għall-proklamaturi tas-Saltna hu akbar, imma għandha tagħmel hekk? Żagħżugħ jismu Samuel għandu problema differenti. Meta kien żgħir ħafna kien jara l-pornografija. Issa għandu fuq l-20 sena u jħoss ġibda qawwija biex jerġaʼ jibda jara l-pornografija. Kif jistaʼ jiġġieled kontra din it-tentazzjoni?
2 Fuq min tistrieħ meta tiffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli, tieħu deċiżjonijiet importanti, jew tirreżisti t-tentazzjonijiet? Tistrieħ biss fuqek innifsek, jew ‘tixħet toqlok fuq Ġeħova’? (Salm 55:22) “Għajnejn Ġeħova huma fuq in-nies sewwa,” tgħid il-Bibbja, “u widnejh miftuħin għall-għajta tagħhom għall-għajnuna.” (Salm 34:15) Mela kemm hu importanti li nafdaw f’Ġeħova b’qalbna kollha u ma nistriħux fuq fehmitna stess!—Prov. 3:5.
3. (a) Xi jfisser li nafdaw f’Ġeħova? (b) Xi wħud għala għandhom mnejn jistrieħu fuq fehmithom stess?
3 Li nafdaw f’Ġeħova b’qalb sħiħa jinvolvi li nagħmlu l-affarijiet kif irid hu, skont ir-rieda tiegħu. Irridu nitolbuh regolarment sabiex jgħinna u jiggwidana. Madankollu, ħafna jistgħu jsibuha taʼ sfida li jistrieħu għalkollox fuq Ġeħova. Pereżempju, oħt Kristjana jisimha Lynn tammetti, “Għalija kienet taqbida kontinwa li nitgħallem inpoġġi l-fiduċja sħiħa f’Ġeħova.” Għala? “M’għandi ebda relazzjoni maʼ missieri,” tgħid hi, “u ommi ma kienx jimpurtaha minni emozzjonalment jew fiżikament. Għalhekk, malajr tgħallimt nieħu ħsieb tiegħi nnifsi.” Minħabba f’hekk, hu diffiċli għaliha li tafda lil xi ħadd. Nies oħrajn għandhom mnejn jistrieħu fuq l-abbiltà u s-suċċess tagħhom stess minflok ma jafdaw f’Ġeħova. Pereżempju, anzjan li għandu ħafna esperjenza jistaʼ jibda jafda wisq fih innifsu minflok ma jitlob lil Alla qabel ma jieħu ħsieb xi kwistjonijiet fil-kongregazzjoni.
4. X’se jiġi diskuss f’dan l-artiklu?
4 Meta nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna, hu jistenna li aħna nipprovaw nagħmlu l-almu tagħna u nsegwu d-direzzjoni tiegħu. Kif tkun taf meta għandek tħalli lil Ġeħova jsolvi problema diffiċli u meta għandek tipprova ssolviha waħdek? Għal xiex għandna noqogħdu attenti meta nieħdu deċiżjonijiet? Għala għandna bżonn nitolbu meta nkunu qed niġġieldu kontra t-tentazzjonijiet? Se nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet billi nirriflettu fuq eżempji Skritturali.
Meta Nkunu Qed Insofru
5, 6. Ħeżekija kif wieġeb meta kien mhedded mis-sultan tal-Assirja?
5 Rigward is-Sultan Ħeżekija taʼ Ġuda, il-Bibbja tgħid: “Baqaʼ mqabbad maʼ Ġeħova. Ma warrabx minn warajh, imma kompla jħares il-kmandamenti li Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.” Iva, “hu fada f’Ġeħova l-Alla taʼ Israel.” (2 Slat. 18:5, 6) Ħeżekija kif wieġeb meta s-Sultan Sennakerib tal-Assirja bagħat lir-rappreżentanti tiegħu—inkluż lil Rabsake—Ġerusalemm flimkien maʼ qawwa militari kbira? L-armata Assirjana qawwija kienet diġà ħatfet taħt idejha għadd taʼ bliet fortifikati taʼ Ġuda, u issa Sennakerib kien tefaʼ għajnejh fuq Ġerusalemm. Ħeżekija mar fid-dar taʼ Ġeħova u beda jitlob: “O Ġeħova Alla tagħna, salvana, jekk jogħġbok, minn idejh, sabiex is-saltniet kollha taʼ l-art ikunu jafu li int, O Ġeħova, int waħdek Alla.”—2 Slat. 19:14-19.
6 Ħeżekija aġixxa fi qbil mat-talb tiegħu. Saħansitra qabel ma mar it-tempju biex jitlob, hu qal lill-poplu biex ma jwiġibx għall-insulti taʼ Rabsake. Ħeżekija bagħat ukoll xi rġiel għand il-profeta Isaija biex jitolbuh il-parir tiegħu. (2 Slat. 18:36; 19:1, 2) Ħeżekija ħa passi li hu kellu dritt jieħu. Din id-darba, hu ma pprovax isib soluzzjoni li ma kinitx fi qbil mar-rieda taʼ Ġeħova billi fittex għajnuna mill-Eġittu jew mill-ġnus tal-madwar. Minflok ma straħ fuq il-fehma tiegħu stess, Ħeżekija fada f’Ġeħova. Wara li anġlu taʼ Ġeħova qatel 185,000 raġel taʼ Sennakerib, Sennakerib “irtira” u mar lura Ninwe.—2 Slat. 19:35, 36.
7. Liema faraġ nistgħu niksbu mit-talb taʼ Ħanna u Ġona?
7 Ħanna, il-mara tal-Levita Elkana, kienet imnikkta ferm minħabba li ma setax ikollha tfal. Imma hi straħet fuq Ġeħova u marret għandu bit-talb dwar is-sitwazzjoni tagħha. (1 Sam. 1:9-11, 18) Il-profeta Ġona ġie meħlus minn żaqq ħuta kbira wara li talab: “Fin-niket tiegħi sejjaħt lil Ġeħova, u hu wiġibni. Minn żaqq il-Qabar għajjatt għall-għajnuna. Int smajt leħni.” (Ġona 2:1, 2, 10) Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li tkun kemm tkun imwiegħra s-sitwazzjoni tagħna, nistgħu nsejħu lil Ġeħova ‘b’supplika għall-ħniena’!—Aqra Salm 55:1, 16.
8, 9. (a) X’kien importanti għal Ħeżekija, Ħanna, u Ġona meta talbu? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tagħhom?
8 L-eżempji taʼ Ħeżekija, Ħanna, u Ġona jgħinuna nifhmu għal xiex għandna nitolbu meta nkunu qed insofru. Għalkemm it-tlieta li huma sofrew minħabba sitwazzjonijiet diffiċli, it-talb tagħhom jurina li huma ma kienx jinteressahom biss minnhom infushom u mill-problemi tagħhom stess. L-iktar affarijiet importanti għalihom kienu li jonoraw l-isem t’Alla, li jqimu lil Alla kif jixraq, u li jagħmlu dak li jitlob minnhom. Ħeżekija kien imdejjaq għaliex in-nies kienu qed jiddiżonoraw l-isem t’Alla. Ħanna wiegħdet lil Ġeħova li jekk jagħtiha iben, hi kienet se tibagħtu jaqdi fit-tabernaklu f’Silo. U Ġona qal: “Dak li wegħedt, se rroddu.”—Ġona 2:9.
9 Meta nkunu qed nitolbu għall-għajnuna minħabba sitwazzjoni diffiċli, ikun għaqli li neżaminaw il-motivi tagħna. Nitolbu aħna biss biex jitranġaw il-problemi tagħna stess? Jew niftakru f’Ġeħova u fl-iskop tiegħu fit-talb tagħna? Meta nkunu qed insofru, nistgħu tant ninkwetaw fuq il-problemi tagħna stess li l-iskop taʼ Ġeħova u l-qima tagħna lilu jsiru inqas importanti għalina. Meta nitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna, għandna niftakru biex nitolbu għat-taqdis taʼ ismu u għall-ivvindikar tas-sovranità tiegħu. Jekk niftakru f’dawn l-affarijiet fit-talb tagħna, se niġu megħjunin ikollna attitudni pożittiva anki jekk ma niksbux is-soluzzjoni li ridna. Kultant Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna billi jagħtina s-saħħa li jkollna bżonn biex nissaportu l-problema. Għandu mnejn ma jneħħihiex mill-ewwel il-problema.—Aqra Isaija 40:29; Filippin 4:13.
Meta Nkunu Qed Nieħdu Deċiżjonijiet
10, 11. Ġeħosafat x’għamel meta kellu jieħu deċiżjoni diffiċli?
10 Kif tieħu deċiżjonijiet importanti f’ħajtek? Tieħu int l-ewwel id-deċiżjoni u mbagħad titlob lil Ġeħova biex ibierek id-deċiżjoni li tkun ħadt? Ikkunsidra x’għamel Ġeħosafat, sultan taʼ Ġuda, meta l-qawwiet Mowabin u Għammonin ngħaqdu flimkien u marru jiggwerraw kontrih. Ġuda ma kinitx f’pożizzjoni li tieħu waqfa kontrihom. Allura Ġeħosafat x’għamel?
11 “Ġeħosafat beżaʼ u kien determinat li jfittex lil Ġeħova,” tgħid il-Bibbja. Hu ddikjara sawma għan-nies kollha taʼ Ġuda u ġabar lin-nies flimkien “biex jistaqsu lil Ġeħova.” Imbagħad qam bilwieqfa fil-kongregazzjoni taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm u talab. F’parti minnha, hu bil-ħniena talab: “O Alla tagħna, ma tagħmilx ħaqq minnhom? Għax fina m’hemmx qawwa quddiem din il-kotra kbira ferm li ġejja kontrina; u aħna ma nafux x’għandna nagħmlu, imma għajnejna huma fuqek.” L-Alla l-veru semaʼ t-talba taʼ Ġeħosafat u pprovda ħelsien mirakoluż. (2 Kron. 20:3-12, 17) Meta nieħdu deċiżjonijiet, speċjalment dawk li jistgħu jeffettwaw l-ispiritwalità tagħna, m’għandniex aħna nistrieħu fuq Ġeħova minflok ma nistrieħu fuq fehmitna stess?
12, 13. Meta nieħdu deċiżjonijiet, x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tas-Sultan David?
12 X’għandna nagħmlu meta jkollna problema li għandha mnejn tkun tidher faċli biex insolvuha? Forsi naħsbu li malajr nistgħu nsibu soluzzjoni minħabba li konna f’sitwazzjonijiet simili qabel. Rakkont li jinvolvi lis-Sultan David jagħtina dehen f’dan ir-rigward. Meta l-Għamalekin attakkaw lill-belt taʼ Siklag, huma ħadu n-nisa u t-tfal taʼ David u tal-irġiel tiegħu. David talab lil Ġeħova, billi qal: “Għandi niġri wara din il-qatgħa ħallelin?” Ġeħova wieġbu: “Mur iġri warajhom, għax żgur li tilħaqhom, u żgur li teħles lil kulħadd.” David obda, u “ħeles kulma kienu ħadu l-Għamalekin.”—1 Sam. 30:7-9, 18-20.
13 Xi żmien wara l-attakk tal-Għamalekin, il-Filistin telgħu kontra Iżrael. David għal darb’oħra talab lil Ġeħova u ngħata tweġiba ċara. Alla qallu: “Itlaʼ, għax jien żgur li nagħtik il-Filistin f’idejk.” (2 Sam. 5:18, 19) Ftit wara dan, il-Filistin reġgħu telgħu kontra David. X’kien se jagħmel din id-darba? Hu setaʼ rraġuna li kien jaf x’kellu jagħmel minħabba li kien diġà f’din is-sitwazzjoni darbtejn oħra. Hu setaʼ ddeċieda li jmur jiġġieled kontra l-għedewwa t’Alla. Imma David ma straħx fuqu nnifsu u fuq l-esperjenza tiegħu tal-passat. Hu għal darb’oħra mar għand Ġeħova bit-talb. Min jaf kemm kien grat li għamel dan! L-istruzzjonijiet li ngħata din id-darba kienu differenti. (2 Sam. 5:22, 23) Meta niffaċċjaw sitwazzjoni jew problema familjari, irridu noqogħdu attenti li ma nistriħux biss fuq l-esperjenza tal-passat.—Aqra Ġeremija 10:23.
14. X’nistgħu nitgħallmu mir-rakkont taʼ Ġożwè u l-Gibegħonin?
14 Peress li aħna imperfetti, ilkoll kemm aħna, anki jekk aħna anzjani tal-esperjenza, qatt m’għandna ninsew nitolbu lil Ġeħova biex jidderiġina meta nieħdu deċiżjonijiet. Ġożwè u x-xjuħ taʼ Iżrael ma talbux lil Ġeħova għad-direzzjoni meta l-Gibegħonin marru jitolbu lil Ġożwè biex ma jiġġilidx kontrihom. Għalkemm il-Gibegħonin kienu mill-belt taʼ Gibegħon li kienet fil-viċin, huma għamlu tabirruħhom li kienu ġejjin minn post imbiegħed. Ġożwè u x-xjuħ ma talbux lil Ġeħova għad-direzzjoni, u ftiehmu mal-Gibegħonin li ma jiġġildux kontrihom. Huwa minnu li Ġeħova ma ħassarx il-ftehim, imma ra li dan ir-rakkont jitpoġġa fil-Bibbja sabiex inkunu nafu li Ġożwè u x-xjuħ ma talbux għad-direzzjoni tiegħu. Dejjem għandna nitolbu lil Ġeħova biex jidderiġina qabel ma nieħdu deċiżjonijiet.—Ġoż. 9:3-6, 14, 15.
Meta Nissieltu Biex Nirreżistu t-Tentazzjonijiet
15. Spjega għala t-talb hu importanti biex nirreżistu t-tentazzjoni.
15 Minħabba li aħna lkoll midinbin, hemm bżonn li nagħmlu kulma nistgħu biex niġġieldu kontra x-xewqat midinbin tagħna. (Rum. 7:21-25) Din hi ġlieda li nistgħu nirbħuha. Kif? Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu li t-talb hu vitali biex jirreżistu t-tentazzjonijiet. (Aqra Luqa 22:40.) Anki jekk ix-xewqat jew il-ħsibijiet ħżiena jippersistu wara li nkunu tlabna lil Alla, hemm bżonn li ‘nibqgħu nitolbu lil Alla’ għall-għerf biex inkampaw maʼ din il-prova. Aħna assigurati li “hu jagħti b’mod ġeneruż u mingħajr ma jċanfar lil ħadd.” (Ġak. 1:5) Ġakbu jikteb ukoll: “Hemm xi ħadd marid [spiritwalment] fostkom? Ħa jsejjaħ għandu lill-anzjani tal-kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih, jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova. U t-talb tal-fidi jfejjaq lill-marid.”—Ġak. 5:14, 15.
16, 17. Meta jkollna bżonn l-għajnuna biex nirreżistu t-tentazzjoni, meta jkun l-aħjar ħin biex nitolbu?
16 It-talb hu essenzjali biex nirreżistu t-tentazzjoni, imma rridu nkunu konxji tal-bżonn li nitolbu fil-ħin xieraq. Aħseb dwar xi ġralu ż-żagħżugħ li jissemma fi Proverbji 7:6-23. Lejla minnhom mexa fi triq fejn kien jaf li kienet tgħix mara immorali. Hi stiednet liż-żagħżugħ f’darha. Hu ma setax jirreżisti t-tentazzjoni, u mar warajha, bħal barri li sejjer għall-qatla. Iż-żagħżugħ għala mar f’dik it-triq? Il-Bibbja tgħid li kellu “qalb belha.” X’aktarx li kien qed jissielet kontra xewqat ħżiena. (Prov. 7:7) Meta kien il-ħin xieraq għalih biex jitlob? Naturalment kien ikun tajjeb li kieku talab fi kwalunkwe ħin waqt li l-mara kienet qed tkellmu. Imma l-aħjar ħin għalih biex jitlob kien ikun malli ġieh il-ħsieb li jmur f’dik it-triq.
17 Illum, raġel għandu mnejn ikun qed jipprova jevita li jara l-pornografija. Imma xi ngħidu jekk jidħol f’siti tal-Internet fejn jaf li hemm vidjos jew stampi sesswali? Din is-sitwazzjoni tkun l-istess bħal dik taż-żagħżugħ li jissemma fi Proverbji kapitlu 7. Ikun qisu qed jimxi fi triq b’ħafna perikli. Biex nirreżistu t-tentazzjoni li naraw il-pornografija, għandna bżonn nitolbu għall-għajnuna taʼ Ġeħova. Jekk inħossu x-xewqa li naraw il-pornografija, jeħtieġ li nieqfu u nitolbu qabel ma nidħlu f’siti tal-Internet li nafu li huma perikolużi.
18, 19. (a) Għala jistaʼ jkun taʼ sfida li tirreżisti t-tentazzjoni, imma kif tistaʼ tilqaʼ l-isfida b’suċċess? (b) X’inhi d-determinazzjoni tiegħek?
18 Mhuwiex faċli li nirreżistu t-tentazzjoni jew negħlbu d-drawwiet ħżiena. “Fix-xewqa tiegħu, il-laħam hu kontra l-ispirtu,” kiteb l-appostlu Pawlu, “u l-ispirtu kontra l-laħam.” Għalhekk, ‘dak li nixtiequ nagħmlu ma nagħmluhx.’ (Gal. 5:17) Biex nirbħu din il-ġlieda, hemm bżonn li nitolbu bil-ħerqa malli x-xewqat jew it-tentazzjonijiet ħżiena jiġuna f’moħħna u mbagħad naġixxu fi qbil mat-talb tagħna. “Ebda tentazzjoni ma ġiet fuqkom ħlief dik li tiġi fuq il-bnedmin kollha,” u bl-għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu nibqgħu leali lejh.—1 Kor. 10:13.
19 Kemm jekk qed nesperjenzaw sitwazzjoni diffiċli, nieħdu deċiżjoni importanti, jew nipprovaw nirreżistu t-tentazzjoni, Ġeħova tana għotja meraviljuża—il-provvediment prezzjuż tat-talb. Permezz tiegħu, nuru li nistrieħu fuqu. Għandna wkoll nibqgħu nitolbu lil Alla għall-ispirtu qaddis tiegħu, li jiggwidana u jsaħħaħna. (Lq. 11:9-13) Ejja dejjem nafdaw f’Ġeħova u ma nistriħux fuq il-fehma tagħna stess.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
Tiftakar Int?
• X’tgħallimt minn Ħeżekija, Ħanna, u Ġona dwar li nafdaw f’Ġeħova?
• L-eżempji taʼ David u Ġożwè, kif jenfasizzaw il-bżonn li noqogħdu attenti meta nieħdu deċiżjonijiet?
• Meta b’mod speċjali għandna nitolbu dwar it-tentazzjonijiet?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 9]
Biex nirreżistu t-tentazzjoni, it-talb meta jkun l-iktar taʼ benefiċċju?