Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Għandna Niġu Gwidati bl-Ispirtu t’Alla?

Għala Għandna Niġu Gwidati bl-Ispirtu t’Alla?

“Int Alla tiegħi. L-​ispirtu tiegħek tajjeb; ħa jmexxini.”—SALM 143:10.

1. Spjega kif forza inviżibbli tistaʼ tiggwida lil xi ħadd.

 QATT użajt boxxla biex issib triqtek? Boxxla hi għodda sempliċi li tistaʼ tgħin lil xi ħadd ikun jaf f’liema direzzjoni għandu jmur. Għandha labra bil-​kalamita li tipponta lejn it-​Tramuntana. Forza inviżibbli li tissejjaħ manjetiżmu hi dik li ġġiegħel il-​labra tiċċaqlaq. Għal sekli sħaħ, in-​nies użaw il-​boxxla biex tiggwidahom meta jkunu qed jivvjaġġaw fuq l-​art u l-​baħar.

2, 3. (a) Liema forza qawwija uża Ġeħova żmien twil ilu? (b) Għala għandna nistennew li l-​forza attiva inviżibbli t’Alla tiggwida lil ħajjitna llum?

2 Hemm forza inviżibbli oħra li hi saħansitra iktar essenzjali għall-​gwida tagħna. X’inhi? Il-​forza deskritta fil-​versi tal-​ftuħ tal-​Bibbja. Waqt li jitkellem dwar dak li wettaq Ġeħova żmien twil ilu, il-​ktieb tal-​Ġenesi jgħid: “Fil-​bidu Alla ħalaq is-​smewwiet u l-​art.” Hekk kif għamel dan, hu bagħat forza qawwija, għax ir-​rakkont tal-​ħolqien iżid jgħid: “Il-​forza attiva t’Alla kienet qed titħarrek ’l hemm u ’l hawn.” (Ġen. 1:1, 2) X’forza kien qed juża Alla? L-​ispirtu qaddis—il-​forza dinamika li permezz tagħha sar il-​ħolqien. Aħna nafu l-​eżistenza tagħna għall-​fatt li Ġeħova uża dan l-​ispirtu biex jipproduċi x-​xogħlijiet kollha tiegħu.—Ġob 33:4; Salm 104:30.

3 Bħala bnedmin tad-​demm u l-​laħam, għandna nistennew li l-​forza attiva t’Alla jkollha iktar effett fuq ħajjitna? L-​Iben t’Alla stess kien jaf li kellna nistennew dan, għax Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “L-​ispirtu . . . jiggwidakom lejn il-​verità kollha.” (Ġw. 16:13) X’inhu dan l-​ispirtu, u għala għandna nkunu rridu niġu gwidati bih?

X’Inhu l-​Ispirtu Qaddis?

4, 5. (a) Dawk li jemmnu bit-​Trinità x’jaħsbu b’mod żbaljat li hu l-​ispirtu qaddis? (b) Kieku kif tispjega x’inhu verament l-​ispirtu qaddis?

4 X’aktarx, xi nies li titkellem magħhom fil-​ministeru għandhom fehma mhix Skritturali dwar l-​ispirtu qaddis. Uħud li jemmnu bit-​Trinità b’mod żbaljat jaħsbu li dan hu persuna spirtu ugwali m’Alla l-​Missier. (1 Kor. 8:6) Imma wieħed jistaʼ juri faċilment kemm id-​duttrina tat-​Trinità hi kuntrarju għal dak li tgħid l-​Iskrittura.

5 Allura x’inhu verament l-​ispirtu qaddis? Nota taʼ taħt f’Ġenesi 1:2 fin-​New World Translation of the Holy Scriptures—With References tgħid: “Minbarra li tiġi tradotta bħala ‘spirtu,’ ruwaħ [Ebrajk] tiġi tradotta wkoll bħala ‘riħ’ u bi kliem ieħor li jindika forza attiva inviżibbli.” (Qabbel in-​noti taʼ taħt f’Ġenesi 3:8; 8:1 fil-​Bibbja msemmija.) L-​istess bħalma r-​riħ hu inviżibbli imma fih il-​forza, hekk ukoll l-​ispirtu qaddis hu inviżibbli imma jipproduċi effetti. Dan l-​ispirtu hu enerġija minn Alla li hu jibgħat u juża fuq bnedmin jew affarijiet biex iwettaq ir-​rieda tiegħu. Huwa diffiċli biex temmen li forza tant meraviljuża toħroġ mis-​Sors qaddis, Alla li Jistaʼ Kollox? Lanqas xejn!—Aqra Isaija 40:12, 13.

6. Liema talba sinifikanti għamel David lil Ġeħova?

6 Jistaʼ Ġeħova jibqaʼ juża l-​ispirtu tiegħu biex jiggwidana fil-​ħajja? Hu wiegħed lis-​salmista David: “Se nagħtik id-​dehen u nistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad.” (Salm 32:8) Ried David jiġi gwidat minn Alla? Iva, għax hu talab bi ħrara lil Ġeħova: “Għallimni nagħmel ir-​rieda tiegħek, għax int Alla tiegħi. L-​ispirtu tiegħek tajjeb; ħa jmexxini.” (Salm 143:10) Aħna għandu jkollna l-​istess xewqa u rieda li niġu gwidati bl-​ispirtu t’Alla. Għala? Ejja naraw erbaʼ raġunijiet.

M’Aħniex Kwalifikati Biex Niggwidaw Lilna Nfusna

7, 8. (a) Għala m’aħniex kapaċi niggwidaw lilna nfusna mingħajr l-​għajnuna t’Alla? (b) Spjega għala ma nissograwx nipprovaw insibu triqitna f’din is-​sistema waħedna.

7 L-​ewwel, għandna nkunu rridu niġu gwidati bl-​ispirtu t’Alla għax m’aħniex kapaċi niggwidaw lilna nfusna. Li tiggwida jfisser li tidderieġi f’ċerta korsa jew turi t-​triq li għandha tiġi segwita. Madanakollu, Ġeħova ma ħalaqniex bl-​abbiltà li nagħmlu dan għalina nfusna, speċjalment fl-​istat imperfett tagħna. Il-​profeta tiegħu Ġeremija kiteb: “O Mulej, jien naf li l-​bniedem m’għandux jedd fuq triqtu: u lanqas hu fil-​bniedem li jmexxi l-​passi tiegħu.” (Ġer. 10:23, Karm Żammit) U għala le? Ġeremija semaʼ r-​raġuni li Alla ta għala m’aħniex kapaċi nidderieġu lilna nfusna. Waqt li tkellem dwar il-​persuna li aħna minn ġewwa, Ġeħova qal: “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha?”—Ġer. 17:9; Mt. 15:19.

8 Ma taqbilx li tkun bluha jekk xi ħadd bla esperjenza jitlaq għal rasu, mingħajr boxxla jew persuna li taf l-​inħawi, u jerħilha għal ġo xagħri li lanqas mapep m’hemm tiegħu? Ikun qed jissogra ħajtu peress li ma jafx x’għandu jagħmel biex jibqaʼ ħaj f’post inospitabbli bħal dan u peress li ma jkunx jaf kif isib triqtu għad-​destinazzjoni tiegħu qawwi u sħiħ. Bl-​istess mod ikun qed jissogra ħajtu dak li jaħseb li jistaʼ jidderieġi triqtu f’din id-​dinja mill-​agħar mingħajr ma jħalli lil Alla jurih it-​triq it-​tajba. L-​uniku ċans li għandna biex ngħaddu minn din is-​sistema b’suċċess hu li nitolbu lil Ġeħova bħalma għamel David: “Ħa jibqgħu l-​passi tiegħi f’mogħdijietek, sabiex riġlejja ma jogħtrux.” (Salm 17:5; 23:3) Kif inhu possibbli li nirċievu gwida bħal din?

9. Bħalma jidher f’paġna 17, l-​ispirtu t’Alla kif jistaʼ jkun gwida ċerta għalina?

9 Jekk aħna umli u lesti li niddependu minn Ġeħova, hu se jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu bħala gwida ċerta għalina. Din il-​forza attiva kif se tgħinna? Ġesù spjega lid-​dixxipli tiegħu: “L-​ispirtu qaddis, li l-​Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għedtilkom.” (Ġw. 14:26) Hekk kif b’mod regulari u bit-​talb nistudjaw il-​Kelma t’Alla, inkluż dak kollu li qal Kristu, l-​ispirtu qaddis se jżid il-​fehma tagħna tal-​għerf profond taʼ Ġeħova ħalli nkunu nistgħu nsegwu mill-​qrib ir-​rieda tiegħu. (1 Kor. 2:10) Iktar minn hekk, meta jiġru affarijiet mhux mistennijin f’ħajjitna, l-​ispirtu se jurina x’għandna nagħmlu. Se jfakkarna fi prinċipji Bibliċi li ġa tgħallimna u se jgħinna nifhmu kif nistgħu nużawhom biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin.

Ġesù Kien Gwidat bl-​Ispirtu t’Alla

10, 11. Liema stennija kellu l-​Iben uniġenitu t’Alla rigward l-​ispirtu qaddis, u l-​ispirtu qaddis kif għenu?

10 Raġuni oħra għala għandna nkunu rridu niġu gwidati bl-​ispirtu qaddis hi li Alla mexxa lil Ibnu stess bih. Qabel ma ġie fuq l-​art, l-​Iben uniġenitu t’Alla kien jaf bil-​profezija: “Fuqu jrid jistrieħ l-​ispirtu taʼ Ġeħova, l-​ispirtu taʼ l-​għerf u taʼ l-​abbiltà li jifhem, l-​ispirtu taʼ l-​għoti taʼ pariri u tas-​setgħa, l-​ispirtu taʼ l-​għarfien u tal-​biżaʼ taʼ Ġeħova.” (Is. 11:2) Il-​ħajja fuq l-​art ma kinitx se tkun faċli għal Ġesù. Immaġina ftit kemm kien ħerqan biex jirċievi l-​għajnuna tal-​ispirtu t’Alla!

11 Kliem Ġeħova seħħ. Ir-​rakkont tal-​Evanġelju jgħid dak li ġara eżatt wara l-​magħmudija taʼ Ġesù: “Issa Ġesù, mimli bl-​ispirtu qaddis, telaq mill-​Ġordan u ttieħed mill-​ispirtu fix-​xagħri.” (Lq. 4:1) Hemmhekk, waqt li Ġesù kien qed isum, jitlob, u jimmedita, Ġeħova x’aktarx li għallem lil Ibnu dwar dak li kien se jseħħ u ħejjieh għal dan. Il-​forza attiva t’Alla kienet qed taħdem f’moħħ u f’qalb Ġesù billi ggwidat il-​ħsib u d-​deċiżjonijiet tiegħu. B’hekk, Ġesù kien jaf x’kellu jagħmel f’kull sitwazzjoni, u għamel eżatt dak li Missieru riedu jagħmel.

12. Għala hu neċessarju li nitolbu biex l-​ispirtu t’Alla jiggwidana?

12 Ġesù kien jaf il-​valur tal-​effetti tal-​ispirtu t’Alla f’ħajtu stess, allura enfasizza lid-​dixxipli tiegħu l-​importanza taʼ li jistaqsu għall-​ispirtu qaddis u jkunu gwidati bih. (Aqra Luqa 11:9-​13.) Dan għala hu tant neċessarju għalina? Għax jistaʼ jibdel il-​ħsib tagħna biex jiġi jixbah il-​moħħ taʼ Kristu. (Rum. 12:2; 1 Kor. 2:16) Billi nħallu l-​ispirtu t’Alla jiggwida lil ħajjitna, aħna nistgħu naħsbu bħalma jaħseb Kristu u nimitaw l-​eżempju tiegħu.—1 Pt. 2:21.

L-​Ispirtu tad-​Dinja Jistaʼ Jiżvijana

13. X’inhu l-​ispirtu tad-​dinja, u xi jġiegħel lin-​nies jagħmlu?

13 It-​tielet raġuni għala għandna nkunu rridu niġu gwidati bl-​ispirtu t’Alla hi li mingħajru nistgħu niġu żvijati bl-​ispirtu mhux qaddis li jinfluwenza l-​ħajjiet tal-​maġġoranza tan-​nies illum. Id-​dinja għandha forza qawwija tagħha stess li ġġiegħel lin-​nies biex jagħmlu eżatt l-​oppost taʼ dak li jiggwidana nagħmlu l-​ispirtu qaddis. Minflok ma jgħin lin-​nies ikollhom il-​moħħ taʼ Kristu, l-​ispirtu tad-​dinja jġiegħel lin-​nies jaħsbu u jaġixxu bħall-​ħakkiem tad-​dinja, Satana. (Aqra Efesin 2:1-​3; Titu 3:3.) Meta dak li jkun iċedi għall-​ispirtu tad-​dinja u jibda jipprattika l-​għemejjel tal-​laħam, ikun hemm konsegwenzi ħżiena, u b’hekk ma jitħalliex jiret is-​Saltna t’Alla.—Gal. 5:19-​21.

14, 15. Kif nistgħu nirnexxu f’li nirreżistu l-​ispirtu taʼ din id-​dinja?

14 Ġeħova ramana biex nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja. L-​appostlu Pawlu qalilna biex ‘inkomplu niksbu l-​qawwa fil-​Mulej u fis-​setgħa tas-​saħħa tiegħu sabiex inkunu nistgħu nirreżistu fil-​jum il-​ħażin.’ (Efes. 6:10, 13) Bl-​ispirtu tiegħu, Ġeħova jsaħħaħna ħalli nifilħu għall-​isforzi taʼ Satana biex jiżvijana. (Riv. 12:9) L-​ispirtu tad-​dinja hu b’saħħtu, u ma nistgħux nevitawh għalkollox. Imma m’għandniex għalfejn niġu korrotti minnu. L-​ispirtu qaddis hu saħansitra iktar b’saħħtu, u se jgħinna!

15 Rigward dawk li telqu mill-​Kristjanità fl-​ewwel seklu, l-​appostlu Pietru qal: “Abbandunaw it-​triq id-​dritta u ġew imqarrqin.” (2 Pt. 2:15) Kemm għandna għal xiex inkunu grati li “ma rċivejniex l-​ispirtu tad-​dinja, imma l-​ispirtu li ġej mingħand Alla”! (1 Kor. 2:12) Bl-​għajnuna tal-​influwenza tiegħu u billi nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​provvedimenti kollha taʼ Ġeħova biex nibqgħu fit-​triq it-​tajba spiritwalment, nistgħu nirnexxu f’li nirreżistu l-​ispirtu sataniku taʼ din id-​dinja mill-​agħar.—Gal. 5:16.

L-​Ispirtu Qaddis Jipproduċi Frott Tajjeb

16. L-​ispirtu qaddis liema frott jistaʼ jipproduċi fina?

16 Ir-​rabaʼ raġuni għala għandna nkunu rridu li l-​ispirtu t’Alla jaħdem fina hi li dan jipproduċi frott tajjeb fil-​ħajjiet taʼ dawk immexxijin minnu. (Aqra Galatin 5:22, 23.) Min fostna ma jixtieqx iħobb iktar u jkollu iktar ferħ u paċi? Min fostna ma jixtieqx li joktor fis-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, u t-​tjubija? Min fostna kieku ma jibbenefikax jekk jiżviluppa iktar fidi, ħlewwa, u rażan? L-​ispirtu t’Alla jipproduċi fina kwalitajiet mill-​aħjar li huma taʼ ġid għalina u għal dawk li ngħixu jew naqdu magħhom. Irridu nkomplu naħdmu iebes biex nuru dan il-​frott. M’hemm l-​ebda limitu fuq l-​ammont taʼ frott tal-​ispirtu li neħtieġu u nistgħu nipproduċu.

17. Kif nistgħu nikkultivaw iktar xi aspett tal-​frott tal-​ispirtu?

17 Inkunu għaqlin jekk neżaminaw lilna nfusna biex nagħmlu ċert li kliemna u għemilna juru li aħna gwidati bl-​ispirtu qaddis u li qed nipproduċu l-​frott tiegħu. (2 Kor. 13:5a; Gal. 5:25) Jekk naraw li għandna bżonn nikkultivaw xi aspetti tal-​frott tal-​ispirtu, nistgħu nikkooperaw iktar mal-​ispirtu qaddis f’li nipproduċu dawn il-​kwalitajiet. Nagħmlu dan billi nistudjaw dwar kull waħda minn dawn il-​kwalitajiet permezz tal-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna. Għandna naħsbu dwar kif nistgħu nuru l-​frott tal-​ispirtu fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum u mbagħad naħdmu iktar biex nuruh. a Hekk kif nosservaw ir-​riżultati tal-​ħidma tal-​ispirtu t’Alla f’ħajjitna kif ukoll fil-​ħajja tal-​Kristjani sħabna, b’mod ċar naraw għala għandna niġu gwidati bih.

Qiegħed Iċċedi għall-​Ispirtu t’Alla?

18. Ġesù kif inhu eżempju għalina f’li jħalli l-​ispirtu t’Alla jiggwidah?

18 Bħala l-​“ħaddiem tas-​sengħa” t’Alla fil-​ħolqien tal-​univers fiżiku, Ġesù kien jaf sew dwar il-​manjetiżmu tal-​art, il-​forza li tgħin lil bnedmin meta jużaw boxxla. (Prov. 8:30; Ġw. 1:3) Però, imkien fil-​Bibbja ma nsibu li Ġesù qatt uża din il-​forza biex jiggwida triqtu meta kien fid-​dinja. Imma l-​Bibbja tgħid li bħala bniedem esperjenza kemm l-​ispirtu qaddis t’Alla kien forza qawwija f’ħajtu. Hu ried ikun influwenzat minnu, u meta ggwidah jagħmel xi ħaġa, hu ċeda u għamilha. (Mk. 1:12, 13; Lq. 4:14) Tħalli l-​ispirtu t’Alla jiggwidak bħalma għamel Ġesù?

19. X’għandna nagħmlu biex l-​ispirtu qaddis isir il-​forza li tiggwidana f’ħajjitna?

19 Il-​forza attiva t’Alla għadha taħdem fl-​imħuħ u l-​qlub taʼ dawk li huma lesti li jiġu mqanqlin u gwidati minnha. Kif tistaʼ tħalliha tmexxik fid-​direzzjoni t-​tajba? Itlob kontinwament lil Ġeħova ħalli jibgħatlek l-​ispirtu tiegħu u jgħinek iċċedi għall-​influwenza tiegħu. (Aqra Efesin 3:14-​16.) Aħdem fi qbil mat-​talb tiegħek billi tfittex għal pariri misjubin fil-​Kelma miktuba t’Alla, il-​Bibbja, li hi mnebbħa mill-​ispirtu qaddis. (2 Tim. 3:16, 17) Obdi l-​istruzzjonijiet għaqlin li toffri, u mbagħad aċċetta bil-​ħerqa d-​direzzjoni tal-​ispirtu qaddis. Aġixxi b’fiduċja fl-​abbiltà taʼ Ġeħova li jiggwidak bl-​aħjar mod possibbli fil-​ħajja f’din id-​dinja mill-​agħar.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni taʼ kull aspett, ara s-​suġġett “Fruitage of God’s Spirit” u s-​sottitlu “List by Aspect” fil-​Watch Tower Publications Indexes.

Tiftakarhom il-​Punti Prinċipali?

• L-​ispirtu qaddis kif jistaʼ jeffettwa ħajjitna?

• X’inhuma erbaʼ raġunijiet għala għandna nkunu rridu niġu gwidati bl-​ispirtu t’Alla?

• Kif nistgħu nagħtu sehemna biex nibbenefikaw bis-​sħiħ mit-​tmexxija tal-​ispirtu qaddis?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 15]

L-​ispirtu t’Alla kien forza influwenti fil-​ħajja taʼ Ġesù

[Stampa f’paġna 17]

L-​ispirtu t’Alla jaħdem fl-​imħuħ u l-​qlub biex iqanqalhom u jiggwidahom